L- Enċiklika Laudato si’, għaxar snin wara

Kitba ta’ Joe Farrugia

Fit-24 ta’ Mejju 2015, il-Papa Franġisku kien ippubblika l-enċiklika tiegħu Laudato Si’.

Ħafna kienu qalu li dan kien dokument dwar l-ambjent. Oħrajn ippreferew jużaw il-kelma ħolqien, għax din tagħtih dimensjoni teoloġika billi timplika li hemm Ħallieq. Imma l-Papa, fis-sotto titolu tal-enċiklika, iddiskrevih bħala wieħed dwar il-kura tad-Dar Komuni tagħna.  B’din il-frażi, sa minn fuq il-qoxra ta barra, huwa enfasizza …

  • ċ-ċentralità tal-bniedem fil-qasam ekoloġiku,
  • wera li r-responsabiltà ekoloġika hija waħda kolletiva tagħna lkoll,
  • u indika l-urġenza ta’ din il-materja,

Id-distinzjoni bejn ħolqien  u ambjent/ environment, mhix biss waħda ta’ terminoloġija nisranija jew ateja. Il-kelma ambjent tiddistingwi bejn aħna u l-kumplament ta’ madwarna. Imma l-kelma ħolqien, li kollox u kuħhadd parti minnu turina l-integralità – kollox ħaġa waħda. Saħansitra l-istess Kelma ta’ Alla li mhux biss toħloq, imma hija stess issir parti mill-ħolqien. Mhux biss tikkreja imma ssir kreatura. Dan narawh fil-prologu tal-Evanġelju skont San Ġwann.

Kull enċiklika u kull dokument ieħor ta’ kwalunkwe papa għandhom l-importanza tagħhom, imma l-Laudato si’, minbarra li hija importanti, hija wkoll dokument storiku li fil-futur, kull meta jissemma l-Papa Franġisku, l-ewwel ħsieb li jiġi fil-moħħ, għad irid tkun il-Laudato si’.  L-istess jiġri llum meta nsemmu lill-Papa Ljun XIII, niftakru mill-ewwel fir-Rerum novarum. Anke din kienet dokument storiku.

Bl-ebda mod ma nixtieq innaqqas l-importanza ta’ tant enċikliċi u dokumenti oħra, imma r-Rerum Novarum u l-Laudato si’ kienu t-tnejn punt importanti ta’ riferment kemm għall-Knisja, u kemm għas-soċjetà.

Il-Laudato si’ huwa dokument storiku speċjalment għaliex ma jitrattax il-problema ekoloġika biss mill-aspett uman, soċjali, ekonomiku u kulturali. Magħom, il-Papa jinkludi wkoll dawk l-aspett morali u dak spiritwali. Dan ittrasttah b’mod dettaljat fir-raba’ taqsima tal-enċiklika.

Għaxar snin wara l-Laudato si’, anke l-Papa Ljun XIV, waqt l-Udjenza Ġenerali tad-19 ta’ Novembru 2025, tkellem dwar l-ekoloġija integrali b’rabta mal-ispiritwalità tal-Għid il-Kbir.

Sa mill-ewwel taqsima, il-Papa jiġbed l-attenzjoni tal-Knisja u tad-dinja, fuq dak li qed jiġri llum lil din id-dar komuni tagħna. Tinġis u bidliet fil-klima, l-kwestjoni tal-ilma, it-telf fil-bijodiversità, taħsir fil-kwalità tal-ħajja, nuqqas ta’ ugwaljanza globali, u dgħajjfin tar-relazzjonijiet mhux biss bejnietna, imma wkoll mal-kumplament tal-ħolqien.

Fit-tieni taqsima, Franġisku jitratta l-aspett bibliku u evanġeliku tal-ħolqien, biex imbagħad, fit-tielet taqsima jikteb dwar l-għerq uman ta’ din il-kriżi ekoloġika. Fl-aħħar żewġ kapitli, il-ħames u s-sitta, huwa jagħti xi linji ta’ orjentament u azzjoni, kif ukoll jikteb dwar il-ħtieġa ta’ aktar edukazzjoni fuq din il-materja u dik li huma jiddiskreviha bħala spiritwalità ekoloġika.

Imma, kif aċċennajt aktar ‘il fuq, fiċ-ċentru ta’ dan kollu, hemm ir-raba’ kapitlu li jagħti din il-ħarsa ġdida lejn l-ekoloġija.  Mhux aktar ekoloġija ambjentali biss, imma wkoll ekonomika u soċjali. Ekoloġija kulturali u fil-ħajja ta’ kuljum. Ekoloġija mibnija fuq il-prinċipju tal-ġid komuni u l-ġustizzja; mhux biss għal issa u għal hawn, imma ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet.

Franġisku wera li l-kriżi ambjentali mhijiex biss problema xjentifika, teknika jew ekonomika, imma wkoll kwistjoni morali u spiritwali. Hekk hu għaqqad flimkien dawk li hu ddeskrivihom bħala l-karba tal-art u l-karba tal-foqra. Stedinna lkoll għal konverżjoni ekoloġika, kemm fuq livell personali u kemm fuq livell kollettiv. Fuq kollox din hija stedina li l-Papa Franġisku għamilha mhux biss lill-Knisja imma wkoll lid-dinja.

Aqra l-Enċiklika Laudato Si’ bil-Malti u aktar dwarha … https://www.laikos.org/ls/

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading