Kitba ta’ Patri Juan De Bono ocd
Il-bnedmin għandna ħabta kif nippruvaw nidhru differenti minn dak li aħna tassew.
Darba Santa Tereżina li xtaqet tidħol soru ta’ ħmistax-il-sena tellgħet xaharha ‘l fuq biex tidher akbar fl-eta’, u aħna spiss nagħmlu l-istess.
Minn jagħmel xagħru kollu nokkli, min jiżbgħu biex ma jurix li xaharhu abjad, minn jilbes nuċċalli tax-xemx ta’ kiesaħ, minn jghatti wiċċu bil-make up, min isuq karozza lussuża u ma għandux għaxja ta’ lejla, min joħroġ jiekol f’xi ristorant ma sħabu u mbagħad ma jlaħħaqx sal-aħħar tax-xahar, insomma IL-BNIEDEM JIPPROVA JIDHER SPISS DAK LI JIXTIEQ LI JKUN.
U anki aħna lil Ġesu’ nippruvaw pubblikament inlibbsuh kuruna mill-isbaħ, kuruna tlellex, imma fil-fatt aħna nafu li Kristu warrab dik il-kuruna li pprepajna aħna għaliH u libes dik ta’ Qaddej u Ragħaj. Meta Ġesu’ riedu jagħmluH sultan, hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.
Kemm ulied lil ġenituri tagħhom jippruvaw ma jinkwetawhomx u jagħmlulhom ħajjithom sabiħa IMMA L-ĠENITURI XORTA DEJJEM ĦSIEBHOM FINA anki jekk ikunu kollhom dimensja, għax id-demm ma jsirx semm. Nixtiequ nlibbsu lil ġenituri tagħna kuruna sabiħa, imma għax id-demm ma jsirx semm aħna r-raġuni tal-inkwiet tagħhom. Anki meta nkunu l-aktar ulied twajba possibli, huma xorta DEJJEM INKWETATI GĦALINA.
Fl-aħħar tad-dinja, meta kollox ikun għadda, hemm iva Kristu jiġi nkurunat mil-Missier b’kuruna li tlellex, imma sakemm aħna għadna noffenduH, sakemm aħna għadna ma aħniex dak li xtaq hu minna, il-kuruna li jilbes se tkun dik tax-xewk.
Dik hija l-kuruna (tax-xewk) li aħna nlibbsuh, u aktar ma nippruvaw nilgħabuha tal-qaddisin, aktar inniktulu ‘l qalbu. Jekk waqqajna l-vażun, inutli nwaħħlu fil-qattus li għamel ġurnata rieqed u ma ċċaqlaqx minn postu. Bil-Malti ngħidu ‘nilgħabu tal-boloħ biex ma nħallsux dazju’.
Bħal Marija aħna nistgħu BISS noqgħodu taħt is-Salib ta’ Ġesu’, nsostnuH waqt din il-Passjoni ħarxa li għaddej minnha u li fiha min iħares (il-poplu), min igħajjru (l-kbarat tal-poplu), min jiddieħaq biH (is-suldati) u min irid jużaH għal gwadan tiegħu personali (il-ħalliel il-ħażin).
Mal-ħalliel it-tajjeb aħna msejħin biex
- NIRRIKONOXXU LI HU ALLA
- NINDUNAW LI AĦNA MIDIMBIN
- NITOLBUH JAĦSEB FINA META JKUN FIS-SALTNA TIEGĦU.
Il-kuruna tax-xewk tagħmlu Sultan differenti mis-slaten l-oħra, u Ġesu’ MHUX SULTAN BĦAS SLATEN L-OĦRA.
Iva, imma għad jasal il-jum meta dik il-kuruna li bħalissa liebes Kristu (dik tax-xewk) għad jilbsuha dawk kollha li jkunu żebilħu lil Alla matul ħajjithom, u mbagħad Kristu jitlibbes mil-Missier (u bix-xieraq) KURUNA MIMLIJA ĠOJJELLI U IMPREZZABBLI.
