VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
FIT-TURKIJA U L-LIBANU
B’PELLEGRINAĠĠ F’İZNIK (IT-TURKIJA)
FL-OKKAŻJONI TAL-1,700 ANNIVERSARJU MILL-EWWEL KONĊILJU TA’ NICEA
(27 ta’ Novembru – 2 ta’ Diċembru 2025)
ŻJARA TAL-OPERATURI PASTORALI
U DAWK MEGĦJUNA MILL-ISPTAR “DE LA CROIX”
TISLIMA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Sptar “De La Croix” (Jal ed Dib)
It-Tlieta 2 ta’ Diċembru 2025
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba! L-għodwa t-tajba! (bl-Għarbi)
Grazzi tal-akkoljenza sabiħa tagħkom! Grazzi! (bl-Għarbi)
Kemm jien kuntent li qed niltaqa’ magħkom, kienet xewqa tiegħi, għax hawn jgħammar Ġesù: kemm fikom il-morda, kemm fikom li tieħdu ħsiebhom, is-Sorijiet, it-tobba u l-operaturi kollha tas-saħħa u l-personal. Nixtieq qabelxejn insellmilkom bi mħabba u niżgurakom li tinsabu fil-qalb tiegħi u fit-talb tiegħi. U nirringrazzjakom tal-innu sabiħ li kantajtu! Grazzi lill-kor u lill-kompożituri: huwa messaġġ ta’ tama!
Dan l-isptar ġie mwaqqaf mill-Beatu Patri Jacques, Patri Yaakub, appostlu kbir tal-karità li llum qed infakkru l-qdusija tal-ħajja tiegħu, li dehret b’mod partikulari fil-imħabba għall-aktar foqra u batuti. Is-Sorijiet Franġiskani tas-Salib, imwaqqfin minnu, qed ikomplu l-opra tiegħu u jiżvolġu servizz prezzjuż: grazzi, għeżież Sorijiet, tal-missjoni li qed twettqu bil-ferħ u d-dedikazzjoni!
Nixtieq insellem ukoll b’tant gratitudni lill-personal tal-Isptar. Il-preżenza tagħkom kompetenti u attenta u l-kura tal-morda huma sinjal tanġibbli tal-imħabba ħanina ta’ Kristu. Intom bħas-Samaritan it-tajjeb, li jieqaf maġenb min hu ferut u jieħu ħsiebu biex jerfgħu u jfejqu. Xi drabi tista’ tasal l-għeja jew it-taqtigħ il-qalb, fuq kollox minħabba l-kundizzjonijiet mhux dejjem favorevoli li fihom issibu ruħkom taħdmu; inħeġġiġkom biex ma titilfux il-ferħ ta’ din il-missjoni u, minkejja xi diffikultà, nistedinkom li żżommu dejjem quddiemkom il-ġid li għandkom il-possibbiltà li twettqu. Hija opra kbira f’għajnejn Alla!
Dan li qed tgħixu f’dan il-post hu twissija għal kulħadd, għall-art tagħkom imma anki għall-umanità kollha: ma nistgħux ninsew lil dawk l-aktar dgħajfa, ma nistgħux nimmaġinaw soċjetà li tiġri bis-saħħa kollha u tiggranfa mal-miti foloz tal-benessri, waqt li tinjora tant sitwazzjonijiet ta’ faqar u ta’ dgħufija. B’mod partikulari aħna l-Insara, li aħna l-Knisja tal-Mulej Ġesù, aħna msejħin nieħdu ħsieb tal-foqra: il-Vanġelu stess jitlob dan minna u – ma ninsewx – il-karba tal-foqra li nsibu anki fl-Iskrittura kollha tisfidana: “Fuq il-wiċċ ferut tal-foqra nsibu mnaqqxa t-tbatija tal-innoċenti u, għalhekk, l-istess tbatija ta’ Kristu” (Eżortazzjoni appostolika Dilexi te, 9).
Lilkom, għeżież ħuti milqutin mill-mard, nixtieq biss infakkarkom li intom qegħdin fil-qalb ta’ Alla Missierna. Hu jġorrkom fuq il-palma ta’ jdejh, iseħibkom bi mħabba, joffrilkom il-ħlewwa tiegħu permezz tal-idejn u t-tbissimiet ta’ min jieħu ħsieb tal-ħajja tagħkom. Lil kull wieħed u waħda minnkom illum il-Mulej qed itennilu: inħobbok, irridlek il-ġid, int ibni! Tinsewh qatt dan!
Grazzi lil kulħadd! Shukrán! Allah ma’akum (Grazzi! Alla magħkom)
Miġjub gżall-Malti minn Francesco Pio Attard