IL-PAPA LJUN XIV
ANGELUS
Pjazza San Pietru
II Ħadd tal-Avvent, 7 ta’ Diċembru, 2025
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
L-Evanġelju ta’ dan it-tieni Ħadd tal-Avvent iħabbrilna l-miġja tas-Saltna t’Alla (cfr Mt 3,1-12). Qabel Ġesù jidher fix-xena l-Prekursur tiegħu, Ġwanni l-Battista. Kien jipprietka fid-deżert tal-Ġudeja. Kien jgħid: “Indmu għax is-saltna tas-smewwiet waslet” (cfr Mt 3,1).
Fi-talba “tal-Missierna” kuljum nitolbu: “Tiġi saltnatek”. Għallimhielna Ġesù nnifsu. U b’din l-invokazzjoni aħna norjentaw ruħna lejn il-Ġdid li Alla ħejja għalina, nagħrfu li l-mixja tal-istorja mhix miktuba mis-setgħanin ta’ din id-dinja. Inqiegħdu ħsibijietna u l-enerġiji tagħna għas-servizz ta’ dak Alla li jiġi biex isaltan imma mhux biex jaħkimna, iżda biex jeħlisna. Hu “vanġelu”: aħbar tajba verament li timmotivana u tinvolvina.
Żgur li t-ton tal-Battista hu iebes, iżda l-poplu jisimgħu għax fi kliemu jħoss jidwi l-appell ta’ Alla biex ma nilgħabux mal-ħajja, napprofittaw ruħna mill-waqt ta’ issa biex nitħejjew għal-laqgħa ma’ Dak li jiġġudika skont l-opri u l-intenzjonijiet tal-qalb u mhux fuq l-apparenza.
Ġwanni nnifsu kellu jibqa’ sorpriż bil-mod li bih immanifestat ruħha s-Saltna t’Alla f’Ġesù Kristu, bil-manswetudni u l-ħniena. Il-Profeta Iżaija jipparagunaha ma’ rimja: mhux xbieha ta’ setgħa jew ta’ distruzzjoni iżda ta’ twelid u novità. Fuq ir-rimja li tisponta minn zokk donnu mejjet, jonfoħ l-Ispirtu s-Santu bid-doni tiegħu (cfr Iż 11,1-10). Kull wieħed u waħda minna jista’ jiftakar f’xi sorpriża simili li ġratlu f’ħajtu.
Hi l-esperjenza tal-Knisja li għexet il-Konċilju Vatikan II, li kien intemm propju sittin sena ilu: esperjenza li tiġġedded meta nimxu lkoll flimkien lejn is-Saltna t’Alla, ilkoll lesti biex nilqgħuh u nqaduh. Allura mhux biss niġġeneraw realtajiet li kienu jidhru dgħajfa jew marġinali, imma jsir realtà dak li umanament konna nqisuh impossibbli. Bit-tixbihat tal-Profeta: “Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun,
daqsxejn ta’ tfajjel isuqhom” (Iż 11,6).
Ħuti, kemm għandha bżonn din it-tama d-dinja! Xejn mhu impossibbli għal Alla. Nitħejjew għas-Saltna tiegħu, nagħmlulu l-wisa’. “L-iċken” wieħed, Ġesù ta’ Nazaret, imexxina! Hu li tqiegħed f’idejna, mil-lejl ta’ twelidu sas-siegħa mudlama tal-mewt fuq is-salib, jiddi fuq l-istorja tagħna bħax-xemx tiela’. Beda jum ġdid: inqumu u nimxu fid-dawl tiegħu!
Din hi l-ispiritwalità tal-Avvent, tant imdawla u konkreta. Id-dwal fit-toroq ifakkruna li lkoll kemm aħna nistgħu nkunu dawl żgħir jekk nilqgħu lil Ġesù, rimja ta’ dinja ġdida. Nitgħallmu dan minn Marija, Ommna, mara tal-istennija u tat-tama.
Wara l-Angelus
Ħuti!
Ftit jiem ilu wasalt lura mill-ewwel vjaġġ appostoliku tiegħi fit-Turkija u fil-Libanu. Flimkien mal-għażiż ħija Bartilmew, Patrijarka Ekumeniku ta’ Kostantinopli u mar-Rappreżentanti ta’ denominazzjonijiet insara oħra, iltqajna biex nitolbu flimkien f’Iżnik, Niċea tal-qedem, fejn 1700 sena ilu sar l-ewwel Konċilju Ekumeniku. Propju llum hu s-sittin anniversarju tad-Dikjarazzjoni bejn Pawlu VI u l-Patrijarka Atenagoras, li wasslet fi tmiemha l-iskomunika reċiproka. Niżżu ħajr ‘l Alla u nġeddu l-impenn fil-mixja lejn għaqda sħiħa u viżibbli bejn l-insara kollha. Fit-Turkija kien pjaċir tiegħi niltaqa’ mal-komunità kattolika: permezz ta’ djalogu bil-paċenzja u s-servizz lil min qed isofri, dil-komunità hi xhieda tal-Evanġelju tal-imħabba u tal-loġika ta’ Alla li timmanifesta ruħha fiċ-ċkunija.
Il-Libanu għadu mużajk ta’ konvivenza u ħassejt faraġ nisma’ tant xhieda f’das-sens. Iltqajt ma’ persuni li jxandru l-Evanġelju billi jilqgħu lir-refuġjati, iżuru l-ħabsin, jaqsmu l-ħobż ma’ min jinsab fil-bżonn. Ħassejtni mfarraġ nara tant nies isellmuli mat-triq u ħassejtni mqanqal meta ltqajt mal-qraba tal-vittmi tal-isplużjoni fil-port ta’ Beirut. Il-lebaniżi kienu qed jistennew kelma u preżenza li tfarraġ, imma kienu huma li farrġu lili bil-fidi u bl-entużjażmu tagħhom! Irrodd ħajr lil kull min akkumpanjani bit-talb. Għeżież ħuti, dak li ġara fil-jiem li għaddew fit-Turkija u fil-Libanu jgħallimna li l-paċi hi possibbli u li l-insara, fi djalogu ma’ rġiel u nisa ta’ twemmin u kultura oħra, jistgħu jagħtu sehemhom biex tinbena. Ma ninsewhiex: il-paċi hi possibbli!
Jien qrib il-popli tan-Nofsinhar u tal-Lbiċ tal-Asja, li reċentement għaddew minn prova verament iebsa minħabba diżastri naturali. Nitlob għall-vittmi, għall-familji li qed jibku t-telfa tal-għeżież tagħhom u għal dawk li qed jgħinuhom. Inħeġġeġ lill-komunità internazzjonali u lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba biex iwieżnu bis-solidarjetà lil ħutna ta’ dan ir-reġjun.
Insellem b’għożża lilkom ilkoll, rumani u pellegrini. Insellem lil dawk kollha li ġew minn inħawi oħra tad-dinja, partikolarment lill-fidili peruvjani minn Prisco, Cusco u Lima; lill-pollakki, jien u nfakkar il-Jum ta’ Talb u għajnuna materjali lill-Knisja tal-Lvant; u wkoll lill-grupp ta’ studenti portugiżi.
Insellem lill-gruppi parrokkjali minn Lentiai, Manerbio, Santa Cesarea Terme, Cerfignano, Roverchiara u Roverchiaretta; lill-adoloxxenti minn Marostica u Pianezze, lil dawk li se jasgħmlu l-Griżma minn Cavaion Veronese, liż-żgħażagħ tal-Oratorju ta’ Mezzocorona, lill-grupp tal-ministranti minn Bologna, u lis-soċi tal-Mutua Madonna del Granato.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja tal-Avvent it-tajba.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber