Ħieles fil-ħsieb. Niċċelebraw l-Evanġelju tar-raba’ Ħadd tal-Avvent.


Kitba ta’ Fr Jimmy Bonnici

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ħa jidħol il-Mulej, hu s-Sultan tal-glorja.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”. Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El”, li bi lsienna jfisser “Alla magħna”. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu..Mt 1:18-24.

  1. Riflessjoni/talba:

i. It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies.

Marija, iġġorr l-akbar misteru,
u tibda dduq il-fiduċja u s-sabar
ta’ Alla

Ma’ Alla
tiddependi u tistenna
d-deċiżjoni ta’ Ġużeppi:

jew jispiċċa kollox!

jew tkampa waħedha!

Irrifletti:
• X’dawl titfa fuq il-ħidma tiegħek ma’ Alla?

ii. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.

Ġużeppi li jagħżel li jissagrifika l-unur tiegħu,
biex ifittex l-ġid ta’ Marija –
“ma riedx ixandarha quddiem kulħadd” –

issa mistieden jirbaħ il-biża
u jimxi fid-dlam
biex iservi misteru li jiżboq l-għarfien tiegħu –
“xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija”.

Irrifletti
• Fejn mitlub ma tibqax imwaħħal?

iii. Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El”, li bi lsienna jfisser “Alla magħna”. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.

L-akbar ġrajja, l-akbar wegħda –
“Alla magħna” –
isseħħ grazzi għal deċiżjonijiet iebsa.

Marija li tintelaq u tafda.
Ġużeppi li jpoġġi fil-ġemb il-pjanijiet li kien fassal
l-ideat ċari li kellu
u jieħu deċiżjonijiet konkreti
li ma jinftehmu minn ħadd
ħlief minn min jafda
fil-wegħda ta’ Alla.?

Irrifletti

• X’bidliet meħtieġ tagħmel biex timxi mal-wegħda t’Alla?

  1. Missierna

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading