Introduzzjoni: Ħsieb tad-dħul għal-adorazzjoni
Taħt ix-xbieha t’Ostja ċkejkna
ġejt inżurek, nadurak
o Ġesù bqajt tgħammar fostna,
biex tkun l-għaxqa ta’ kulħadd.
Missierna, Sliema, Glorja.
Ma nsibx kliem, o Alla tiegħi,
biex infaħħrek kif irrid,
għax jien xejn u Inti kollox,
Int fawwara ta’ kull ġid.
Missierna, Sliema, Glorja.
Kemm nixtieq dal-ħin hawn miegħek,
ninsa kollox u ‘l kulħadd,
biex minn qalbi nista’ ngħidlek;
egħżeż minnek m’għandi ‘l ħadd.
Missierna, Sliema, Glorja.
Jiena naf li kemm-il darba
mal-ġid bdiltek ta’ din l-art,
u l-kmand tiegħek, fi bluhiti
bi dnubieti jien kasbart.
Missierna, Sliema, Glorja.
Nagħtik ġieh mal-anġli kollha
mal-eluf ta’ qaddisin,
li fis-sema b’leħen wieħed,
ifaħħruk ilkoll henjin.
Missierna, Sliema, Glorja.
Silenzju 2min
O Alla, Ħallieq tas-sema u tal-art…… Int l-Alfa u l-Omega… l-bidu u t-tmiem. O għerq ta’ David. Int, il-Qaddis, il-Veru…. Inti, l-muftieħ ta’ David, li tiftaħ u ħadd ma jagħlaq, li tagħlaq u ħadd ma jiftaħ. (5 sek pawsa)
Ħuti, ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej għal dan il-mument ħieni. Huwa l-pjan u r-rieda tiegħu, li llum ġabarna hawn flimkien għal dan il-mument ta’ adorazzjoni, għal din it-talba ta’ radd il-ħajr. (5 sek pawsa)
Ejjew niffissaw ħarsitna fuq Ġesù Ewkaristija, li Hu kompletament ħaj; li Hu kompletament preżenti quddiemna. Ejjew nidħlu fil-preżenza tiegħu….. ejjew nadurawh b’qalb ta’ gratitudni, b’moħħ ta’ radd il-ħajr, u b’ruħna tixxennaq għall-preżenza tiegħu. (5 sek pawsa)
O Sinjur, aħna rridu nfaħħruk u nirringrazzjawk, tal-grazzji kbar li kuljum jogħġbok tagħtina; tal-ħniena u l-maħfra, li xxerred fuqna. Nitolbuk taħfrilna o Mulej, ta’ dawk id-drabi meta aħna ma poġġejnikx l-ewwel fil-ħajja tagħna, meta aħna ma ftaħniex qalbna għal Kelma tiegħek, u ma fittixnix li nagħmlu r-rieda tiegħek
Silenzju 2 min
Innu:_______________
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija Ġer 31:1-7
“F’dak iż-żmien, oraklu tal-Mulej,
jien inkun Alla tat-tribujiet kollha ta’ Iżrael,
u huma jkunu l-poplu tiegħi.
Dan jgħid il-Mulej:
Il-poplu li ħeles mis-sejf
sab ħniena fid-deżert:
Iżrael terraq lejn il-mistrieħ tiegħu”.
Mill-bogħod il-Mulej deherlu:
“Bi mħabba ta’ dejjem ħabbejtek,
għalhekk il-ħlewwa tiegħi rfajt għalik.
Jien nerġa’ nwaqqfek fuq riġlejk, o xebba ta’ Iżrael, u inti tieqaf.
Terġa’ tiżżejjen bit-tnabar tiegħek, u toħroġ tiżfen ferrieħa.
Terġa’ tħawwel id-dwieli fuq il-muntanji tas-Samarija;
il-bdiewa tiegħek iħawlu u jiġbru l-ewwel frott.
Għax jasal jum meta fuq il-muntanja ta’ Efrajm l-għassiesa jgħajtu
u jgħidu: “Qumu, ejjew nitilgħu Sijon għand il-Mulej, Alla tagħna”.
Għax dan jgħid il-Mulej: Għannu bil-ferħ għal Ġakobb,
sellmu lill-ewlieni fost il-ġnus.
Xandru, faħħru u niedu:
“Il-Mulej salva l-poplu tiegħu, l-fdal ta’ Iżrael”.
Il-Kelma tal-Mulej
Irroddu ħajr lil Alla
Silenzju 1min
Ħsieb:
Il-poplu ta’ Iżrael kien qiegħed fl-eżilju tal-Babilonja, u l-Profeta Ġeremija jqawwi qalb il-poplu, permezz ta’ profezija tat-tama, li tħares lil hinn mill-jasar attwali tagħhom, u li turi li riesaq iż-żmien meta Alla jiġborhom u jġibhom lura lejn art twelidhom.
Din il-Kelma tgħodd għalina wkoll. Għaliex kull darba li aħna naqgħu fid-dnub; kull darba li nwarrbu mill-ħniena ta’ Alla, aħna wkoll nispiċċaw fil-jasar, fl-eżilju. U Alla, li Hu għani fil-ħniena, ried jeħlisna darba għal dejjem mill-jasar tad-dnub, billi “ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu” (2 Kor 5:18). (10 sek pawsa)
Iva, o Ġesù, frott l-imħabba kbira li għandek għalina, Inti tajtna s-Sagrament tal-Qrar, biex kull meta nersqu lejk b’qalb niedma, Inti taħfrilna, u terġa’ twaqqafna fuq riġlejna. F’dak il-mument, Inti terġa’ tlissen dik il-wegħda li kont għamilt lil poplu l-magħżul tiegħek Iżrael: “Bi mħabba ta’ dejjem ħabbejtek, għalhekk il-ħlewwa tiegħi rfajt għalik”.
Silenzju 3min
Salm Responsorjali Ġer 31: 10-13
Bħalma r-ragħaj iħares il-merħla tiegħu; hekk il-Mulej Alla tagħna jħarisna fil-mixja tagħna ta’ kuljum. Għalhekk flimkien ngħidu:
Il-Mulej iħarisna kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu.
Isimgħu, ġnus, kelmet il-Mulej,
xandruha ’l bogħod fil-gżejjer u għidu:
“Dak li xerred lil Iżrael jiġbru,
u jħarsu kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu”. Ngħidu flimkien:
Għax il-Mulej feda lil Ġakobb,
ħelsu minn id wieħed aqwa minnu.
Għad jiġu u jgħannu fuq l-għolja ta’ Sijon,
u wiċċhom jiddi minħabba t-tieba tal-Mulej. Ngħidu flimkien:
Jifirħu x-xbejbiet biż-żfin,
jifirħu ż-żgħażagħ u x-xjuħ.
“Jiena nbiddel il-vistu tagħhom f’hena,
infarraġhom u nferraħhom wara l-hemm tagħhom”. Ngħidu flimkien:
Il-Mulej iħarisna kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu.
Silenzju 2min
Innu____________
Qari mil-Ittra ta’ San Ġwann Appostlu 1 Ġw 4,7-10
Għeżież, ejjew inħobbu ’l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba. B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna Hu, u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.
Il-Kelma tal-Mulej
Irroddu ħajr lil Alla
Silenzju 1min
L-imħabba vera ġejja minn Alla, għax Alla hu mħabba. U Alla jrid li l-imħabba tiegħu tinfirex fuq l-umanità kollha.
O Ġesù, agħmel li qalbi tkun f’sintonija ma’ tiegħek, biex nasal li nħobb lil ħaddieħor kif tħobbni Int. O Maħbub, Int ma tridx li din l-imħabba kbira li għandek għalija, jiena nżommha għalija nnifsi, imma tridni li ngħaddiha lil dawk kollha li tlaqani magħhom fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum. Huwa mpossibli li nissepara l-imħabba t’Alla għalija mill-imħabba tiegħi għall-oħrajn. Ma jistax ikolli waħda mingħajr ma jkolli l-oħra. Għax kif jgħid San Ġwann iktar l-isfel f’dina l-ittra: “Għax jekk xi ħadd jgħid: “Jien nħobb l’Alla”, u jobgħod lil ħuħ, dan hu giddieb” (1Ġw 4:20) Mela ejjew nimtlew bl-imħabba ta’ Alla, ħalli nkunu nistgħu nħobbu lil kulħadd bla ebda riserva, kif Alla jħobb lil kull wieħed u waħda minna.
Silenzju 3min
Alla ħalaq id-dinja, fdieha, ġeddidha, u dejjem iqawwiha bi mħabbtu. Bi spirtu ta’ ferħ ngħidulu:
Mulej, ġedded bl-għeġubijiet ta’ mħabbtek.
O Alla, niżżuk ħajr, għax int turina l-qawwa tiegħek fil-ħolqien: inti tgħarrafna l-providenza tiegħek fil-ġrajjiet tad-dinja. Ngħidu flimkien.
Ħares lejn dawk li għandhom is-setgħa u mexxihom skont qalbek: agħmel li jkollhom rieda u fehma tajba, ħa jmexxu fis-sliem u l-paċi. Ngħidu flimkien.
Ħares lejn Ibnek, li ġie jxandrilna s-sliem u kiseb ir-rebħa bis-salib: permezz tiegħu eħlisna mill-biża’ fieragħ u mill-qtigħ ta’ qalb. Ngħidu flimkien.
Ieqaf mal-maħqura, eħles l-ilsiera, farraġ lill-imnikkta, itma’ lil min hu bil-ġuħ, wettaq lid-dgħajfa: uri f’kulħadd il-qawwa rebbieħa ta’ mħabbtek. Ngħidu flimkien.
Mulej, int ġejt fostna biex tkun id-dielja tassew li troddilna frott il-ħajja: agħmel li nibqgħu dejjem fik bħal friegħi ħajja, biex ma nisfgħux bla frott. Ngħidu flimkien.
Innu:________________________
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann Ġw 15,9-17
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed fi mħabbtu. Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.
Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.
Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin”.
Il-Kelma tal-Mulej
It-tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
Ħsieb:
“Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena.” X’aħbar sabiħa hi din għalina li nemmnu. Hi din l-imħabba kbira li l-Missier kellu lejk; kif ukoll din l-imħabba li Int ridt titrażmetti fuq id-dixxipli tiegħek. (10 sek pawsa)
Mulej, Int mhux biss turina kemm hi kbira l-imħabba tiegħek, imma tistedinna biex nibqgħu fl-imħabba tiegħek. Dan iseħħ, meta aħna nħarsu l-kmandamenti tiegħek, meta nfittxu u nwettqu r-rieda ta’ Alla f’ħajjitna, kif għamilt Int.
Huwa dan li jnissel fina l-ferħ veru. Mhux il-ferħ ta’ din id-dinja, li hu ferħ tal-mument, u li jħallilna vojt ikbar. Imma l-ferħ li jwiegħed Ġesù, u li huwa wieħed li jimla l-ħajjitna; u li nistgħu niksbuh biss jekk nibqgħu magħqudin miegħu. (5 sek pawsa)
Jien, qiegħed inħallih lil Ġesù jimlieni bl-imħabba tiegħu? Qiegħed inħares il-kmandament tiegħu?
Silenzju 2min
Liema hu dan il-kmandament li Ġesù, qed jordnalna biex aħna ngħixu? (2 sek pawsa)
“Li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”. B’danakollu, Ġesù jispjega wkoll xi tfisser tħobb kif ħabbna hu, meta jgħidilna: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu”.
Mulej, Inti tħobbna mingħajr riżerva, mingħajr kundizzjoni, mingħajr xejn ma tistenna lura mingħandna. Imma jien, o Ġesù, nħobbok lura tassew? Nista’ ngħid li jien nħobbok mingħajr riżerva? (10 sek pawsa)
Il-Qaddisa Madre Tereza ta’ Kalkutta, kienet tgħid, li dak li tagħmel għall-ifqar fost il-fqar, kienet tagħmlu, għax fihom tara lil Ġesù. U jien? Dak li nagħmel, nagħmlu għal Ġesù? (5 sek pawsa)
Il-ġara tiegħi ma tiflaħx, u jien mort naqdiha jew ħadtilha xi ftit ikel. Dan għamiltu għalik o Ġesù? Jew għax naf li se ddum tirringrazzjani; u li meta se jkolli bżonn, issa se nsibha? (5 sek pawsa)
Kull meta jitolbu għall-voluntiera, jien nkun dejjem minn tal-ewwel. U għalxiex nagħmlu dan? Għalik Mulej? Jew nagħmlu biex nidher; jew biex inżomm ruħi okkupat. (5 sek pawsa)
Meta jiena nżur lil ommi jew lil missieri anzjani, jew nieħu ħsiebhom id-dar; dan nagħmlu b’imħabba għalik, o Mulej? Jew biex jaħsbu fija fil-wirt, anke ftit iżjed, għax indur bihom? (10 sek pawsa)
L-imħabba tagħna, trid tkun bħal dik ta’ Ġesù, li ma nħarsu lejn wiċċ ħadd, u li dak li nagħmlu, nagħmluh b’imħabba kbira, b’għotja sħiħa u mingħajr kundizzjoni. Anke jekk dak li nagħmlu ma nkunux ġejna apprezzati għalih.
Silenzju 3min
Innu_______________________
Talbiet tal-Komunitá
Ħuti, bħalma Kristu jinkorpora l-għerf tal-Missier, hekk Marija turina lil Binha. Hekk kif qed intemmu din is-sena, u għada nibdew sena ġdida, ejjew nitolbu biex inkunu verament ulied denji ta’ Marija.
Nitolbu għall-Knisja biex tħares il-ħidma tas-salvazzjoni, u tħabbar lil kulħadd bil-kelma u bl-għemil il-fidi fil-Mulej li qam mill-imwiet. Nitolbu.
Ejjew nitolbu għall-mexxejja tal-pajjiżi, biex imqanqlin mill-imħabba tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, isiktu darba għal dejjem il-ħsejjes tal-armamenti, u jfittxu l-armonija tad-djalogu u tas-sliem . Nitolbu.
Nitolbuk Mulej għall-imġarrbin kollha, biex qatt ma jħossuhom mitluqa, imma jġarrbu fi qlubhom id-don tat-tama Nisranija. Nitolbu.
Nitolbu għall-familji kollha, biex fuq l-eżempju tal-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret, jilqgħu l-ħidma ta’ Alla, li jsejħilna kuljum biex ngħixu b’imħabba ġdida. Nitolbu.
Nitolbuk Mulej għaż-żgħażagħ tal-parroċċa tagħna, speċjalment għal dawk li qed issejjaħ għas-saċerdozju u l-ħajja reliġjuża, biex timlihom b’ferħ u b’imħabba biex iwieġbu b’ġenerożità għas-sejħa tiegħek. Nitolbu.
Nitolbu għall-komunità parrokkjali tagħna, biex tkun komunità li tilqa’ lil kulħadd, komunità li tisma’ l-Kelma ta’ Alla u ngħixuha. Nitolbu.
(Jekk ikun għad fadal ħin, nistiednu lill-membri tal-komunità biex jagħmlu t-talba personali tagħhom)
Innu____________________