Il-Papa Ljun XIV lill-Korp Diplomatiku fis-Santa Sede

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-KORP DIPLOMATIKU
AKKREDITAT MAS-SANTA SEDE

Aula della Benedizione
Il-Ġimgħa, 9 ta’ Jannar, 2026

Eċċellenzi,
Distinti membri tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri, 

qabel kollox irrodd ħajr lill- E. T. l-Ambaxxatur George Poulides, Dekan tal-Korp Diplomatiku, għall-kliem ta’ kortesija u rispett li indirizzali f’isimkom ilkoll u nagħtikom merħba f’dil-laqgħa biex nagħtu l-awguri lil xulxin fil-bidu ta’ sena ġdida.

Hi okkażjoni tradizzjonali fil-ħajja tal-Korp Diplomatiku akkreditat mas-Santa Sede, li għalija, però, hi novità peress li ftit xhur ilu ġejt imsejjaħ biex nirgħa l-merħla ta’ Kristu.  Għalhekk, nilqagħkom bil-ferħ u nħossni grat għall-preżenza  numeruża tagħkom, li dis-sena tinkludi lill-Kapijiet tal-Missjoni residenti fil-Kazakhstan, Burundi u l-Bjelorussja.  Irrodd ħajr lill-awtoritajiet governattivi rispettivi tagħkom li qatgħuha li jiftħu Rappreżentanzi diplomatiċi mas-Santa Sede f’Ruma, sinjal tanġibli tar-relazzjonijiet bilaterali tajbin u għammiela.  Permezz tagħkom ilkoll, għeżież Ambaxxaturi, nixtieq inwassal it-tislima tiegħi lill-pajjiżi tagħkom u nixtieq naqsam magħkom ftit osservazzjonijiet dwar iż-żmien li qed ngħixu fih, żmien ta’ hemm, minħabba t-tensjonijiet u l-kunflitti li qed jiżdiedu.

Is-sena li għadha kif intemmet kienet miżgħuda bi ġrajjiet ibda minn dawk li kienu jolqtu direttament il-ħajja tal-Knisja, li għexet intensament il-Ġublew u li tulha l-venerabbli predeċessur tiegħi, il-Papa Franġisku, reġa’ lura lejn id-Dar tal-Missier.  Id-dinja kollha nġabret madwar it-tebut tiegħu dakinhar tal-funeral b’turija ta’ rispett lejn missier li mexxa l-Poplu t’Alla b’karità pastorali profonda.

Ftit jiem ilu għalaqna l-aħħar Bieb Imqaddes, dak tal-Bażilika ta’ San Pietru, li propju l-Papa Franġisku kien fetaħ fil-lejl tal-Milied tal-2024.  Tul is-Sena Mqaddsa, miljuni ta’ pellegrini ġew Ruma biex jagħmlu l-pellegrinaġġ ġjubilari.  Kulħadd ġie mgħobbi  bl-esperjenzi tiegħu, mistoqsijiet u ferħat, kif ukoll niket u ġrieħi, biex jgħaddi mill-Bibien Imqaddsa, simbolu ta’ Kristu nnifsu, it-tabib ċelesti tagħna, li meta libes il-ġisem tagħna, ħa fuqu wkoll l-umanità tagħna biex itina sehem mill-ħajja divina tiegħu, kif ikkuntemplajna fil-misteru tal-Milied li għanda kif iċċelebrajna.  Jien konvint li permezz ta’ dan l-att, bosta persuni niżlu aktar fil-fond u skoprew mill-ġdid ir-relazzjoni tagħhom mal-Mulej Ġesù, sabu faraġ u tama ġdida biex jaffrontaw l-isfidi tal-ħajja.

Minn dis-sede nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lir-rumani, li bil-paċenzja u l-ospitalità ħadu ħsieb tant pellegrini u turisti li ġew fl-Urbe minn kull rokna tad-dinja.  Nixtieq nesprimi apprezzament speċjali lill-Gvern Taljan, lill-Amminstrazzjoni tal-Kapitali u lill-Forzi tal-Ordni, li impenjaw ruħhom b’żelu u preċiżjoni sabiex Ruma setgħet tilqa’ lill-viżitaturi kollha, l-avvenimneti ġjubilari kollha u kulma seħħ wara l-mewt tal-Papa Franġisku, fejn kollox sar f’ambjent seren u s-sigur.

Is-Santa Sede u l-Italja ma tgħaqqadhomx biss il-qrubija ġjografika, imma fuq kollox, storja twila ta’ fidi u kultura li torbot il-Knisja ma din il-penisola meraviljuża u mal-poplu tagħha.  Sinjal ta’ dan huma r-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti, li dis-sena ġew issiġillati bid-dħul fis-seħħ tal-aġġornament tal-Ftehim dwar l-assistenza spiritwali tal-Forzi Armati, li permezz tiegħu sar aktar effikaċi l-akkumpanjament spritwali tan-nisa u l-irġiel u tal-persuni li jagħtu servizz fil-Forzi Armati fl-Italia u fil-bosta missjonijiet esteri, kif ukoll bl-iffirmar tal-Ftehim dwar l-impjant agrivoltajku f’Santa Maria di Galeria, li se jforni lill-Belt tal-Vatikan enerġija elettrika bl-użu ta’ riżorsi rinnovabbli, ħaġa li tikkonferma l-impenn komuni tagħna favur il-ħoqlien.  Jien grat ukoll għaż-żjarat li għamluli l-Għola Uffiċjali tal-Istat fil-bidu tal-Pontifikat tiegħi u għall-ospitalità straordinarja li ġejt mogħti fil-Palazz tal-Quriniale mill-President tar-Repubblika.  Lill-President Mattarella nixtieq insellimlu b’għożża u rikonoxxenza.

Matul is-sena lqajt ukoll l-stedina li kienet saret lill-Papa Franġisku u kelli x-xorti mmur fit-Turkija u fil-Libanu.  Jien grat lejn l-Awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi għall-merħba li tawni.  F’Iznik, fit-Turkija, fakkarna, flimkien mal-Patrijarka Ekumeniku ta’ Kostantinopli u mar-Rappreżentanti ta’ konfessjonijiet insara oħra, l-1700 anniversarju tal-Konċilju ta’ Niċea, l-ewwel Konċilju Ekumeniku.  Kienet okkażjoni importanti biex inġeddu l-impenn tagħna għall-mixja lejn għaqda sħiħa u li tidher bejn il-kristjani kollha.  Fil-Libanu ltqajt ma’ poplu li, minkejja d-diffikultajiet, hu sħiħ fil-fidi u mimli entużjażmu u gharaft kemm tama għandhom iż-żgħażagħ imxennqin li jibnu soċjetà aktar ġusta u magħquda, bit-tisħiħ tan-nisġa tal-kulturi u l-fidi reliġjuża li lill-pajjiż taċ-Ċedri ttiħ karatteristika unika fid-dinja.

Għeżież Ambaxxaturi, 

imnebbaħ mill-ġrajjiet traġiċi tas-sakkeġġ ta’ Ruma fl-410 W.K., Santu Wistin kiteb wieħed mix-xogħolijiet l-aktar formidabbli tal-produzzjoni teoloġika, filosofika u letterarja tiegħu: De Civitate Dei, il-Belt ta’ Alla.  Kif kien osserva l-Papa Benedittu XVI, hi opra “imponenti u deċisiva għall-iżvilupp tal-ħsieb politiku tal-punent u għat-teoloġija kristjana tal-istorja” (1), li tieħu spunt “min-narrazzjoni” – skont it-terminoloġija kontemporanja – li kienet qed tixtered: “Il-pagani, li dak iż-żmien kienu għadhom f’għadd kbir, u flimkien magħhom mhux ftit insara, jaħsbu li l-Alla tar-reliġjon il-ġdida u l-istess Appostli wrew li ma kellhomx ħila jipproteġu l-belt.  Fi żmien id-divinitajiet pagani Ruma kienet caput mundi, il-kapitali l-kbira, u ħadd ma kien jgħaddilu minn moħħu li setgħet taqa’ f’idejn l-għedewwa.  Issa, bl-Alla tal-kristjani, dil-belt ma baqgħetx tant aktar żgura” (2).

Ċertament, żminijietna huma bogħod ħafna minn dawk il-ġrajjiet. Mhix biss distanza temporali imma wkoll ta’ sensibbiltà kulturali differenti u ta’ żvilupp ta’ kategoriji tal-ħsieb.  Madankollu, ma nistgħux ninjoraw il-fatt li propju s-sensibbiltà kulturali tagħna xorbot minn dik l-opra, li bħall-klassiċi kollha, tkellem lill-bnedmin ta’ kull żmien.

Wistin jaqra l-ġrajjiet u r-realtà storika skont il-mudell taż-żewġ bliet: il-belt ta’ Alla, li hi eterna u karatterizzata mill-imħabba inkundizzjonata ta’ Alla (amor Dei), li magħha tintrabat l-imħabba tal-proxxmu, speċjalment tal-foqra, u l-belt tad-dinja li hi abitazzjoni temporanja li l-bnedmin jgħixu fiha sal-mewt.  Fi żminijietna, din tiġbor fiha l-istituzzjonijiet soċjali u politiċi kollha, ibda mill-famlija sal-Istat nazzjonali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.  Għal Wistin, dil-belt kien sawwarha l-Imperu Ruman.  Il-belt tad-dinja, hi ċċentrata fuq l-imħabba mkabbra biha nifsha (amor sui), fuq il-kilba għall-poter u l-glorja tad-dinja li jġibu distruzzjoni.  Madankollu mhix interpretazzjoni tal-istorja bl-għan li ġġib kunflitt  bejn l-eternità u l-preżent, bejn il-Knisja u l-Istat u lanqas biex tkun djalettika dwar l-irwol tar-reliġjon fis-soċjetà ċivili.

Fil-perspettiva agostinjana, il-koeżistenza ta’ dawn iż-żewġ bliet tibqa’ sa ma jintemm iż-żmien u d-dimensjoni tat-tnejn hi esterjuri u interjuri għax il-kejl tagħhom mhuwiex biss l-atteġġjamenti esterni tal-binja tagħhom tul l-istorja, iżda wkoll l-atteġġjament interjuri li kull bniedem jieħu vis a vis l-fatti tal-ħajja u l-ġrajjiet storiċi.  F’dil-perspettiva, kull wieħed u waħda minna hu/hi protagonista u għaldaqstant responsabbli tal-istorja.  B’mod partikolari, Wistin jenfasizza li l-insara huma msejħin minn Alla biex  jabitaw fil-belt tad-dinja b’qalbhom u moħħhom iffukati fuq il-belt ċelesti, il-patria vera tagħhom.  Madankollu, in-nisrani li jgħix fil-belt tad-dinja mhux maqtgħuh mid-dinja politika, u jfittex li jadotta l-etika nisranija, ispirata mill-Iskrittura, fil-gvern ċivili.

Mhux l-għan “tal-Belt ta’ Alla” li tipproponi programm politiku, iżda joffri riflessjonijiet prezzjużi dwar kwistjonijiet fundamentali tal-ħajja politika u soċjali, bħat-tfittxija għal koeżistenza aktar ġusta u paċifika fost il-popli.  Wistin iwissi dwar perikli gravi għall-ħajja politika meta tingħata stampa falza tal-istorja, in-nazzjonaliżmu eċċessiv u d-distorsjoni tal-ideal tal-mexxej politiku.

Minkejja li l-kuntest politiku li fih qed ngħixu llum hu differenti minn dak tas-seklu V, ċerti analoġiji għadhom attwali ħafna.  Bħal f’dak iż-żmien, ninsabu f’epoka ta’ movimenti migratorji profondi; bħal f’dak iż-żmien qed ngħixu fi żmien ta’ riaġġustament profond tal-bilanċjament ġeopolitiku u tal-mudelli kulturali; bħal f’dal iż-żmien, kif tfakkarna l-magħrufa stqarrija tal-Papa Franġisku, ma ninsabux f’epoka ta’ tibdil imma fi żmien ta’ tibdil ta’ epoka (3).

L-akbar preokkupazzjoni ta’ żmienna, fuq livell internazzjonali, hi d-għufija tal-multilateraliżmu.  Id-diplomazija li tippromwovi d-djalogu u t-tfittxija tal-kunsens ta’ kulħadd, qed tinbidel f’diplomazija tal-forza, tas-singoli jew tal-gruppi ta’ allejati.  Il-gwerra reġgħet saret moda u ż-żelu għall-gwerra qed ikompli jinfirex.  Il-prinċipju stabbilit wara t-Tieni Gwerra Dinjija li kien jipprojbixxi li l-Istati jużaw il-forza biex jinvadu l-konfini territorjali ta’ ħaddieħor, sparixxa għal kollox.  M’għadniex infittxu l-paċi bħala don u ġid mixtieq fih innifsu “jew bħala tfittxija għat-twaqqif ta’ ordni universali kif riedu Alla, b’forma ta’ ġustizzja aktar perfetta fost il-bnedmin” (4), imma minflok, qed infittxuha permezz tal-armi bħala kundizzjoni biex nasserixxu d-dominju fuq ħaddieħor.  Dan jikkomprometti b’mod gravi l-istat tad-dritt li hu s-sies ta’ kull konvivenza ċivili paċifika.

Mill-banda l-oħra, kif jinnota Santu Wistin, “M’hemm ħadd li ma jixtieqx il-paċi. Għax anke dawk li jagħmlu l-gwerra ma jixtiequ xejn ħlief ir-rebħa; jixtiequ, jiġifieri, li jiksbu l-paċi bil-glorja. Għax x’inhi r-rebħa ħlief il-ħakma ta’ dawk li jirreżistuna? U meta dan iseħħ ikun hemm il-paċi (…) għax anke dawk li intenzjonalment iridu jkissru l-paċi li fiha jkunu qed jgħixu, il-paċi ma jobgħoduhiex, iżda jkunu jridu biss li tinbidel f’paċi li taqbel lilhom. Għalhekk ma jixtiqux li jkollhom paċi, iżda biss il-paċi li jixtiequ huma” (5).

Huwa propju dan l-atteġġjament, li kien wassal lill-umanità għat-traġedja tat-Tieni Gwerra Dinjija, li mill-irmied tagħha twieldet l-organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda, li għadna kif iċċelebrajna t-80 anniversarju tagħha.  Il-Ġ.M. twaqqfet bid-determinazzjoni ta’ wieħed u ħamsin nazzjon bħala fulkru ta’ kooperazzjoni multilaterali sabiex tipprevjeni katastrofi globali futuri, għall-ħarsien tal-paċi, għad-difiża tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli.

B’mod partikolari nixtieq niġbed l-attenzjoni fuq id-dritt umanitarju internazzjonali, li r-rispett lejh m’għandux ikun jiddependi miċ-ċirkostanzi jew mill-interessti militari u strateġiċi.  Minbarra li jiggarantixxi element żgħir ta’ umanità qalb il-ħerba tal-gwerra, id-dritt umanitarju hu impenn li ħadu fuq spallejhom l-Istati.  Dan għandu dejjem jieħu preċedenza fuq kull interess tal-partijiet biex itaffi l-effetti devastanti tal-gwerra, f’ottika ta’ rikostruzzjoni.  Ma nistgħux nibqgħu b’ħalqna magħluq quddem id-distruzzjoni ta’ sptarijiet, ta’ infrastrutturi tal-enerġija, abitazzjonijiet u mkejjen essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum għax huma vjolazzjoni gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali.  Is-Santa Sede ttenni b’forza l-kundanna tagħha għal kull forma ta’ involviment tan-nies ċivili fl-operazzjonijiet militari u tawgura li l-Komunità Internazzjonali tiftakar li l-ħarsien tal-prinċipju tal-invjolabbiltà tad-dinjità umana u tas-sagralità tal-ħajja jiswew ferm aktar minn kull sempliċi interess nazzjonali.

F’dil-perspettiva, il-Ġnus Magħquda kienet medjatur f’kunflitti, mexxiet ‘il quddiem l-iżvilupp u għenet lill-Istati fil-ħarsien tad-drittijiet umani u tal-libertajiet fundamentali.  F’dinja mħabbta minn sfidi kumpessi bħalma huma t-tensjonijiet ġeopolitiċi, id-diżugwaljanzi u l-kriżijiet tal-klima, din l-organizzazzjoni għandu jkollha rwol fundamentali favur id-djalogu u s-sapport umanitarju, bħala kontribut biex il-ġejjieni jkun aktar ġust.  Għalhekk hemm bżonn ta’ sforzi akbar biex jiġi żgurat li l-Ġnus Magħquda mhux biss tirrifletti s-sitwazzjoni tad-dinja tal-lum aktar milli dik tal-perjodu ta’ wara l-gwerra, iżda li tkun ukoll aktar iffukata u effiċjenti fit-twettiq ta’ politika mmirata lejn l-għaqda tal-familja umana u mhux lejn l-ideoloġiji.

Għaldaqstant, l-għan tal-mutilateraliżmu hu li joffri l-possibbiltà li l-bnedmin jiltaqgħu u jitkellmu fuq il-mudell antik tal-forum ruman jew tal-pjazza medjevali.  Fl-istess ħin, sabiex ikun hemm djalogu, jeħtieġ li jkun hemm qbil dwar il-kliem u l-kunċetti.  Forsi waħda mill-isfidi ewlenin ta’ żmienna hi li niskopru mill-ġdid it-tifsir tal-kliem.  Meta l-kliem jitlef il-konnessjoni tiegħu mar-realtà, u r-realtà nnifisha ssir dibattibbli u fl-aħħar mill-aħħar inkomunikabbli, insiru bħaż-żewġ persuni li jirreferi għalihom Santu Wistin, li huma mġiegħla jibqgħu flimkien, fejn ebda wieħed minnhom ma jkun jaf il-lingwa tal-ieħor.  Hu josserva illi “minkejja li l-annimali ma jitkellmux, anki jekk ta’ speċi differenti, jifhmu lil xulxin aktar faċilment minn dawn iż-żewġ individwi. Għax anki jekk it-tnejn huma bnedmin, minħabba d-diversità tal-lingwaġġ tagħhom isibuha diffiċli jikkomunikaw ħsibijiethom lil xulxin.  Il-fatt li huma tal-istess speċi umana xejn ma jiswa biex issaħħaħ ir-relazzjonni ta’ bejniethom sal-punt li l-bniedem jirrelata’ aktar faċilment mal-kelb tiegħu milli ma’ barrani” (6).

Fi żmienna, it-tifsir tal-kliem qed isir dejjem aktar fluwidu u l-kunċetti li jirrappreżentaw dejjem aktar ambigwi.  Il-lingwaġġ ma baqax aktar il-mezz privileġġjat tan-natura umana biex bniedem isir jaf lill-ieħor u jiltaqa’ miegħu. Barra minn hekk, bit-tgħawwiġ tal-ambigwità semantika, il-lingwa qed issir dejjem aktar arma biex tqarraq, jew biex tolqot u toffendi lill-avversarji.  Hemm bżonn li b’mod inekwivoku l-kelma terġa’ tibda tesprimi realtajiet ċerti.  Hekk biss jista’ jerġa’ jibda jseħħ djalogu awtentiku mingħajr nuqqas ta’ ftehim.  Dan għandu jseħħ fi djarna u fil-pjazez, fil-politika, fil-mezzi tal-komunikazzjoni u fil-medja soċjali u wkoll fil-kuntest tar-relazzjonijiet internazzjonali u tal-multilateraliżu, sabiex dan tal-aħħar jerġa’ jikseb is-saħħa meħtieġa ta’ rwol ta’ laqgħa u medjazzjoni tant meħtieġa biex nevitaw il-kunflitti u biex ħadd ma jkollu t-tentazzjoni li jabbuża minn ħaddieħor bil-loġika tal-forza verbali, fiżika jew militari.

Ninnutaw ukoll paradoss: dan id-dgħajfien tal-kelma spiss jintuża f’isem il-libertà tal-espressjoni nfisha.  Però, meta nqisu sewwa, il-verità hi l-kuntrarju: il-libertà tal-kelma u tal-espressjoni hi garantita propju miċ-ċertezza tal-lingwaġġ u tal-fatt li kull kelma hi ankrata mal-verità.  Hu ta’ niket nosservaw kif, speċjalment fil-punent, l-ispazju għall-libertà awtentika tal-espressjoni qiegħed dejjem jiċkien filwaqt li qed jiżviluppa lingwaġġ ġdid, ta’ togħma orwelljana, li bl-iskuża li jsir dejjem aktar inklussiv, qed jispiċċa biex iwarrab lil min ma jkunx jaqbel mal-ideoloġiji li jalimentawh.

Sfortunatament, minn din id-devjazzjoni jitnisslu oħrajn li jispiċċaw biex joħonqu d-drittijiet fundamentali tal-persuna, ibda mil-libertà tal-kuxjenza.  Rigward dan, l-oġġezzjoni tal-kuxjenza tippermetti lill-individwi jirrifjutaw obbligi legali jew professjonali li jkunu f’kunflitt ma’ prinċipji morali, etiċi jew reliġjużi li huma fundamentali fil-ħajja personali tagħhom bħal fil-każ ta’ bniedem li jirrifjuta l-lieva f’isem in-non vjolenza inkella r-rifjut tat-tobba u tal-operaturi sanitarji li jipprattikaw l-abort jew l-ewtanasja.  L-oġġezzjoni tal-kuxjenza mhix ribelljoni iżda att ta’ fedeltà lejn il-prinċipji personali.  F’dan il-mument tal-istorja, il-libertà tal-kuxjenza tidher li qed tiġi kkontestata dejjem aktar mill-Istati, anke dawk li jsostnu li huma bbażati fuq id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Din il-libertà, madankollu, tistabbilixxi bilanċ bejn l-interess kollettiv u d-dinjità individwali. Tenfasizza wkoll li soċjetà tassew ħielsa ma timponix uniformità iżda tipproteġi d-diversità tal-kuxjenzi, tipprevjeni tendenzi awtoritarji u tippromwovi djalogu etiku li jarrikkixxi n-nisġa soċjali.

Bl-istess mod hemm riskju li titnaqqar il-libertà reliġjuża, illi – kif kien qal Benedittu XVI – hi l-ewwel dritt uman għax tesprimi r-realtà l-aktar fundamentali tal-persuna (7).  L-istatistika reċenti turi li l-ksur tal-libertà reliġjuża qiegħed jiżdied u li 64% tal-popolazzjoni tad-dinja ssofri minn ksur gravi ta’ dan id-dritt.

Hi hu titlob rispett sħiħ lejn il-libertà reliġjuża u tal-kult għall-insara, is-Santa Sede titlob l-istess rispett lejn il-komunitajiet reliġjużi l-oħrajn kollha.  Fl-okkażjoni tas-60 anniversarju tal-promulgazzjoni tad-Dikjarazzjoni Nostra aetate, wieħed mid-dokumenti tal-Konċilju Ekumeniku  Vatikan II, li ntemm fit-8 ta’ Diċembru, 1965, kelli l-opportunità nerġa’ nsostni ċ-ċaħda kategorika ta’ kull forma ta’ antisemitiżmu, li sfortunatament għadu jiżra’ l-mibegħda u l-mewt.  Bl-istess mod enfasizzajt l-importanza li nikkultivaw id-djalogu bejn l-Insara u l-Lhud, billi nidħlu aktar fil-fond tal-għeruq bibliċi komuni tagħna.

Fl-istess ċirkostanza kommemorattiva, il-laqgħa mar-rappreżentanti ta’ reliġjonijiet oħra ppermettietli nġedded l-apprezzament għall-mixja li seħħet tul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, fid-djalogu inter-reliġjuż, għax f’kull riċerka reliġjuża sinċiera hemm “ir-rifless tal-uniku Misteru divin li jħaddan il-ħolqoen kollu” (8).  F’das-sens nitlob lill-komunità tal-Istati biex tiggarantixxi l-libertà sħiħa tar-reliġjon u tal-kult liċ-ċittadini rispettivi tagħhom kollha.

Xorta waħda, però, ma nistgħux ninsew li l-persekuzzjoni tal-insara tibqa’ dejjem waħda mill-kriżijiet tad-drittijiet umani l-aktar mifruxin illum.  Tolqot 380 miljun kredenti, fid-dinja kollha, li huma vittmi f’livelli għolja jew estremi ta’ diskrimiazzjoni, vjolenza u oppressjonni minħabba l-fidi tagħhom.  Il-fenomenu jolqot madwar nisrani minn kull sebgħa fuq livell globali u fl-2025 ħrax minħabba l-kunfitti li għaddejjin bħalissa minn reġimi awtoritarji jew minħabba l-estremiżmu reliġjuż.  Dawn iċ-ċifri juru, sfortunatament, kif il-libertà reliġjuża, f’ċerti kuntesti, hi meqjusa aktar bħala “privileġġ” jew konċessjoni, pjuttost milli dritt fundamentali.

Minn dis-sede nixtieq nitfakar partikolarment fl-għadd kbir ta’ vittmi tal-vjolenza marbutin ukoll ma’ raġunijiet reliġjużi, fil-Bangladesh, fir-reġjun ta’ Sahel u fin-Niġerja, kif ukoll il-vittmi tal-attentat terroristiku gravi li seħħ f’Ġunju li għadda fil-parroċċa ta’ Sant’Elija f’Damasku, bla ma ninsew il-vittmi tal-vjolenza jihadista f’Cabo Delgado, fil-Mozambique.

Madankollu, m’għandniex ninjoraw forma sottili oħra ta’ diskriminazzjoni reliġjuża kontra l-Insara, li qed tinfirex anke f’pajjiżi fejn huma numerikament fil-maġġoranza, bħalma qed jiġri fl-Ewropa u fil-pajjiżi Amerikani, fejn kultant l-insara qed iħabbtu wiċċhom ma’ limitazzjonijiet biex iħabbru l-veritajiet evanġeliċi speċjalment id-difiża tad-dinjità tal-aktar dgħajfa, tat-trabi mhux imwielda jew tar-rifuġjati u l-migranti, jew biex jippromwovu l-familja.

Fl-ambitu tar-relazzjoinijiet u l-azzjonijiet fuq livell internazzjonali, is-Santa Sede dejjem tassumi pożizzjoni ta’ difiża tad-dinjità inaljenabbli ta’ kull persuna.  Ma nistgħux ninjoraw, per eżempju, li kull migrant hu persuna u l-fatt li hu persuna għandu drittijiet inaljenabbli, li għandhom ikunu rispettati f’kull kuntest.  Imbagħad, mhux il-migranti kollha ikollhom jaħarbu minħabba l-vjolenza, persekuzzjonijiet, kunflitti u saħansitra minħabba t-tibdil fil-klima, bħalma qed jiġri f’ċerti nħawi tal-Afrika u l-Asja.  Dis-sena, li fiha qed niċċelebraw ukoll il-75 anniversarju tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Migrazzjonijiet, inġedded it-tama tas-Santa Sede li l-azzjonijiet li jieħdu l-Istati kontra l-illegalità u t-traffikar tal-bnedmin ma jsirux skuża biex issir ħsara lid-dinjità tal-migranti u r-refuġjati.

L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-priġunieri, li qatt ma għandhom ikunu identifikati b’rabta mar-reati li jkunu għamlu.  F’din l-okkażjoni, nixtieq nesprimi rikonoxxenza lejn dawk il-gvernijiet li wieġbu b’mod pożittiv għall-appell li kien għamel il-venerabbli predeċessur tiegħi u għamlu ġesti ta’ klemenza matul is-sena tal-Ġublew, u nawgura li l-ispirtu ġjubilari jispira l-amministrazzjoni tal-ġustizzja b’mod permanenti sabiex il-pieni jkunu proporzjonati mar-reati li jkunu twettqu, ikunu garantiti kundizzjinijiet dinjitużi għall-ħabsin, fuq kollox bl-impenn li jabolixxu l-piena tal-mewt, ħaġa li ġġib fix-xejn kull tama ta’ maħfra u tiġdid (9).  Lanqas ma nistgħu ninsew it-tbatija ta’ tant kalzrati għal raġunijiet politiċi, li hemm f’bosta Stati.

Min-naħa l-oħra, fil-pespettiva nsranija, il-bniedem hu maħluq xbieha t’Alla, illi, “tah il-ħajja għax iħobbu, u fl-istess ħin sejjaħlu biex iħobb” (10).  Dil-vokazzjoni tidher b’mod privileġġjat u uniku, fi ħdan il-familja.  Huwa f’dal-kuntest li bniedem jitgħallem iħobb, jiżviluppa l-ħila li jingħata għas-servizz tal-ħajja, u b’hekk ikun jieħu sehem fl-iżvilupp tas-soċjetà u tal-missjoni tal-Knisja.

Minkejja li hi ċentrali, l-istituzzjoni tal-familja llum għandha quddiema żewġ sfidi kruċjali.  Min-naħa qed naraw li dieħla tendenza preokkupanti fis-sistema internazzjonali li qed tittraskura u tnaqqas il-valur tal-irwol soċjali  u fundamentali tagħha, u ftit ftit, mill-aspett istituzzjonali, qed tingħata l-ġenb, mill-oħra ma nistgħux ninjoraw ir-realtà ta’ qsim il-qalb li l-familji ddgħajfu, qed jitkissru, ibatu, milqutin minn diffikultajiet interni u fenomeni inkwetanti, inkluż il-vjolenza domestika.

Il-vokazzjoni għall-imħabba u għall-ħajja, li timmanifesta ruħha eminentement fl-għaqda esklussiva u li ma tinħallx bejn il-mara u r-raġel, timponi imperattiv etiku fundamentali: il-familji għandhom ikunu f’kundizzjoni li jilqgħu u jrabbu kif jixraq il-ħajja li tkun se titwieled.  Din hi prijorità assoluta speċjalment f’dawk il-pajjiżi li għadejjin minn tnaqqis drammatiku tar-rata tat-twelid.  Infatti, il-ħajja hi don inestimabbli li jiżviluppa fi ħdan proġett ta’ relazzjoni ibbażat fuq ir-reċiproċità u s-servizz.

Fid-dawl ta’ din il-viżjoni profonda tal-ħajja bħala rigal li għandu jiġi apprezzat, u tal-familja bħala l-gwardjan responsabbli tagħha, nirrifjutaw kategorikament kull prattika li tiċħad jew tisfrutta l-oriġini tal-ħajja u l-iżvilupp tagħha.  Fost dawn hemm l-abort, li jinterrompi ħajja li se titwieled u jirrifjuta d-don tal-ħajja.  F’das-sens, is-Santa Sede tesprimi t-tħassib kbir tagħha dwar proġetti maħluqin biex jiffinanzjaw mobbiltà bejn fruntiera u oħra bl-għan li jitħaffef dak li qed isejħulu “sigurtà fid-dritt tal-abort” u tirrifjuta kategorikament li riżorsi pubbliċi jintefqu biex tintemm il-ħajja, minflok ikunu investiment biex iwieżen lill-ommijiet u lill-familji.  L-għan ewlieni għandu jibqa’ jkun dejjem il-ħarsien ta’ kull tarbija fil-ġuf u s-sapport effettiv u konkret lil kull mara biex tkun tista’ tilqa’ l-ħajja.

Hemm ukoll il-maternità surrogata, li t-tqala tibdilha f’servizz negozjabbli, tkisser id-dinjità kemm tat-tarbija li tispiċċa ssir “prodott”, kif ukoll tal-omm,  għax jisfgħu strumentalizzati ġisimha u l-proċess ġenerattiv li jaqleb ta’ taħt fuq il-proġett relazzjonali oriġinali tal-familja.

Kunsiderazzjonijiet simili jistgħu jiġu estiżi għall-morda u għal dawk li huma anzjani jew iżolati, li xi kultant ibatu biex isibu raġuni għala għandhom ikomplu jgħixu. Is-soċjetà ċivili u l-Istati għandhom ukoll ir-responsabbiltà li jwieġbu b’mod konkret għal sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà, billi joffru soluzzjonijiet għat-tbatija umana, bħall-kura palljattiva, u jippromwovu politika ta’ solidarjetà awtentika, aktar milli jinkoraġġixxu għamliet qarrieqa ta’ kompassjoni bħalma hi l-ewtanasja.

L-istess riflessjoni tgħodd ukoll għall-bosta żgħażagħ li jabbtu wiċċhom ma’ bosta diffikultajiet, fosthom id-dipendenza mis-sustanzi. Hemm bżonn sforz kollettiv biex nevitaw li miljuni ta’ żgħażagħ ma jaqawx vittmi tal-konsum tad-droga u biex titfejjaq dil-ferita tal-umanità u jinqered it-traffikar tad-droga li jalimentaha.  Ma’ din il-ħidma hemm bżonn ukoll ta’ politika xierqa biex min waqa’ jerġa’ jinġabar u aktar investimenti għall-promozzjoni umana bl-edukazzjoni u l-ħolqien ta’ opportunitajiet tax-xogħol.

Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi ntennu bil-qawwa li l-ħarsien tad-dritt għall-ħajja hu l-pedament essenzjali ta’ kull dritt uman ieħor.  Is-soċjetà tkun f’saħħitha u tagħmel progress biss, meta tħares is-sagralità tal-ħajja umana u taħdem bla heda biex tmexxiha ‘l quddiem.

L-osservazzjonijiet li għamilt iwassluni biex nemmen li, fil-kuntest attwali, qed naraw iseħħ “short circuit” tad-drittijiet tal-bniedem. Id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-kuxjenza, il-libertà reliġjuża u anke d-dritt għall-ħajja qed jiġu ristretti f’isem drittijiet oħra hekk imsejħa ġodda, bir-riżultat li l-qafas innifsu tad-drittijiet tal-bniedem qed jitlef il-vitalità tiegħu u joħloq spazju għall-forza u l-oppressjoni. Dan iseħħ meta kull dritt isir awtoreferenzjali, u speċjalment meta jinqata’ mir-realtà, min-natura u mill-verità.

Sinjuri Ambaxxaturi,

Filwaqt li Santu Wistin jenfasizza l-koeżistenza tal-belt tas-sema u dik tad-dinja sal-aħħar taż-żmien, żmienna donnu jidher inklinat li jiċħad “id-dritt taċ-ċittadinanza” lill-belt ta’ Alla. Donnu li hemm biss il-belt tad-dinja magħluqa esklussivament fil-ħitan tagħha.  It-tfittxija tal-ġid immanenti biss, idgħajjef it-“trankwillità tal-ordni,” [11] li, għal Wistin, hu s-sies tal-istess essenza tal-paċi, ħaġa li tolqot kemm lis-soċjetà kif ukoll lin-nazzjonijiet daqs kemm tikkonċerna r-ruħ umana nnifisha, u hija essenzjali għal kull koeżistenza ċivili.  Fin-nuqqas ta’ pedament traxxendenti u oġġettiv jibqa’ jiddomina biss l-amor propju li jwassal għall-indifferenza lejn Alla li jmexxi l-belt tad-dinja (12).   Però, kif jinnota Santu Wistin, “kbira hija l-bluha tal-kburija f’dawk l-individwi li jaħsbu li l-ġid suprem jista’ jinstab f’din il-ħajja, u li jistgħu jsiru kuntenti bir-riżorsi tagħhom infushom” (13).

Il-kburija ttappan ir-realtà u l-empatija lejn il-proxxmu.  Mhix kumbinazzjoni li fil-bidu ta’ kull kunflitt dejjem hemm għerq ta’ kburija.  Kif fakkart fil-Messaġġ għal Jum Dinji tal-Paċi, “nitilfu s-sens ta’ realiżmu tagħna u nċedu għal viżjoni parzjali u mgħawġa tad-dinja, sfigurata mid-dlam u l-biża’,” [14] u b’hekk inwittu t-triq għall-mentalità tal-konfrontazzjoni, li hija l-prekursur ta’ kull gwerra.

Dan narawh iseħħ f’bosta kuntesti ibda mill-gwerra li ilha għaddejja fl-Ukrajna, bil-piż tat-tbatija li qed iġġib fuq il-popolazzjoni ċivili.  Quddiem din is-sitwazzjoni drammatika, is-Santa Sede tafferma mill-ġdid u b’saħħa, l-urġenza tal-waqfien mill-ġlied immedjat u ta’ djalogu mqanqal minn tiftix sinċier ta’ toroq li jmexxu lill-partijiet lejn il-paċi.  Nagħmel appell pressanti lill-komunità internazzjonali biex tara li ma jninx l-impenn tat-tfittxija għal soluzzjoni ġusta u dejjiema li tipproteġi lill-aktar dgħajfa u trodd lura t-tama lill-popoazzjonijiet milquta, filwaqt li mill-ġdid noffri d-dispobbililtà sħiħa tas-Santa Sede biex takkupanja kull inizjattiva favur il-paċi u l-armonija.

L-istess naraw jiġri fl-Art Imqaddsa, fejn minkejja l-waqfien mill-ġlied uffiċjali li tħabbar f’Ottubru, il-popolazzjoni ċivili għadha tbati minn kriżi umanitarja gravi li tkompli żżid is-sofferenza ta’ min hu diġà magħkus.  Is-Santa Sede tagħti attenzjoni partikolari lil kull inizjattiva diplomatika li tiggarantixxi lill-Palestinjani tal-Istrixxa ta’ Gaża ġejjieni ta’ paċi u ġustizzja dejjiema f’arthom, u l-istess tixtieq lill-poplu palestinjan kollu u l-poplu Iżraeljan kollu.  B’mod partikolari, is-soluzzjoni ta’ żewġ Stati tibqa’ l-perspettiva istituzzjonali waħdanija biex jintlaħqu l-aspirazzjonijiet leġittimi għaż-żewġ popli; iżda sfortunatament, kien hemm żieda fil-vjolenza fix-Xatt tal-Punent fuq il-popolazzjoni ċivili Palestinjana, li għandha d-dritt li tgħix fil-paċi f’artha stess.

It-tensjonijiet li qed jiżdiedu fil-Baħar Karibew u tul il-kosta tal-Paċifiku Amerikan huma wkoll kawża ta’ tħassib serju. Nixtieq intenni l-appell urġenti tiegħi biex jinstabu soluzzjonijiet politiċi paċifiċi għas-sitwazzjoni attwali, filwaqt li nżommu f’moħħna l-ġid komuni tal-popli u mhux id-difiża ta’ interessi partiġġjani.

Dan jgħodd partikolarment għall-Venezwela, fid-dawl tal-iżviluppi riċenti.  Rigward dan inġedded l-appell tiegħi biex nirrispettaw ir-rieda tal-poplu Venezwelan, u biex jitħarsu d-drittijiet umani u ċivili ta’ kulħadd, filwaqt li niżguraw futur ta’ stabbiltà u armonija.  Għal dan il-għan, nistgħu nieħdu ispirazzjoni mill-eżempju ta’ żewġ uliedu li b’ferħ ikkanonizzajt f’Ottubru li għadda – José Gregorio Hernández u Swor Carmen Rendiles. Jalla x-xhieda tagħhom tispira l-bini ta’ soċjetà msejsa fuq il-ġustizzja, il-verità, il-libertà u l-fraternità, u b’hekk in-nazzjon ikun jista’ joħroġ mill-kriżi gravi li ilha taħkmu għal tant snin.

Hemm ħafna kriżijiet oħra fix-xenarju globali. L-ewwel nett, nirreferi għas-sitwazzjoni ddisprata f’Ħaiti, immarkata minn ħafna forom ta’ vjolenza, ibda mit-traffikar uman sal-eżilju furzat u l-ħtif ta’ persuni.  Rigward dan, nittama li, bl-appoġġ meħtieġ u konkret tal-komunità internazzjonali, il-pajjiż ikun jista’ jieħu l-passi meħtieġa mill-aktar fis possibbli biex jirrestawra l-ordni demokratiku, tintemm il-vjolenza u jikseb ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi.

Ma nistgħux ninsew is-sitwazzjoni li ilha għesieren ta’ snin tkidd ir-reġjun afrikan tal-Għdajjar il-Kbar, maħkum minn vjolenza li ħasdet bosta ħajjiet.  Inħeġġeġ lill-partijiet biex ifittxu soluzzjni definittiva, ġusta u dejjiema li ġġib fi tmiemu lkunflitt li issa ilu sejjer għal wisq żmien.  Bl-istess mod niftakar fis-sitwazzjoni fis-Sudan, li ndidel f’kamp ta’ battalja enormi u għall-instabbilt politika li għad hemm fis-Sudan t’Isfel, l-iżgħar pajjiż fil-familja tan-nazzjonijiet, li twaqqaf wara r-referendum ta’ ħmistax-il sena ilu.

Ma nistgħux ma nsemmux ukoll is-sinjali ta’ tensjoni li qed iżżid fl-Asja tal-Lvant, u nesprimu t-tama li l-partijiet kollha involuti jieħdu atteġġjament paċifiku u bbażat fuq id-djalogu dwar il-kwistjonijiet kontroversjali li huma sors ta’ kunflitt potenzjali.

Il-kriżi umanitarja gravi u tas-sigurtà li qed tkidd il-Myanmar hi ta’ tħassib.  Kriżi li ħraxet minħabba t-terrmot qerriedi li laqat il-pajjiż f’Marzu li għadda.  B’intensità mġedda, nagħmel appell biex bil-kuraġġ l-għażla tkun favur mogħdijiet ta’ paċi u djalogu inklussiv, sabiex kulħadd ikollu aċċess garantit, ġust u f’waqtu għall-għajnuna umanitarja.  Biex ikunu awtentiċi, it-toroq tad-demokrazija għandhom ikunu akkumpanjati minn politika li tfittex il-ġid komuni, it-tisħiħ ta’ koeżjoni soċjali u l-promozzjoni tal-iżvilupp integrali ta’ kull persuna.

Fil-qalba ta’ bosta minn dawn ix-xenarji li semmejt nistgħu nilmħu ħaġa li osservaha Santu Wistin, jiġifieri l-idea persistenti li l-paċi hi possibbli biss bl-użu tal-forza u bl-effett tad-deterrenza.  Mill-banda l-oħra, is-sodisfazzjoni tal-gwerra hu d-distruzzjoni filwaqt li l-paċi titlob sforz ma jaqta’ xejn u bil-paċenzja biex tinbena b’sahra li ma taqta’ xejn.  Dan hu sforz li jinterpella lil kulħadd, ibda mill-pajjiżi li għandhom ħażniet nuklejari.  Infakkar b’mod partikolari dwar il-ħtieġa importanti li t-Trattat START il-Ġdid, li jiskadi fi Frar, ikollu segwitu. Fil-fatt, hemm il-periklu li nerġgħu lura għat-tellieqa tal-produzzjoni ta’ armi ġodda dejjem aktar sofistikati, anki bl-użu tal-intelliġenza artifiċjali. Din tal-aħħar hija għodda li teħtieġ tmexxija xierqa u etika, flimkien ma’ kwadri normattivi ffukati fuq il-ħarsien tal-libertà u r-responsabbiltà umana.

Għeżież Ambaxxaturi, 

Minkejja l-kwadru drammatiku li għandna quddiem għajnejna, il-paċi tibqa’ dejjem ġid diffiċli imma possibbli.  Kif ifakkar Wistin, hi “l-għan tal-ġid tagħna”(15) għax hi l-għan tal-belt ta’ Alla li naspiraw għaliha, forsi inkonxjament, u li nistgħu nduqu t-togħma tagħha minn issa dment li għadna fil-belt tad-dinja.  Tul il-pellegrinaġġ tagħna f’din l-art, titlob minna umiltà u kuraġġ.  L-umiltà tal-verità u l-kuraġġ tal-maħfra.  Fil-ħajja nisranija dawn insibuhom fil-Milied, li fih il-Verità, il-Verb etern ta’ Alla, jsir laħam umli, u fl-Għid, li fih il-Ġust ikkundannat jaħfer lill-persekuturi tiegħu billi jtihom il-ħajja tiegħu ta’ Rxoxt.

Barra minn hekk, b’ħarsa aktar mill-qrib, nindunaw li hemm sinjali ta’ tama kuraġġuża fi żmienna li rridu nsostnuhom bla heda. Niftakar, per eżempju, fil-Ftehim ta’ Dayton, li tletin sena ilu temm il-gwerra mdemmija fil-Bosnja u l-Ħerzegovina li minkejja d-diffikultajiet u t-tensjonijiet, fetaħ il-possibbiltà ta’ futur aktar prosperu u armonjuż.  Ifakkar ukoll id-Dikjarazzjoni konġjunta ta’ paċi bejn l-rmenja u l-Aħebajġan ta’ Awwissu li għadda, li nittawnaw tista’ twitti t-triqgħall-paċi ġusta u dejjiema fil-Kawkasu Meridjonali biextibstab soluzzjoni tal-problemi pendenti għas-sodisfazzjonin taż-żewġ partijiet.  Infakkar ukoll fl-isforzi li saru f’dawn l-aħħar snin mill-Awtoritajiet tal-Vjetnam biex itejbu r-relazzjonijiet mas-Santa Sede u l-kundizzjonijiet li fihom tiffunzjona l-Knisja fil-pajjiż. Dawn huma kollha żerriegħa ta’ paċi li jeħtieġ li tiġi kkultivata.

Fix-xahar ta’ Ottubru li ġej jaħbat it-tmien ċentinarju mill-mewt ta’ San Franġisk ta’ Assisi, bniedem ta’ paċi u ta’ djalogu, magħruf universalment anki minn min mhux membru tal-Knisja Kattolika.  Ħajtu hi dawl għax imħeġġa mill-kuraġġ tal-verità u l-għarfien li s-sies ta’ dinja fil-paċi hu qalb umli b’ħarsitha lejn il-belt ċelesti.  Fil-bidu ta’ din is-sena, nawgura lil kull wieħed u waħda minna  u lill-abitanti tal-pajjiżi rispettivi tagħkom, qalb umli bennejja tal-paċi.

Grazzi. 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber



[1] Benedetto XVI, Catechesi (20 febbraio 2008).

[2]  Ibid.

[3] Cfr Francesco, Discorso al V Convegno Nazionale della Chiesa Italiana, Firenze (10 novembre 2015).

[4] S. Paolo VI, Lett. enc. Populorum progressio (26 marzo 1967), 76: AAS 59 (1967), 294-295.

[5] S. Agostino,  De Civ. Dei, XIX, 12.1.

[6] S. Agostino, De Civ. Dei, XIX, 7.

[7] Benedetto XVI, Discorso in occasione della presentazione degli auguri al Corpo Diplomatico, 9 gennaio 2012.

[8]  Catechesi (29 ottobre 2025).

[9] Cfr Francesco, Bolla di indizione del Giubileo Ordinario dell’anno 2025 “Spes non confundit” (9 maggio 2024), 10: AAS 116 (2024), 654-655.

[10] S. Giovanni Paolo II, Esort. ap. Familiaris consortio (22 novembre 1981), 11: AAS 74 (1982), 91.

[11] Cfr S. Agostino, De Civ. Dei, XIX, 13.

[12]  Ibid., XIV, 28.

[13]  Ibid., XIX, 4. 4.

[14]  Messaggio per la LIX Giornata Mondiale della Pace (8 dicembre 2025).

[15] S. Agostino, De Civ. Dei, XIX, 11.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading