Messaġġ tal-Papa Ljun XIV għal Jum il-Komunikazzjonijiet Soċjali 2026

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA LJUN XIV
GĦALL-LX JUM DINJI TAL-KOMUNIKAZZJONIJIET SOĊJALI

Nindukraw il-vuċi u l-wiċċ umani

Għeżież ħuti!

Il-wiċċ u l-vuċi u l-vuċi huma karatteristiċi u distintivi uniċi ta’ kull persuna; jikxfu l-identità irripetibbli tal-persuna u huma element fundamentali f’kull laqgħa.  L-antiki kienu konxji ferm ta’ dan.  Għalhekk, biex jiddefinixxu l-persuna umana, il-Ġriegi tal-qedem kienu jużaw il-kelma “wiċċ” (prósōpon) li etimoloġikament tfisser “dak li qiegħed quddiem il-ħarsa”, is-sitwazzjoni tal-preżenza u tar-relazzjoni.  Iżda bil-Latin, il-kelma persuna (minn per-sonare) tinkludi wkoll il-ħoss: mhux ħoss kwalunkwe, iżda l-vuċi inkonfondibli ta’ xi ħadd.

Il-vuċi u l-wiċċ huma sagri.  Huma don ta’ Alla li ħalaqna xbieha tiegħu u sejħilna għall-ħajja bil-Kelma li Hu nnifsu wasslilna; Kelma li l-ewwel dwiet tul is-sekli minn fomm il-profeti, imbagħad saret laħam fil-milja taż-żmien.  Dil-Kelma – dak li Alla jikkomunikalna dwaru nnifsu – stajna nismigħuha wkoll u narawha direttament (cfr Ġw 1,1-3) għax għarrithielna l-vuċi u l-Wiċċ ta’ Ġesù, Iben Alla.

Sa mill-waqt tal-ħolqien tiegħu Alla ried lill-bniedem bħala interlokutur tiegħu u, kif jgħid San Girgor ta’Nissa (1), stampalu fuq wiċċu rifless tal-imħabba divina sabiex ikun jista’ jgħix bis-sħiħ l-umanità tiegħu permezz tal-imħabba. Għalhekk, il-ħarsien tal-uċuħ u tal-ilħna umani jfisser li-ħarsien ta’ das-siġill, dar-rifless indelibbli tal-imħabba t’Alla.  Aħna m’aħniex speċi magħmula minn algoritmi biokimiċi, magħmulin minn xi forma lesta minn qabel.  Kull wieħed u waħda minna għandna vokazzjoni insostitwibbli u inimitabbli li titnissel mill-ħajja u timmanifesta ruħha propju meta nikkomunikaw bejntiena.

Jekk aħna nonqsu u ma nipproteġux dan id-don, it-teknoloġija tirriskja li tbiddel radikalment xi wħud mill-kolonni fundamentali taċ-ċiviltà umana, li xi kultant neħduhom for granted.  L-imitazzjoni tal-vuċi u tal-wiċċ uman, tal-għerf u l-għarfien, tal-konsapevolezza u tar-responsabbiltà, tal-empatija u tal-ħbiberija, hemm ir-riskju li s-sistemi magħrufa bħala intelliġenza artifiċjali ma jbagħbsux biss l-ekosistemi tal-informazzjoni, imma jinvadu wkoll l-aktar livell profond tal-komunikazzjoni, dak tar-relazzjoni umani.

Għaldaqstant, l-isfida mhix tekonoloġika, imma antropoloġika.  Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħarsien tal-wiċċ u tal-leħen ifisser il-ħarsien tagħna nfusna.  Li bil-kuraġġ, bid-determinazzjoni u d-dixxerniment nilqgħu l-opportunitajiet li joffrulna t-tekonoloġija diġitali u l-intelliġenza artifiċjali ma jfissirx li għandna nispiċċaw naħbu l-punti kritiċi, l-opaċità u r-riskji minna nfusna.

Ma nirrinunzjawx il-fehma personali

Ilha teżisti evidenza abbundanti li turi li l-algoritmi mfasslin biex jimmassimizzaw l-involviment fuq il-midja soċjali – li minnu l-pjattaformi jiksbu qligħ kbir – jippremjaw minnufih l-emozzjonijiet u jippenalizzaw espressjonijiet umani li jeħtieġu ħin itwal e.g. l-isforz biex wieħed jifhem u jirrifletti.  Minħabba li jiġbru gruppi ta’ nies fi ċrieki ta’ kunsens faċli u għadab faċli, dawn l-algoritmi jdgħajfu l-ħila li wieħed jisma’ u jaħseb b’mod kritiku u jżidu l-polarizzazzjoni soċjali.

Ma’ dan żdiedet ukoll dipendenza inġenwa u nieqsa mill-analiżi kritika fuq l-intelliġenza artifiċjali bħala “ħabiba” li taf kollox, li tqassam l-informazzjoni kollha, arkivju ta’ kull memorja, “oraklu” tal-pariri kollha.  Dan kollu jaf ikompli jherri l-ħila tagħna li naħsbu b’mod analitiku u kreattiv, li nifhmu sew it-tifsir u li nagħrfu nagħmlu distinzjoni bejn is-sintassi u s-semanitka.

Filwaqt li l-IA tista’ tipprovdi appoġġ u għajnuna fil-mod ta’ kif nikkomunikaw, jekk naħarbu mill-isforz li jitlob minna l-mod kif naħsbu, għax nikkuntentaw bl-istatistika artifiċjali, nirriskjaw li fl-aħħar mill-aħħar jitnaqqru l-ħiliet konjittivi, emozzjonali u komunikattivi tagħna.

Dawn l-aħħar snin is-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali qed jikkapparraw dejjem iżjed il-kontroll fuq il-produzzjoni ta’ testi, mużika u l-vidjo.  B’hekk, il-biċċa l-kbira tal-industrija kreattiva umana qed tirriskja li tiżżarma u tinbidel mat-tikketta “Powered by AI”, u lill-persuna tirredndiha sempliċi konsumatur passiv ta’ ħsibijiet mhux maħsuba, ta’ prodotti anonimi, bla paternità, bla mħabba.  Filwaqt li l-kapulavuri tal-ġenju uman fil-qasam tal-mużika, tal-arti u tal-letteratura jispiċċaw biex isiru sempliċi kamp ta’ taħriġ tal-magni.

L-aktar kwistjoni li tolqotna, madankollu, mhix x’jirnexxilha jew x’għad jirnexxilha tagħmel il-magna imma x’nistgħu u x’għad nistgħu nagħmlu aħna jekk insaħħu l-umanità u l-għarfien tagħna bl-użu għaqli ta’ strumenti tant b’saħħithom għas-servizz tagħna.  Il-bniedem minn dejjem kellu t-tentazzjoni li jsir padrun tal-frott tal-għarfien bla sforz li jinvolvih fir-riċerka, u r-responsabbiltà personali. Madankollu, li nirrifjutaw il-proċess kreattiv u l-funzjonijiet mentali u l-immaġinazzjoni tagħna u niddelegawhom lill-magni jfisser li nkunu qed nidfnu t-talenti li rċevejna minn Alla bil-għan li nikbru bħala nies fir-relazzjoni miegħu u mal-oħrajn. Ikun ifisser li qed naħbu wiċċna u nsikktu leħinna.

Nies veri jew foloz: relazzjonijiet u realtà finti

Għalhekk, aħna u niskrolljaw il-ħamla ta’ informazzjoni (feed), qed isir dejjem aktar diffiċli niddistingwu jekk aħniex ninteraġixxu ma’ bnedmin oħra jew ma’ “bots” jew “influencers” virtwali.  In-nuqqaas ta’ trasparenza ta’ dawn l-aġenti awtomatizzati jinfluwenzaw id-dibattiti pubbliċi u l-għażliet tan-nies. Chatbots ibbażati fuq mudelli lingwistiċi kbar (LLMs), b’mod partikolari, jidher li huma effettivi fil-persważjoni moħbija b’mod sorprendenti, permezz tal-ottimizzazzjoni kontinwa ta’ interazzjoni personalizzata. L-istruttura djaloġika li tadatta ruħha skont iċ-ċirkostanza għandha ħila timita sentimenti umani u hekk toħloq relazzjoni finta.  Din l-antromorfizzazzjoni, li tista’ tkun ukoll divertenti, fl-istess ħin hi ingann, speċjalment għall-persuni vulnerabbli. Għax iċ-chatbots li qed isiru dejjem aktar “affettivi”, minbarra li ssibhom dejjem u dejjem disponibbli, jistgħu jsiru manipulaturi moħbija tal-istat emozzjonali tagħna u hekk jinvadu u jidħlu jgħammru fl-isfera intima tal-persuna.

It-tekonoloġija li tisfrutta l-ħtieġa tagħna li nirrelataw mhux biss jista’ jkollha konsegwenzi ta’ wġigħ għad-destin tal-persuna imma tista’ wkoll tkun ta’ ħsara għan-nisġa soċjali, kulturali u politika tas-soċjetà. Dan iseħħ meta r-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn nibdluhom ma’ dawk tal-IA li jkunu mħarrġin biex jikkatalogaw ħsibijietna tant li jibnu madwarna dinja ta’ mirja, fejn kollox isir “xbieha tagħna”.  B’dal-mod tkun qed tinsterqilna l-opportunità li niltaqgħu mal-ieħor, l-ieħor li dejjem hu differenti minna u li miegħu nistgħu u rridu nitgħallmu kif nikkkomunikaw.  Jekk m’aħniex konxji li hemm ħaddieħor la jista’ jkun hemm relazzjoni u lanqas ħbiberija.

Sfida kbira oħra l qed iġibu magħhom dawn is-sistemi hi d-distorsjoni (bias bl-Ingliż) li minħabba fiha bniedem jikseb u jittrażmetti perċezzjoni mgħawġa tar-realtà.  Il-mudelli tal-IA huma magħġunin minn viżjoni tad-dinja li għandu min joħloqhom u għalhekk jistgħu jimponu mod ta’ ħsieb li jirrepeti biss l-istereotipi u l-preġudizzji li jsib fid-data li tkun ippreżentata lilu.  In-nuqqas ta’ trasparenza fil-proġettazzjoni tal-algoritmi, flimkien ma’ rappreżentazzjoni inadegwata tad-data għandu t-tendenza li jdaħħalna f’netwerks li jimmanipuaw il-ħsieb u jipperpetwaw u japprofondixxu l-inugwaljanzi u l-inġustizzji soċjali eżistenti.

Ir-riskju huwa kbir.  Il-poter tas-simulazzjoni hu tali li l-IA tista’ wkoll tilludi bil-fabbrikazzjoni ta’ “realtajiet” paralleli bl-użu tal-wiċċ u tal-vuċi tagħna.  Aħna mgħaddsin f’multidimensjonalità li biha qed issir dejjem aktar iebsa niddistingwu bejn ir-realtà u l-finzjoni.

Ma’ dan tiżdied il-problema tal-ineżattezza. Sistemi li jagħtuna l-probabbiltà statistika bħala fatt, effettivament l-aktar li jkunu qed joffrulna jkun approssimazzjoni tal-verità, li xi kultant tkun kompletament “alluċinazzjoni”.  Nuqqas ta’ verifika tas-sorsi, flimkien mal-kriżi fil-ġurnaliżmu lokalizzat, li jirrikjedi ġbir u verifika bla waqfien ta’ informazzjoni fil-postijiet fejn iseħħu l-ġrajjiet, jista’ joħloq art aktar fertili għall-informazzjoni żbaljata, u jikkawża sens dejjem jikber ta’ nuqqas ta’ fiduċja, konfużjoni u insigurtà.

Allejanza possibbli

Wara din il-forza enormi u inviżibbli li tinvolvina lkoll, hemm biss numru żgħir ta’ kumpaniji, dawk li l-fundaturi tagħhom ġew ippreżentati reċentement bħala dawk lli ħolqu l-“persuna tas-sena 2025”, jiġifieri l-arkitetti tal-intelliġenza artifiċjali. Dan iqajjem tħassib kbir dwar il-kontroll oligopolistiku ta’ sistemi algoritmiċi u ta’ intelliġenza artifiċjali bil-ħila li jorjentaw b’mod sottili l-imġieba u saħansitra jiktbu mill-ġdid l-istorja tal-bniedem—inkluż l-istorja tal-Knisja – li ħafna drabi jkunu qed jinflwuenzawna bla ma nindunaw.

L-isfida li għandna quddiemna mhijiex li nwaqqfu l-innovazzjoni diġitali, iżda li niggwidawha, li nkunu konxji tan-natura ambivalenti tagħha. Huwa f’idejn kull wieħed u waħda minna li ngħollu leħnna biex niddefendu l-umanità, sabiex dawn l-għodod jiġu integrati tassew minna bħala alleati.

Din l-allejanza hi possibbli imma jeħtieġ tkun ibbażata fuq tliet pilastri: ir-responsabbiltà, il-koperazzjoni u l-edukazzjoni.

Ibda biex ir-responsabbiltà.  Skont ir-rwol tagħna fis-soċjetà din għandna nifhmuha bħala onestà, trasparenza, kuraġġ, viżjoni, id-dmir li naqsmu l-għarfien ma’ ħaddieħor, id-dritt li nkunu infurmati.  Imma b’mod aktar ġenerali nqisu li ħadd ma jista’ jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu quddiem il-ġejjieni li qed insawru.

Għal dawk li qegħdin fit-tmun tal-pjattaformi online dan ifisser li jiżguraw li l-istrateġiji tan-negozju tagħhom ikunu ggwidati mhux biss mill-għan li jimmassimizzaw il-profitt, iżda wkoll minn viżjoni li tħares ‘il bogħod u li żżomm f’moħħha l-ġid komuni, bl-istess mod kif ilkoll kemm huma jimpurtahom mill-benesseri ta’ wliedhom.

Dawk li joħolqu u jiżviluppaw il-mudelli ta’ IA hemm bżonn ikunu trasparenti u soċjalment responsabbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-prinċipji tal-proġettazzjoni u s-sistemi ta’moderazzjoni li fuqhom jibbażaw l-algoritmi tal-mudelli li jiżviluppaw sabiex irawmu kunsens infurmat fost min jużahom.

L-istess responsabbiltà mitluba wkoll mil-leġiżlaturi nazzjonali u r-regolaturi supranazzjonali, li huma responsabbli biex jaraw li r-rispett għad-dinjità tal-bniedem qatt ma jonqos. Regolamentazzjoni xierqa tista’ tipproteġi lin-nies minn rabtiet emozzjonali maċ-chatbots u trażżan it-tixrid ta’ kontenut falz, manipulattiv jew qarrieq, filwaqt li tippreserva l-integrità tal-informazzjoni fil-konfront ta’ simulazzjoni qarrieqa.

Il-kumpaniji tal-midja u tal-komunikazzjoni, min-naħa tagħhom, ma jistgħux jippermettu li algoritmi mmirati biex jieħdu vantaġġ ta’ ftit sekondi żejda ta’ attenzjoni akkost ta’ kollox, jikkundizzjonawlhom il-lealtà tagħhom lejn il-valuri professjonali tagħhom, valuri li għandhom ikunu ffukati fuq it-tfittxija għall-verità. Il-fiduċja tal-pubbliku tinkiseb permezz tal-eżattezza u t-trasparenza, mhux b’ġirja wara kull tip ta’ involviment.

Il-kontenut iġġenerat jew manipulat mill-IA għandu jkun immarkat b’mod ċar u distint mill-kontenut maħluq mill-bniedem.  Għandha tkun imħarsa l-paternità u l-propjetà sovrana tal-operat tal-ġurnalisti u ta’ min joħloq kontenut ieħor.  L-informazzjoni hi ġid pubbliku.  Servizz pubbliku kostruttiv u ta’ valur mhuwiex ibbażat fuq l-opaċità iżda fuq it-trasparenza tas-sorsi, fuq l-inklużjoni tal-partijiet interessati u standard għoli ta’ kwalità

Ilkoll għandna sejħa biex nikkoperaw.  Ebda settur ma jista’ jaffronta l-isfida li jmexxi l-innovazzjoni diġitali u l-governanza tal-IA waħdu.  Hemm bżonn għalhekk, jinħolqu mekkaniżmi ta’ salvagwardja.  Il-partijiet kollha interessati – l-industrija teknoloġika, il-leġiżlaturi, l-ażjendi kreattivi u d-dinja akkademika, l-artisti u l-ġurnalisti, l-edukaturi – għandhom jikkollaboraw fil-bini ta’ ċ-ċittadinanza diġitali, infurmata u responsabbli tkun effettiva.

L-edukazzjoni lejn dan timmira: li ssaħħaħ il-ħiliet personali għal riflessjoni kritika, tevalwa l-kredibbiltà ta’ mnejn toħroġ l-informazzjoni u l-interessi li hemm wara l-għażla tal-informazzjoni li taslilna, tifhem sew il-mekkaniżmi pskoloġiċi li jattivawha, li lill-familji, lill-komunitajiet u lill-assoċjazzjonijiet ittihom il-ħiliet biex jiżviluppaw kriterji prattiċi lejn kultura aktar sana u responsabbli tal-komunikazzjoni.

Preċiżament għal dir-raġuni qed issir dejjem aktar urġenti l-introduzzjoni ta’ sistemi edukattivi f’kull livell flimkien ma’ alfabetizzazzjoni tal-midja, tal-informazzjoni u tal-IA, li diġà qed jippromwovu xi istituzzjonijiet ċivili.  Bħala kattoliċi nistgħu u għandna dmir nagħtu sehemna sabiex il-bnedmin – speċjalment iż-żgħażagħ – jiksbu l-ħila ta’ ħsieb kritiku u jkattru l-libertà tal-ispirtu.  Din l-alfabetizzazzjoni għandha tkun integrata ma’ inizjattivi aktar wiesa’ ta’ edukazzjoni permanenti li tilħaq ukoll lill-anzjani u lill-membri emarġinati tas-soċjetà, li spiss iħossuhom esklużi u impotenti quddiem it-tibdil mgħaġġel tat-teknoloġija.

L-alfabetizzazzjoni tal-midja, tal-informazzjoni u tal-IA se jgħin lil kulħadd biex ma jitkaxkarx mill-mewġa antropomorfizzanti ta’ dawn is-sistemi, iżda jagħraf jittrattahom bħala għodod, biex dejjem juża validazzjoni esterna tas-sorsi pprovduti mis-sistemi tal-IA  – li jistgħu jkunu impreċiżi jew mhux korretti.  L-alfabetizzazzjoni tippermetti lil dak li jkun jagħraf iħares il-privatezza u jipproteġi d-data u biex isir jaf aktar dwar il-parametri tas-sigurtà u l-għażliet li għandu biex iressaq l-ilmenti. 

Huwa importanti li nedukaw lilna nfusna u lil ħaddieħor dwar kif nużaw l-IA bil-għaqal, u f’dan il-kuntest li nipproteġu l-immaġni tagħna (ritratti u awdjo), wiċċna u leħinna, biex bi prevenzjoni ma nħallux li d-data personali tintuża biex jinħoloq kontenut u mġieba, bħalma huma l-frodi diġitali, ic-cyberbullying u deepfakes, li jinvadu l-privatezza u l-intimità tal-persuna mingħajr il-kunsens tagħha.

L-istess kif ir-rivoluzzjoni industrijali kienet teħtieġ alfabetizzazzjoni bażika biex in-nies ikunu jistgħu jirreaġixxu għan-novitajiet, hekk ukoll ir-rivoluzzjoni diġitali teħtieġ alfabetizzazzjoni diġitali (flimkien ma’ edukazzjoni umanistika u kulturali) biex nifhmu kif l-algoritmi jsawru l-perċezzjoni tagħna tar-realtà, kif jaħdmu l-preġudizzji tal-IA, liema mekkaniżmi jiddettaw id-dehra ta’ ċertu kontenut fl-informazzjoni tagħna (feed), u x’inhuma l-ħtiġijiet u l-mudelli ekonomiċi tal-ekonomija tal-IA u kif jistgħu jinbidlu.

Hemm bżonn li l-wiċċ u l-vuċijerġgħu jibdew ifissru ‘persuna’.  Għandna bżonn inħarsu d-don tal-komunikazzjoni bħala l-aktar verità profonda tal-bniedem biex lejha norjentaw kulll innovazzjoni teknoloġika.

Jien u noffri dawn ir-riflessjonijiet, nirringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu biex jilħqu l-għanijiet li qed nipproponi hawnhekk u nbierek minn qalbi lil dawk kollha li jaħdmu għall-ġid komuni permezz tal-midja.

Mill-Vatikan, 24 ta’ Jannar, 2026, memorja ta’ San Franġisk de Salles.

LEONE PP. XIV

______________________________

[1] “Il-fatt li hu maħluq xbieha t’Alla jfisser li sa mill-waqt tal-ħolqien tiegħu fil-bniedem kien hemm it-timbru tar-regalità (…).  Alla hu maħbba u għajn ta’ mħabba: il-Ħallieq divin qiegħed f’wiċċna dil-karatteristika biex permzz tal-imħabba – rifless tal-imħabba divina – il-bniedem jagħraf ujimmanifesta d-dinjità tan-natura tiegħu u t-tixbiħ tiegħu mal-Ħallieq” (cfr San Girgor ta’ Nissa, Il-ħolqien tal-bniedem: pġ 44,137).

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading