LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Awla Pawlu VI
L-Erbgħa 28 ta’ Jannar 2026
Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum. 3. Depożitu mqaddes wieħed. Ir-relazzjoni bejn Skrittura u Tradizzjoni
Gżeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!
Inkomplu bil-qari tal-Kostituzzjoni konċiljari Dei Verbum fuq ir-Rivelazzjoni divina, u llum nirriflettu fuq ir-relazzjoni bejn l-Iskrittura Mqaddsa u t-Tradizzjoni. Nistgħu nieħdu bħala sfond żewġ xeni mill-Vanġelu. Fl-ewwel waħda, li tiżvolġi fiċ-Ċenaklu, Ġesù, fid-diskors-testment kbir tiegħu lid-dixxipli, jafferma: “Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom. […] Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha” (Ġw 14:25-26; 16:13).
Min-naħa l-oħra, it-tieni xena teħodna fuq l-għoljiet tal-Galilija. Kristu Rxoxt juri ruħu lid-dixxipli tiegħu, li jissorprendu ruħhom u jiġu fid-dubju, u jagħtihom mandat: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, […] u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien” (Mt 28:19-20). Kemm f’xena u kemm f’oħra hija evidenti r-rabta qawwija bejn il-kelma mlissna minn Kristu u t-tixrid tagħha matul is-sekli.
Dan hu li l-Konċilju Vatikan II jafferma waqt li jirrikorri għal xbieha suġġestiva: “It-Tradizzjoni Mqaddsa u l-Iskrittura Mqaddsa huma magħqudin sewwa bejniethom u għandhom x’jaqsmu sfiq ma’ xulxin. Għaliex it-tnejn ġejjin mill-istess nixxiegħa divina u b’xi mod jagħmlu ħaġa waħda u jimxu lejn l-istess skop” (Dei Verbum, 9). It-Tradizzjoni tal-Knisja tixtered matul il-mixja tal-istorja permezz tal-Knisja li tħares, tinterpreta, tinkarna l-Kelma ta’ Alla. Dwar dan, il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (ara n. 113) jeħodna lura għal motto tal-Missirijiet tal-Knisja: “L-Iskrittura Mqaddsa hi miktuba fil-qalb tal-Knisja qabel ma hi fuq strumenti materjali”, jiġifieri fit-test sagru.
Fuq il-passi tal-kelmiet ta’ Kristu li għadna kemm ikkwotajna hawn fuq, il-Konċilju jafferma li “t-tradizzjoni li ġejja mill-Appostli tiżviluppa ruħha fil-Knisja bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu” (DV, 8). Dan iseħħ bl-għarfien sħiħ “bir-riflessjoni u l-istudju tal-Insara”, bl-esperjenza li titwieled minn “fehma profonda li l-Insara jakkwistaw tal-ħwejjeġ spiritwali” u, fuq kollox, bil-predikazzjoni tas-suċċessuri tal-Appostli li rċivew “id-don ċert tal-verità”. Fil-qosor, “il-Knisja, fit-tagħlim, il-ħajja u l-kult tagħha, iżżomm dejjem ħaj dak kollu li hija hi u dak kollu li hija temmen u tgħaddih lill-ġenerazzjonijiet kollha” (ibid.).
F’dan ir-rigward, hi famuża l-espressjoni ta’ San Girgor il-Kbir: “L-Iskrittura Mqaddsa tikber ma’ dawk li jaqrawha”.[1] U diġà Santu Wistin kien afferma li “wieħed waħdu hu d-diskors ta’ Alla li jiżviluppa fl-Iskrittura kollha u wieħed waħdu hu l-Verb li jidwi fuq fomm il-qaddisin kollha”.[2] Għalhekk, il-Kelma ta’ Alla mhix iffossilizzata imma hi realtà ħajja u organika li tiżviluppa u tikber fit-Tradizzjoni. Din tal-aħħar, grazzi għall-Ispirtu s-Santu, tiġborha fiha fl-għana tal-verità tagħha u tlaħħamha fiż-żminijiet u l-postijiet li jinbidlu matul l-istorja.
F’din il-linja, hu suġġestiv dak li ppropona l-qaddis Duttur tal-Knisja John Henry Newman, fl-opra tiegħu bit-titlu L-iżvilupp tad-duttrina Nisranija. Hu afferma li l-Kristjaneżmu, kemm bħala esperjenza komunitarja, kemm bħala duttrina, hu realtà dinamika, fil-mod indikat minn Ġesù nnifsu bil-parabboli taż-żerriegħa (ara Mk 4:26-29): realtà ħajja li tiżviluppa grazzi għal qawwa ġewwiena li tagħti l-ħajja.[3]
L-Appostlu Pawlu jeżorta iktar minn darba lid-dixxiplu u kollaboratur tiegħu Timotju: “Timotju, ħares sewwa t-teżor li kien fdat f’idejk” (1 Tim 6:20; ara 2 Tim 1:12,14). Il-Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum tagħmel eku ta’ dan it-test Pawlin meta tgħid: “It-Tradizzjoni Mqaddsa u l-Iskrittura Mqaddsa jagħmlu depożitu sagru wieħed tal-kelma ta’ Alla fdata lill-Knisja”, interpretat mill-“Maġisteru ħaj tal-Knisja illi jeżerċita l-awtorità tiegħu f’isem Ġesù Kristu” (n. 10). “Depożitu” hu terminu li, fl-għerq tiegħu, hu ta’ natura ġuridika u jimponi lid-depożitarju d-dmir li jikkonserva l-kontenut, li f’dan il-każ hu l-fidi, u li jgħaddih intatt.
Id-“depożitu” tal-Kelma ta’ Alla huwa llum ukoll f’idejn il-Knisja u f’idejna lkoll, fid-diversi ministeri ekkleżjali, u jeħtieġ inkomplu nħarsuh fis-sħuħija tiegħu, bħal kewkba li turi t-triq tal-mixja tagħna qalb il-kumplessità tal-istorja u tal-ħajja.
Bħala għeluq, għeżież, ejjew nisimgħu mill-ġdid id-Dei Verbum, li teżalta n-nisġa bejn l-Iskrittura Mqaddsa u t-Tradizzjoni: dawn – tafferma – huma tant marbutin u magħqudin bejniethom li ma jistgħux joqogħdu waħidhom, u flimkien, kull waħda bil-mod tagħha, bl-azzjoni ta’ Spirtu s-Santu wieħed, jikkontribwixxu b’mod effikaċi għas-salvazzjoni tal-erwieħ (ara n. 10).
[1] Homiliæ in Ezechielem I, VII, 8: PL 76, 843D.
[2] Enarrationes in Psalmos 103, IV, 1.
[3] Ara J.H. Newman, Lo sviluppo della dottrina cristiana, Milano 2003, p. 104.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard