Il-persekuzzjoni kontra l-Insara (7)

Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea

Persekuzzjonijiet u Martri

Iż-żmien tal-persekuzzjonijiet fil-Knisja nistgħu ngħidu li qatt ma spiċċa, anzi wieħed jista’ jgħid li qatt daqs is-seklu 20 ma kien hawn insara li nqatlu għal twemminhom. Jekk wieħed iqabbel kemm mietu nsara fil-persekuzzjonijiet tar-Rumani ma’ kemm mietu fil-Gulags Sovjetiċi, il-Kampijiet Nażisti, waqt il-ġenoċidju ta’ l-Armeni u f’tant persekuzzjonijiet oħra li rajna f’dawn l-aħħar mitt sena, kollox juri li dan l-aħħar seklu kien il-veru żmien tal-martri.

Iżda dawn l-ewwel persekuzzjonijiet għadhom iqanqlu interess partikulari tant li kull martri u kull persekuzzjoni li ġiet wara spiċċat imqabbla magħhom. Ħajjiet u martirji bosta drabi fantastiċi kienu fost l-ewwel bestsellers li qatt inkitbu u t-tema tal-martri qatt ma għebet mill-arti sagra. L-istess nistgħu ngħidu ġara f’paniġierki u festi ta’ qaddisin li l-martirji tagħhom aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar bdew isiru kbar u grotteski.

L-interess kompla jikber fis-sekli 17 u 18 bi drammi Barokki u fis-sekli 19 u 20, bil-pubblikazjonijiet ta’ rumanzi fittizji u produzzjonijiet ċinematografiċi. Ir-realtà tħalltet mall-fantasija u dak li huwa bizzarr u fantastiku tqies bħala verità.

Raġunijiet għall-Persekuzzjonijiet

Bil-maqlub ta’ dak li wieħed jista’ jaħseb, fejn tidħol ir-reliġjon ir-Rumani kienu tolleranti sakemm ma’ tinkisirx il-paċi pubblika. Il-paganeżmu tal-qedem kien jakkomoda kull forma ta’ twemmin. Hekk li bejn l-allat tal-Griegi u tar-Rumani ftit kien hemm differenza, filwaqt li kienu bosta dawk li emmnu allat eżotiċi ġejjin mil-Eġittu u l-Mesopotamja. Dawn l-allat, kif diġà rajna, kienu jintervjenu fil-ħajja tal-bnedmin u jekk il-qima ma tingħatax kif jixraq setgħu jikkastigaw, bħalma ġieli wkoll ippremjaw lill-fidili tagħhom.

Fl-istess waqt huma kienu jirrispettaw dak kollu li huwa qadim u antik, hekk li l-Lhud minkejja t-twemmin tagħhom f’Alla wieħed, kienu ħielsa li jqimu kif iridu għax twemminhom kellu passat. Il-problema tal-insara kienet illi mhux biss ma kinux jagħtu qima lill-allat iżda kellhom twemmin ġdid, għalhekk ir-Rumani raw fihom nies atei. Barra minn hekk it-tendenza li jinqatgħu għalihom ftit li xejn kienet ta’ għajnuna.

L-Ewwel Persekuzzjonijiet

Meta nitkellmu fuq persekuzzjonijiet f’dawn iż-żminijiet ma rridux naħsbu li dan kien xi proċess kontinwu li dam mijiet ta’ snin. Veru li bejn il-persekuzzjoni ta’ Neruni c.66 WK sa l-Editt ta’ Milan 314 WK, għaddew bosta snin però ma kienx hemm xi kaċċa għall-insara l-ħin kollu. Kellek perjodi ta’ persekuzzjoni qalila ma’ żminijiet fejn l-insara kienu parzjalment ittollerati. Għalkemm ġieli ssemmew għaxar persekuzzjonijiet jidher li qabel il-ħakma tal-Imperatur Deċju (249-251) il-persekuzzjonijiet kienu jkunu jaffetwaw żona partikulari u għal perjodu limitat.

Ħafna drabi kien ikun biżżejjed xi diżastru naturali li wassal biex il-ħtija taqa’ fuq l-insara. Il-ġrajja ta’ kif Neruni waħħal fl-insara meta nħarqet Ruma, għalkemm l-aktar magħrufa, mhix l-uniku każ ta’ dan it-tip.

Iżda jkollna nammettu li l-parti l-kbira tal-imperaturi, speċjalment fl-ewwel u t-tieni seklu ftit li xejn ħabblu rashom dwar l-Insara. Il-linja li x’aktarx kienu jieħdu kienet li l-Imperatur Trajanu  rrakomanda lil Plinju ż-Żgħir, Gvernatur tal-Bitinja, reġjun tat-Turkija,  jiġifieri li t-twemmin tal-insara huwa kontra l-liġi, iżda li m’għandu jsir l-ebda sforz biex dawn jinqabdu.

 Min-naħa l-oħra kien faċli biex fi żmien ta’ nkwiet il-ħtija taqa’ fuq l-Insara bħala l-parti d-dgħajfa u mistmerra tas-soċjetà, ħafna drabi aktarx li dawn l-affarijiet kienu jsiru fuq xi inizjattiva ta’ xi uffiċċjal tal-lokal sabiex jintgħoġob man-nies aktar milli fuq ordni tal-gvern ċentrali.

Aktar kitbiet minn Joe Galea dwar l-Istorja tal-Knisja … https://laikosblog.org/jb_storja_knisja_kristjanezmu/

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading