V … Illum, waqt li qed niċċelebraw in-Nawfraġju ta’ Missierna fil-fidi San Pawl u t-tnissil tagħna l-Maltin fil-fidi Nisranija, nitolbu sabiex nerġgħu niskopru dawn l-għeruq Insara li dejjem jgħaqqduna f’poplu wieħed kapaċi jisfida u jegħleb kull tiġrib u saram. Għalhekk nitolbu lill-Missier Etern waqt li ntennulu: Qaddisna, Mulej u ħarisna.
1. Missier Etern, nitolbuk biex tqaddes u ssaffi l-Knisja Mqaddsa tiegħek minn kull ħażen li jfixkel il-konverżjoni ta’ dawk li qed ifittxuk u li jtellef il-fidi ta’ dawk li huma Nsara. Nitolbu
2. Missier Etern, nitolbuk għall-mexxejja ta’ pajjiżna biex l-għażiet tagħhom ikunu mibnija fuq il-fidi Nisranija għall-ġid ta’ kulħadd. Nitolbu
3. Missier Etern, nitolbuk għal dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ tbatija u diffikultà, sabiex jafu jorbtu ħajjithom u tbatijiethom mal-“laqxa” tas-salib ta’ Ibnek biex jaslu fil-port tas-sliem, l-hena u l-paċi. Nitolbu
4. Nitolbuk ukoll Missier Etern għal din il-komunità Nisranija hawn miġbura llum biex b’leħen wieħed tagħraf issebbaħ tjubitek għall-għeġubijiet li inti tagħmel magħna l-bnedmin. Nitolbu
V … Nitolbuk biex tagħmel minna l-Maltin qaddejja li ma jibżgħux ixandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu, u bħala wlied denji ta’ San Pawl li nissilna fil-fidi, inkunu xhieda ħajja ta’ Knisja Nisranija. Bi Kristu Sidna.