Il-pjaga l-moħbija ta’ żminijietna. Omelija tal-Isqof Anton Teuma

Is-Sibt, 7 ta’ Frar 2026, il-5 Ħadd ta’ Matul is-Sena: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Tuma fil-Konċelebrazzjoni Solenni fil-100 Anniversarju mill-Mewt ta’ Franġisk Portelli. Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, Għarb.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Tuma

Illum il-melħ nibżgħu minnu għax itella’ l-pressjoni, ma jagħmlilniex tajjeb. Imma sa ftit snin ilu, il-melħ kien tant importanti… kien iservi għal ħafna affarijiet. Kienu jaħslu, jieklu, inaddfu l-feriti, ifejqu u jippreservaw bih. Tant kien importanti li kienu jħallsu bih. Il-kelma suldat tfisser dak li hu mħallas bil-melħ. Is-suldati fil-bidu kienu jiġu mħallsin bil-melħ tant kemm kien prezzjuż.

Allura meta Ġesù jgħid: “Intom il-melħ” (Mt 5:13), qed jgħid: Intom importanti, ilkoll kemm intom għandkom valur kbir, intom tistgħu tagħtu togħma lid-dinja. Intom il-Kristjani, id-dixxipli ta’ Ġesù, li ma timxux mal-kurrent tad-dinja imma timxu skont il-Vanġelu, intom qrib tiegħi, għandkom x’tagħtu lid-dinja daqskemm kellu x’jagħti l-melħ fil-passat.

U l-istess, “Intom id-dawl” (Mt 5:14). X’jagħmel id-dawl? Immaġinaw il-knisja tintefa f’daqqa. Ħadd minna mhu jħares lejn id-dawl, imma kulħadd qiegħed jara minħabba d-dawl. “Intom id-dawl”… Intom tagħtu tifsira u spjegazzjoni lill-oħrajn u lilkom infuskom tal-ġrajjiet li jiġru madwarkom. Id-dawl juri, jispjega, igiegħlek tinduna bid-dettalji. Ara kemm hu pożittiv u sabiħ Ġesù, u kemm jixtieq li aħna, id-dixxipli tiegħu, inkunu pożittivi fid-dinja!

Imma l-melħ, biex jagħmel xogħlu, jisparixxi. Jekk ikollok ċappa melħ u tikolha, tagħmillek il-ħsara; imma l-melħ meqjus, użat f’postu, jagħti t-togħma. Biex jagħmel dan, jisparixxi. Kieku kien ħaj, konna ngħidu li jmut. Id-dawl, biex idawwal, jisparixxi. Xemgħa li tixgħel biex tagħti d-dawl, trid tmut, tisparixxi.

Allura tagħmel parti mill-esperjenza tal-ħajja tagħna li jkun hemm kantunieri fil-persuna tagħna, fl-istorja tagħna, f’ħajjitna… li jkun hemm feriti li minkejja li aħna nġarrbuhom u ngħixuhom forsi b’sens ta’ negattività, u nħossuhom piż, imma fil-fatt ikunu bħall-melħ u bħad-dawl. Ikunu qegħdin jagħtu l-ħajja. Ikunu qed jgħajxu lil dawk li niltaqgħu magħhom u saħansitra lilna nfusna.

Tiftakru x’ġara ftit ilu. Is-Sur [Matthew] Wismayer kien ġie hawnhekk b’tumur, bid-dlam fih, b’diffikultà. Din id-diffikultà għamel minnha bħall-melħ li jinħall, bħad-dawl li jisparixxi biex jagħti dawl lill-oħrajn. Huwa ddedika ħajtu għat-tfal foqra fl-Afrika. Proprju telaq mid-dlam. Mhux irribella, imma kompla mal-ferita li kellu.

Meta nfakkru l-ferita moħbija li kellu Ġesù fuq l-ispalla tiegħu, inkunu qegħdin ngħidu dan. Aħna lkoll inġorru ferita fil-qalb tagħna. Kull wieħed u kull waħda minna għandu ferita li għadha tnixxi d-demm. Forsi ma nħossuhiex għax jaf insejnieha, imma hemm qiegħda, u meta xi ħadd ifakkarhielna, inħossuha.

Il-Vanġelu (ara Mt 5:13-16), bl-għajnuna ta’ Franġisk Portelli, qiegħed jgħidilna li din il-ferita l-moħbija jista’ jiġrilha bħall-ferita l-moħbija fl-ispalla ta’ Ġesù fejn refa’ s-salib. Dak is-salib kien sinjal ta’ dak li kien qed jerfa’ fil-qalb tiegħu. Ibqgħu ċerti li t-tbatija ta’ Ġesù, għalkemm dehret f’ġismu u l-piż li hu ġarr deher fuq l-ispalla tiegħu, kellha piż akbar f’qalbu u f’moħħu, fil-persuna tiegħu minn ġewwa. Dan il-piż kien l-imħabba kbira li Alla għandu għall-bnedmin u ċ-ċertezza min-naħa ta’ Ġesù li l-bnedmin mhux ser jifhmu din l-imħabba.

Qatt kellkom esperjenza li tħobbu lil xi ħadd – forsi ibnek, jew ġuvni jew tfajla – u dawn ma jifhmux li tħobbhom? Ibnek ma jifhimx li inti tħobbu… x’weġgħa kbira! L-imħabba titolbok li tibqa’ tħoss il-weġgħa fis-skiet… pjaga moħbija. Mingħalik li tkun diżgrazzja li inti tħobb u xi ħadd mhux qiegħed jifhmek. Le, mhix diżgrazzja, imma huwa l-melħ  li qiegħed imut, jinħall, jisparixxi, jispiċċa biex jagħti l-ħajja. Ma tarax riżultat… imma huwa l-melħ li qiegħed jagħti l-ħajja. Forsi ma tarahx illum, jew għada, jew kif tixtieq int, imma hemm qiegħed. Huwa dawl li qiegħed imut, ix-xemgħa li bil-mod il-mod qed tinħela biex tagħti d-dawl. It-tbatija, il-pjaga li għandek moħbija fik tista’ tkun bħal din il-pjaga li kellu Ġesù fuq spallejh, jekk ngħaqqduha mat-tbatija tiegħu.

Bosta nies għamluha din l-esperjenza. San Pawl jgħid: “Għandi xewka f’ġismi” (2 Kor 12:7). Ma nafux din il-pjaga x’kienet, jekk kinitx f’ġismu jew f’moħħu, xi wġigħ fiżiku jew xi ħaġa psikika jew problema serja ma’ xi ħadd. Imma kienet dik il-problema, bħal tas-Sur Wismayer, li lil Pawlu ġegħlitu jħobb, jingħata kollu kemm hu għall-oħrajn.

Madre Tereża… 40 sena f’nixfa spiritwali, taħdem u tħobb, u mbagħad fl-aħħar ta’ ħajjitha niskopru li ma kienet tħoss xejn. Din il-ferita ma tathiex wisq piż, u nqdiet biha biex tingħata kollha kemm hi għall-oħrajn.

Hawnhekk, minbarra soluzzjoni evanġelika – rigal li jagħtina Ġesù permezz tal-Vanġelu, meta ngħaqqdu l-ferita tagħna ma’ tiegħu, u kif jiġri dejjem, joħroġ il-frott – hemm ukoll proposta li tista’ tgħinna umanament, psikoloġikament. Meta jien niffoka fuq il-bżonnijiet tal-oħrajn u ma noqgħodx niffissa fuq il-problema tiegħi, meta jien ninħall bħall-melħ u bħad-dawl u ma noqgħodx nagħti kas ta’ x’qed nitlef u ningħata għall-oħrajn, il-problema tiġi dissolved għalkemm ma tiġix solved – ma tiġix solvuta imma tiġi maħlula bħall-melħ bil-mod il-mod.

Ejjew nirringrazzjawh lill-Mulej li llum jagħtina din il-kelma sabiħa, din l-aħbar tajba. Imma ejjew nirrigrazzjawh ukoll ta’ dan ir-raġel qaddis, Franġisk Portelli, illi għaraf ixerred id-devozzjoni lejn il-Pjaga l-moħbija. Kważi kważi qed jgħidilna: Tibżax mill-pjaga l-moħbija tiegħek. Ġesù wkoll kellu pjaga moħbija. Ħadd ma nduna biha. Kien jaf hu biss biha. Jiena ċertissmu li anki Franġisk Portelli kellu pjaga moħbija. Żgur li ma kienx jinduna bil-pjaga moħbija ta’ Ġesù li kieku anki hu ma kellux xi tip ta’ pjaga moħbija kif kellhom San Pawl, Madre Tereża u ħafna mill-qaddisin.

Min jaf kinitx ukoll pjaga moħbija dik ta’ Marija, fid-dar tagħha, biex tispjega lil Ġużeppi t-tqala li ġiet bl-opra tal-Ispirtu s-Santu? X’ħareġ minn dik il-pjaga moħbija ta’ Marija? L-Iben ta’ Alla f’nofsna!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading