Il-Ħames Ħadd matul is-Sena. Kitba ta’ Fr Michael A. Galea

Mahatma Gandhi, l-Indjan li ħadem kemm felaħ għall-indipendenza ta’ pajjiżu, darba stqarr ma’ wieħed nisrani: “Hemm bżonn li tkun il-ħajja tagħkom ta’ nsara stess li tkellimna. Il-warda ma tużax kliem, iżda tikkuntenta ruħha billi xxerred madwarha l-fwieħa tagħha. B’dan il-mod, anki nies għomja, avolja ma jistgħux jaraw il-warda, xorta waħda jindunaw bil-fwieħa tagħha. Hemmhekk qiegħed is-sigriet tal-vanġelu tal-warda. Tgħid il-vanġelu li xandar Kristu mhuwiex iktar sottili u ma fihx iktar fwieħa mill-vanġelu tal-warda? (fi kliem ieħor, Gandhi qed jgħidilna: “ipprietkaw b’għemilkom iktar milli bi kliemkom!”)

Qed nibda b’din l-istqarrija sabiħa ta’ Mahatma Gandhi għal diversi raġunijiet. Qabel xejn, għalkemm qatt ma sar nisrani imma baqa’ sa l-aħħar iħaddan ir-reliġjon tiegħu, Mahatma Gandhi qara l-vanġelu ta’ Ġesu’, kellu ammirazzjoni kbira għal Ġesu’ u kien jgħix it-tagħlim tiegħu, speċjalment id-diskors imsejjaħ “tal-muntanja”.  It-tieninett, il-kelma “fwieħa”, fis-sens li qed jużaha Gandhi, ifakkarna f’espressjoni biblika li nsibu fit-tieni ittra ta’ San Pawl lill-Korintin u li taqbel ma’ dak li rridu nitkellmu fuqu llum. Jgħidilna San Pawl: “Aħna nwasslu l-fwieħa ta’ Kristu” u fl-aħħarnett għax eżempju bħal dan tal-warda li tarmi l-fwieħa tagħha madwarha, jintroduċina għall-vanġelu tal-lum. B’żewġ eżempji oħra, Ġesu’ jixtieqna nkunu xhieda tiegħu, fwieħa tiegħu kull fejn inkunu. Ħa naraw ftit…

L-ewwel eżempju: “Intom il-melħ tal-art.” Biex nifhmu x’jixtieq minna Ġesu’ meta jgħidilna: “Intom il-melħ tal-art”, irridu nżommu quddiem għajnejna x’kien ifisser il-melħ għan-nies ta’ żmien Ġesu’ kif ukoll xi jfisser għalina llum. Ħa naraw…Minħabba l-bjuda tleqq tiegħu, l-antiki kienu jassoċjaw il-melħ mas-safa. Ir-Rumani kienu jqisu l-melħ bħala ħaġa mill-aktar safja għax ġej minn żewġ elementi safjin: is-sħana tax-xemx u l-ilma tal-baħar. Infatti kemm pagani kif ukoll Lhud, huma u joffru sagrifiċċji ta’ ħruq lill-allat jew lil Alla ta’ Abraham, kienu jroxxu l-melħ fuq il-vittma tas-sagrifiċċju, biex tkun vittma kemm jista’ jkun safja.

Jekk napplikaw dan għan-nisrani tal-lum, irridu ngħidu li jien u int għandna bżonn nitqabdu kontinwament biex inkunu safjin, mhux biss f’dak li jirrigwardja s-sitt kmandament, imma wkoll f’dak li hu rispett lejn Alla, f’dik li hi onesta’, irġulija, karita’ tal-proxxmu, ġustizzja ma’ min hu taħtna, lealta’ lejn min hu fuqna, tiegħi ma tisirqulix u tiegħek ma nisirqulekx, ma nqarqux b’xulxin…Meta naħdmu fuqna nfusna għal din is-safa, inkunu qegħdin ngħollu ‘l fuq il-valuri morali li sfortunatament, anki f’pajjiżna qabdu t-triq tan-niżla! Għall-antiki u anki għalina, il-melħ huwa preservattiv, jintuża bħala salmura biex ċertu ikel ma jitħassarx. Jeżisti ħafna tajjeb fina u madwarna; għalhekk bħal melħ tal-art, aħna l-insara obbligati naħdmu biex dat-tajjeb ma jitħassarx, anzi jkompli jiffjorixxi u jieħu r-ruħ. Skont wieħed kittieb antik, “l-insara huma għad-dinja dak li r-ruħ hija għall-ġisem.” Fl-aħħarnett, il-melħ jagħti t-togħma lill-ikel. X’togħma se nagħtu aħna l-insara lid-dinja ta’ madwarna? Nagħtuha t-togħma tal-Vanġelu. L-hena li ħabbrilna Ġesu’ fil-vanġelu tal-Ħadd li għadda (ftakru li kien il-vanġelu tal-beatitudni), ngħadduh lid-dinja billi aħna stess nixtruh bil-prezz kemmxejn għoli tas-salib, fis-sens  wiesa’ tiegħu.

It-tieni eżempju: “Intom id-dawl tad-dinja.” Faċilment nifhmu dak li jixtieq minna Ġesu’ meta jgħidilna: “Intom id-dawl tad-dinja.” Ġesu’ jrid jgħid lilkom insara u lilna s-saċerdoti: “Tingħalqux fikom infuskom jew fis-sagristiji, imma ħa jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lill-Missierkom…” Forsi Ġesu’ qed jgħidilna: “Ħajjitkom għandha bżonn tkun il-kitba tal-ħames vanġelu: kunu gwida għal min qed ifittex jew tilef it-triq u bħala Knisja dawlu lil min qiegħed fil-poter biex jilleġisla skont ir-rieda t’Alla u favur il-ġid komuni. Pero’ tinsewx, id-Dawl huwa jien, intom biss rifless tiegħi. Tidrux intom, imma ħalluni nidher Jien!” Fuq dan se nwasslilkom siltiet minn talba li jgħidu kuljum is-sorijiet tal-Qaddisa Madre Tereża. Madre Tereża serqet din it-talba minn kollezzjoni ta’ talb li kiteb il-Qaddis John Henry Newman. It-talba: “Għażiż Mulej, għinni nxerred il-fwieħa tiegħek kulfejn inkun…Nitolbok tiddi minn ġo fija u timlieni tant li kull persuna li niltaqa’ magħha tkun tista’ tħoss il-preżenza tiegħek fija. Ħalli jħarsu lejja u jaraw lilek biss, Mulej, u mhux lili! Ibqa’ miegħi u bħalek, jien insir raġġ ta’ dawl għall-oħrajn. Dan id-dawl, Mulej, ikun ġej kollu minnek biss; tkun int li tiddi fuq l-oħrajn permezz tiegħi…Ħallini nipprietkak mhux bil-kliem, imma bl-eżempju tiegħi…xhieda ta’ mħabba kbira li qalbi għandha lejk.”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading