L-aħħar ġamar tal-persekuzzjoni (12)

Mill-istorja tal-Knisja Nisranija. Kitba ta’ Joe Galea

Jissemma l-Editt ta’ Galerju li temm il-persekuzzjoni kontra l-insara. Iżda mhux kulħadd kien qabel ma’ din il-pożizzjoni. Fil-Lvant Massiminu Daia, mexxej Ruman li kien rival sew ta’ Kostantinu kif ukoll ta’ Liċinju, żied fl-attakki tiegħu. Sakemm safa mirbuħ u maqtul minn Liċinju fis-sena 313 WK, hu mexxa numru ta’ kampanji kontra l-insara.

Fl-attakki tiegħu kien aktar irfinat minn Dioklezjanu u Galerju għaliex huwa beda kampanja li l-għan tagħha kien li joħloq apostati u mhux martri. Għen fil-kitba ta’ kotba li ħammġu l-fama tal-insara, saħansitra ġew iffalsifikati dokumenti li juru l-ħażen tal-insara u murija bħala kitba qaddisa użati minn dawn ta’ l-aħħar u ordna li jiġu wżati fl-iskejjel. Iżda fuq kollox ordna riforma fit-twemmin pagan biex dan ikun aktar organizzat u jerġa’ jirbaħ lura lil dawk li ngħaqdu mat-twemmin il-ġdid.

Iżda Massiminu Daia kien qed jiġġieled ġlieda mitlufa għaliex il-Kristjaneżmu mhux biss issa kellu għeruq sodi iżda kellu protettur ġdid li bil-ħila tiegħu kellu jsir il-mexxej waħdieni tad-Dinja Rumana, Kostantinu.

In Hoc Signo Vinces

Il-proċess li wassal biex Kostantinu laħaq imperatur u dak li jsir Nisrani mxew tista’ tgħid id f’id. Meta Kostantinu ġie msejjaħ Ċesri mis-suldati tiegħu fil-Brittanja x’aktarx li l-istess bħal missieru kien diġà miġbud lejn it-twemmin f’Alla wieħed. L-armata tiegħu kienet titlob ta’ kuljum lil dan Alla qawwi. Iżda dan it-twemmin ma kienx dak Nisrani, anzi kif insibu f’paniġierku magħmul f’ġieħu minn rettur pagan, nafu li Kostantinu fis-sena 310 żar it-tempju ta’ Apollo f’Augustodunum (illum Autun fil-Gallja) u li kien devot kbir ta’ din id-divinità pagana.

Nafu li Apollo bħala alla assoċjat max-xemx kien popolari fl-armata Rumana u l-qima tiegħu imħallta ma’ dik ta’ Mitras, alla ieħor tax-xemx li kien meqjum fil-Persja, kienet mifruxa f’kull rokna tal-Imperu. Kollox juri li din id-devozzjoni wasslitu biex joqrob aktar lejn it-twemmin f’Alla wieħed u ppreparatu għal ġrajja tad-dehra famuża ta’ qabel it-taqbida fuq il-Ponte Milvio.

Dak li wassal għal din it-taqbida u d-dehra tant famuża kien il-kunflitt bejn Kostantinu u Massenzju. Dan ta’ l-aħħar kien irnexxielu jieħu f’idejh lil Ruma u wara firex is-setgħa tiegħu fl-Italja kollha u fl-Afrika ta’ Fuq.

Għal kuntrarju ta’ dak li ħafna kittieba nsara kienu jgħidu, speċjalment fi żmien Kostantinu, Massenzju ma kienx kontra l-insara: huwa qatt ma ppersegwitahom. Iżda kien qed juri ruħu bħala mexxej li lest jerga’ jqajjem it-tradizzjonijiet u drawwiet Rumani. Huwa sab appoġġ u għajnuna mill-gwardji Pretorjani, illi tradizzjonalment kienu l-Bodyguards tal-imperatur u għalhekk jirrapreżentaw rabta sħiħa ma’ passat glorjuż.

Min-naħa l-oħra, il-parti l-kbira tas-suldati ta’ Kostantinu kienu Ġermaniċi u Ċelti, meqjusa bħala Barbari u għalhekk preżentati bħala l-għedewwa taċ-ċiviltà u l-istat Ruman. Iżda billi  Massenzju kellu spiża kbira biex jibni u jżomm l-armata tiegħu, huwa kellu jżid it-taxxi u dan wassal biex bosta Rumani jduru kontrih. Dan il-fatt għen lil Kostantinu, hekk kif belt wara l-oħra fl-Italja għaddew f’idejh. Iżda Massenzju bil-parti l-kbira tal-Gwardji Pretorjani ħejja biex jitqabad ma’ Kostantinu ’il barra mill-belt ta’ Ruma.

Hekk kif iż-żewġ rivali kienu qed iħejju ruħhom għat-taqbida, Kostantinu ra fis-sema ma’ nżul ix-xemx dehra tas-salib u l-kelmiet, ‘b’dan is-sinjal inti tirbaħ’. Imħawwad b’din id-dehra huwa mar jorqod u matul il-lejl waqt ħolma deherlu Kristu u wrih li bis-sinjal tas-Salib kellu jirbaħ lill-għedewwa tiegħu.

Dan ir-rakkont miktub minn Ewsebju ta’ Ċesarija juri kif Kostantinu għażel li juża s-sinjal ta’ reliġjon li sa ftit qabel kienet ippersegwitata bħala standard fit-taqbida. Mhux kulħadd jaqbel ma’ din il-verżjoni u kien hemm minn semma l-influwenza ta’ l-isqof Hossius ta’ Kordova fi Spanja u saħansitra min qal li Kostantinu ra simbolu ta’ Apollo u wara attribwih lil Kristu ta’ l-insara. Iżda l-fatti juru li wara din il-ġrajja Kostantinu beda juri aktar preferenza lejn it-twemmin nisrani.

It-taqbida fuq il-ponte Milvio, ’il barra minn Ruma intemmet b’rebħa totali għal Kostantinu u l-mewt ta’ Massenzju. Is-sena kienet 312 wK. Ir-riżultat kien li issa hu seta’ jifrex setagħtu fuq il-Punet kollu ta’ l-Imperu hekk kif fil-Lvant Liċinju kien qed jagħmel l-istess ħaġa. Dan ħoloq sitwazzjoni fejn iż-żewġ naħat ħolqu speċi ta’ partnership li fiha qasmu l-Imperu bejniethom hekk kif Liċinju ltaqa’ ma’ Kostantinu f’Milan u qabel li jiżżewweġ lil oħt Lucinju. Kien waqt din il-ġrajja li saret fl-1 ta’ Mejju 313 li ż-żewġ imperaturi ħarġu l-famuż Editt ta’ Milan.     

L-Editt ta’ Milan

F’din il-kwotazzjoni nistgħu naraw x’kien l-Editt ta’ Milan u għaliex hu daqshekk importanti.

“Hekk kif jiena, Kostantinu Awgustu, u jiena Liċinju Awgustu ltqajna sabiex naraw x’inhu ta’ ħtieġa għal ħarsien ta’ l-Istat fost affarijiet oħrajn biex ikunu ta’ ġid għal parti l-kbira tal-bnedmin rajna li l-ewwel u qabel kollox hemm li ngħinu fil-Qima lejn id-Divinità, sabiex l-Insara u l-bnedmin kollha jkunu jistgħu jemmnu kull twemmin li jixtiequ, sabiex hi liema hi d-Divinità li tinsab fit-Tron tas-Smewwiet, tkun tbierek u tkun favur tagħna u ta’ kull min hu sudditu tagħna.”

Din id-dikjarazzjoni kellha tiftaħ it-triq sabiex ir-Reliġjon Nisranija issir dik ta’ l-Istat Ruman. Dwar kif Kostantinu għen f’dan il-proċess u s-sehem tiegħu fit-tmexxija tal-Knisja nitkellmu aktar ‘il quddiem.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading