Rapport għas-Sena 2025. Mill-Kummissjoni Djoċesana tal-Knisja f’Għawdex.
Kummissjoni Djakonija
PROBLEMI TAL-MALTIN U TAL-BARRANIN
LI JIĠU FOSTNA
Rapport għas-sena 2025
- IL-POPOLAZZJONI F’MALTA
Għal nofs is-seklu 17 il-popolazzjoni ta’ Malta kienet ta’ madwar 47 elf ruħ. Fl-1903 meta l-popolazzjoni kienet ta’ madwar 185 elf abitant, il-gvernatur Mansfield Clarke qal li Malta kienet overpopulated. Illum il-popolazzjoni ta’ Malta hija ta’ madwar 570 elf ruħ. B’hekk sirna wieħed mill-pajjiżi l-iktar popolati fid-dinja. Fl-istess ħin ir-rata tat-twelid f’Maltta hija l-ibxax fl-Ewropa. Fl-ewwel sitt xhur tal-2025 f’Malta twieldu 2200 tarbija li 1400 għandhom omm Maltija. Is-700 l-oħrajn għandhom omm barranija.
Biex il-popolazzjoni ta’ pajjiż tibqa’ stabbli irid ikollha rata tal-fertilità ta’ madwar 2.1. L-aħħar li kellna din ir-rata ta’ twelid ta’ Maltin kien fl-1975. Qed jonqsu l-Maltin u fl-istess ħin fl-2050 il-workforce ta’ Malta mistennija li se tkun ta’ madwar 462,000 ħaddiem. Żewġ terzi ta’ dawn il-ħaddiema mistennija li jkunu barranin.
Qed ngħixu sitwazzjoni fejn inħossuna maħnuqin bit-traffiku li żied bil-kbir, bil-bini tiela’ li qered id-dehra sabiħa u trankwilla li kellna f’Għawdex u b’raba’ agrikolu li mtela b’kostruzzjonijiet li kerrħu u sfiguraw dak li kien ipaxxina xħin konna ngħaddu minn raħal għal ieħor. Ninsabu “marsusin” fiżikament u psikikament għax kibret il-popolazzjoni filwaqt li naqsu l-Maltin tal-post, li twieldu u li għandhom ċittadinanza Maltija
- IUS SOLI, IUS SANGUINIS U IUS CULTURAE: BARRANIN IMWELDIN F’MALTA
Mill-21 ta’ Settembru 1964 sal-1 ta’ Awwissu 1989, kull min kien jitwieled f’Malta kien awtomatikament jiġi reġistrat bħala ċittadin Malti, irrispettivament min-nazzjonalità tal-ġenituri tiegħu. Dan il-proċediment kien skont il-prinċipju tal- ius soli. Il-ius soli prattikament jagħti ċ-ċittadinanza lil persuna anke skont l-art li twieldet fuqha. Riformi riċenti wasslu biex dak li jkun jingħata ċittadinanza Maltija kważi esklussivament fuq il-prinċipju tal-ius sanguinis, li jagħti ċ-ċittadinanza a bażi tan-nazzjonalità tal-ġenituri. Min hu Malti jkollu wliedu reġistrati bħala Maltin sewwa jekk jitwieldu f’Malta kif ukoll jekk jitwieldu minn ġenituri Maltin imma li jkunu jirresjiedu barra minn Malta.
Għal xi żmien kellna sitwazzjoni fejn min kellu l-mezzi u kien jgħaddi minn proċess ta’ due diligence, litteralment kien jixtri ċ-ċittadinanza Maltija.
Illum għandna tfal ulied il-boat people li kienu qasmu l-Mediterran biex ġew Malta li twieldu hawn, tfal li tgħallmu hawn, li jafu jiktbu u jitkellmu l-Malti u fil-futur jixtiequ jaħdmu hawn, u jridu jgħixu hawn. Dawn illum jippossiedu dokument li juri li għandhom “permess ta’ residenza” u mhux ċittadinanza. Ommijiethom kienu ġew mil-Libja fuq id-dgħajjes, mingħajr permess, motivati minn ċirkustanzi diversi. Illum dawn saru adoloxxenti u żgħażagħ li ma jafux jgħidu kelma bil-lingwa tal-pajjiż tal-oriġni ta’ ommhom.
Wasal iż-żmien li titranġa s-sitwazzjoni tal-doloxxenti li twieldu f’Malta. Dawn imisshom jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija. De facto dawn huma Maltin. Għandhom ħafna x’jikkontribwixxu lis-soċjetà Maltija u speċjalment jekk ikunu integrati fiha anke legalment.
Ta’ min isemmi li barra l-ius soli hemm min iressaq argument ieħor favur persuni li twieldu f’Malta minn ġenituri barranin. Dan huwa dak li jissejjaħ il-ius culturae, li jfisser dritt miksub minn persuna wara li tkun integrat ruħha fil-pajjiż li tkun twieldet fih jew li tkun għexet għal bosta snin fih u tħarrġet fil-lingwa u d-drawwiet tal-pajjiż li laqagħha. Jekk dan il-ius cuturae jidħol jitħaddem f’Malta, ikun qabża kbira u pożittiva favur l-inklussività ta’ persuni li twieldu f’pajjiżna imma li de facto jiġu miżmumin f’sitwazzjoni ta’ banju marija. Il-ius culturae jista’ jkun mogħti lil peruni li twieldu hawn u issa ilhom hawn għal numru ta’ snin. Il-Gvern jista’ jikkunsidra l-każ tagħhom wara li jitgħallmu l-Malti u jtemmu il-livell primarju u sekondarju tal-edukazzjoni akkademika. Jista’ jingħata wkoll lil persuni li qegħdin hawn b’mod irregolari imma li integraw ruħhom fis-soċjetà Maltija u ilhom hawn għal numru twil ta’ snin, żmien li jkun stipuat mill-awtoritajiet tal-pajjiż. Hemm bosta żgħażagħ li twieldu hawn Malta xi sittax il-sena ilu u anke iktar minn hekk. Dawn ma għandhomx ċittadinanza la a bażi tal-ius soli u lanqas a bażi tal-ius culturae.
Il-ius culturae jista’ jiġi estiż għal persuni li daħlu hawn legalment biex jaħdmu. Jekk jgħaddu numru konsiderevoli ta’ snin hawnhekk għandha tiġi kunsidrata x-xewqa tagħhom li jsiru ċittadini ta’ pajjiżna. Malta saret kosmopolita, irridu u ma rridux. Għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni ta’ Malta hija magħmula minn barranin.
Il-Jesuit Relief Services qiegħda taħdem biex tressaq każ favur ħutna li twieldu hawn imma li, minkejja li kważi saru adulti, fil-prattika huma biss nies tollerati li jibqgħu jgħixu hawn.
3. IL-KERA
Fejn hemm domanda għal servizz, il-prezz jogħla. U hekk ġara f’pajjiżna. Żdiedet il-popolazzjoni, speċjalment bil-barranin ġejjin jaħdmu hawn. Effett ta’ dan naraw li l-kera tad-djar u tal-apartamenti għoliet. Bosta persuni jgħaddu minn diffikultà fix-xogħol minħabba mard, jew ikollhom problemi familjari jew ikunu bla xogħol għal ftit żmien. Qraba li jilqgħuhom ma jkollhomx. Ifittxu fejn joqogħdu u jisbu l-problema tal-għoli tal-kera.
Issib li xi koppji barranin ikollhom iżommu magħhom persuni estranji għalihom. B’hekk il-kera tinqasam per eżempju bejn 4 persuni flok bejn 2. Imma hemm prezz x’jitħallas għax dak li jkun jitlef il-libertà u l-privatezza. Xħin wieħed jindaga fuq il-prezzijiet tal-kera, l-irħas prezzijiet li jidhru fuq is-siti li jirreklamaw apartamenti għall-kera f’Għawdex, huma dawk ta’ kirjiet long lease għal kamra tas-sodda waħda. Imbagħad ikun fih dining room, living room u kċina, kollha integrati f’kamra waħda, u l-kamra tal-banju. Għaliha jitolbu madwar 350 ewro fix-xahar. Imbagħad ghandek djar u apartamenti iktar spazjużi li qed jinkrew elf u mitt ewro fix-xahar.
Mhux ta’ b’xejn li hawn barranin li qed jgħixu fil-garaxxijiet. F’bosta nħawi ġewwa Għawdex hemm din is-sistema ta’ abitazzjoni.
4. IL-FOOD COURIERS
Ftit qabel nofs is-sena li għaddiet kien hemm madwar 200 food couriers li ssieħbu mal-General Workers’ Union. Il-pagi tal-couriers tvarja skont kemm ikollhom klijentela. Xi wħud minn dawn il-couriers huma self-employed filwaqt li l-biċċa l-kbira tagħhom jaħdmu mal-hekk imsejħin fleets li jipprovdu servizzi ta’ twassil ta’ ikel fid-djar. Jiġri li dak li jimpjegahom (fleet) għandu – bi ftehim – sehem minn parti mill-qliegħ li jagħmel l-impjegat. Fuq il-karta l-food couriers huma intitolati għal xi drittijiet imma l-media lokali għarrfet li l-proviżjoniet imposti fil-kuntratt jiġu injurati. Il-couriers ma jitkellmux għax jibżgħu li jitilfu x-xoghol. Hemm forom sottili ta’ intimidazzjoni u theddid. Dawn il-ħaddiema jikkumpensaw il-pagi baxxi billi jaħdmu siegħat twal, xi drabi sa 16-il siegħa.
5. SITWAZZJONI PREKARJA TA’ BOSTA
Jekk wieħed jiksibx drittijietu fuq ix-xogħol jiddependi mill-istat legali li fih ikun jinsab. Min qed jipprova jgħix u jaħdem hawn wara li daħal f’Malta illegalment huwa iktar suxxettibli li jiġi maltrattat minn min jimpjegah.
Għandna barranin li jgħixu fil-biża’ kontinwu li jinqabdu u jitqalftu ‘l barra għax daħlu f’pajjiżna llegalment jew għandhom visa skaduta. Illum il-ġurnata huwa kważi impossibbli li f’Malta xi ħadd jikseb status ta’ rifuġjat. Biex jingħata status ta’ rifuġjat wieħed irid jipprova li fil-kas li jmur lura f’pajjiżu huwa jista’ jiġi mhedded fl-integrità fiżika tiegħu.
Illum il-ġurnata f’pajjiżna ma għadhomx jiġu barranin illegali daqs qabel. Jidher li hemm xi forma ta’ “intiża” biex rifuġjati mil-Libja ma jitħallewx jiġu hawn. Persuna li kellna kuntatt magħha qaltilna li fil-każ tieghu kienu fuq dgħajsa qed tagħmel l-ilma. Xħin waslet dgħajsa biex tgħin l-ekwipaġġ offrewlhom li jagħtuhom id-diesel biex ikomplu isalpu lejn Lampedusa. Il-barranin ivvutaw bejniethom u raw li d-dgħajsa setghet tegħreq. Għażlu li jidħlu Malta u għaddew xhur fid-detention centre.
6. IS-SITWAZZJONI LLUM
Fis-sena li qegħdin fiha, 2026, għandna tip ieħor ta’ nies li jiġu fostna. Mhumiex iktar l-Afrikani u s-Sirjani. Illum għandna ħafna third world country nationals, jiġifieri persuni mhux Ewropej ġejjin minn pajjiżi bħall-Filippini, Nepal, Kolombja u l-Indja Dawn jagħmlu proċedura li tissejjeħ is-single permit. Dan il-permess jagħti dritt lil min mhuwiex cittadin tal-komunità Ewropea, li jirresjiedi f’Malta, bil-kundizzjoni li jkollu xogħol. Jekk jitlef ix-xoghol irid jerġa’ lura lejn pajjiżu. U hawnhekk jinbtu l-abbużi u xi wħud jiġu sfruttati. Jiġu sfruttati qabel ma jiġu f’pajjiżna. Kellna informazzjoni fejn biex wasal sa Malta ħaddiem prospettiv kellu jħallas 4000 ewro lill-“aġenzija”. Jidher li xi drabi min ikun jaħdem hawn għal għal snin twal, baqa’ b’xi mod jiddependi minn persuni tal-pajjiż tal-oriġni. Intikom eżempju ta’ kaz li ġara. Wieħed Għawdxi ried jagħti impjieg lil mara barranija. Ma kenitx għadha marbuta b’kuntratt mal-employer ta’ Malta. Imma ma ddeċidietx mill-ewwel li taċċetta l-impjieg il-ġdid, għax kif qalet hi, “I have to see what my agent says”.
7. EQUAL PAY?
Il-liġi tgħid, “Equal pay for equal work”. Imma fi-prattika għandna min jimpjega nies barranin u jagħtihom paga inqas meta mqabbla ma’ dik li jaqla’ wieħed Malti. Xi drabi l-paga mnaqqsa tinħeba għax lill-barrani ma jiġix rikonoxxut lilu li qed jagħmel xogħol li jistħoqqlu iktar paga. Per eżempju jkollok ħaddiem li huwa wejter imma għalkemm qed jieħu responsabbiltà fuq wejters oħrajn u bħala tali jistħoqqlu li jingħata xi ħaġa iktar bħala head waiter, iż-żieda tibqa’ ma tingħatalux.
8. NIPPROMOVU S-SAĦĦA MENTALI
Uħud mill-persuni li ġew fostna fl-epoka tat-traversar tal-Mediterran bid-dgħajjes mil-Libja, baqgħu mmarkati l-ewwelnett bl-esperjenza trawmatika li għaddew minnha dment li kienu għadhom fil-Libja u anke mill-esperjenza li kellhom fuq id-dgħajsa sakemm waslu hawn. Per eżempju, persuna li għamilnielha intervista, qaltilna li rat nies imutu fuq id-dgħajsa, hija u taqsam il-Mediterran.
Bosta barranin ilhom hawn b’visa skaduta jew dritt ta’ residenza li skada, u li prattikament jgħixu qishom fuġġitivi mill-awtoritajiet lokali. Uħud minnhom iħossuhom pressjonati, oħrajn jaqtgħu qalbhom mill-ħajja. Jispiċċaw imġelġlin mentalment għax jaqtgħu qalbhom mill-ħajja. L-abbuż mix-xorb huwa sintomu ta’ dis-sitwazzjoni.
F’pajjiżna nsibu bosta tfal li twieldu minn ġenituri barranin li ġew f’pajjiżna llegalment. Ikunu twieldu hawn u jmorru l-iskola sa mill-year 1. Għandna każi fejn dawn jifhmu l-Malti, imma li qatt ma lissnu kelma bl-ilsien tal-pajjiż li laqagħhom. Dan il-fatt għandu jħassibna mhux biss mill-aspett patrijottiku. Meta wieħed jaf il-Malti, iħossu iktar parti minna u l-Maltin jaċċettawh iktar bħala parti minnhom. Li wieħed Malti mid-demm ma jużax il-Malti, dan huwa theddida għall-identità tagħna bħala poplu. Li persuna mwielda Malta minn ġenituri barranin u għamlet snin tistudja hawn Malta u ma tgħidx kelma waħda bil-Malti, dan hu sinjal ta’ nuqqas ta’ integrazzjoni. Forsi minħabba li ma jħossuhomx milqugħin jagħżlu li joħolqu u jgħixu f’ subkultura parallela għal dik Maltija.
Dawn kienu biss xi riflessjonijiet fuq sitwazzjonijet li aħna nitaqgħu magħhom mill-kuntatti li jkollna. Hemm miżuri li jistgħu jittieħdu sewwa mill-klijenti li jitolbu l-għajnuna imma anke mill-awtoritajiet biex il-ħajja titjieb, sewwa għalina l-Maltin u anke għal dawk li mistednin tagħna jew le, qegħdin hawn magħna. Ma ninsewx li fejn hemm il-fqir hemmhekk hemm Kristu: ubi pauper ibi Christus.
1 ta’ Marzu 2026
Mons. Jimmy Xerri
Kummissjoni Djakonija, Għawdex