Kitba ta’ Patri Juan De Bono ocd
Qatt ftaħtu r-Radju, it-Televiżjoni, il-miedja soċjali u qrajtu dan il-messaġ: Aħna msejħin biex inkunu Mistiċi ?

X’aktarx li tgħiduli LE.
U hekku, għax id-dinja ma tridnix niftakru li aħna ġejna maħluqa BISS, u nirrepeti aħna ġejna maħluqa BISS biex insiru ħaġa waħda ma’ Alla. F’kelma waħda aħna ġejna maħluqa biex inkunu Mistiċi, jiġifieri ġejna maħluqa biex minn din il-ħajja stess naslu għal għaqda sħiħa ma’ Alla.
Għalhekk biss ġejna maħluqa, u għalhekk biss qegħdin ngħixu.
Alla ħalaqna biex nagħrfuH, naqduH u nservuH u wara din il-ħajja mmorru ngawduH għal kemm hi twil l-eternita’.
“Kull minuta li tgħaddi qiegħdha tingħata lilna biex aħna nniżżlu l-għeruq tagħna aktar f’Alla” (Ittra 333 Santa Eliżabetta tat-Trinita’).
Ħela ta’ ħin
Kemm naħlu ħin fuq midja soċjali, quddiem it-Televiżjoni, fuq l-internet, jew f’telefonati twal bla bżonn, biex ma nsemmix fit-traffiku, meta l-ħin qiegħed għaddej bi speed sparat aktar mill-ispeed li tista’ tilħaq il-bomba Ċiniża DF-41, anki jekk din tlaħħaq l-ispeed ta’ aktar minn 30,000 km fis-siegħa (jiġifieri jekk tiġi sparata mill-Awstralja lejn Malta, tasal hawn f’għoxrin minuta minn mindu tiġi sparata).
U sakemm dan kollu qiegħed iseħħ, aħna ninsabu ntiru ‘l fuq ‘l fuq fid-direzjoni tat-tron ta’ Alla, u flok inħejju rwieħna għal laqgħa bħal din, erħilna ndoqqu l-mużika waqt li l-ilma kiesaħ li joqtol wara ftit minuti jisab dieħel fl-istiva tat-Titanic.
Nisparaw fuq il-profeti ta’ żmienna
Erħilna li lil dawk il-profeti ta’ żmienna, li Alla qiegħed isejjaħ biex javżawna b’dan il-periklu imminenti, naraw kif nagħmlu biex noħonqulhom il-vuċi tagħhom, u nisparaw fuqhom aktar milli l-Amerka u Iżrael qegħdin jisparaw fuq Teheran.
Il-Madonna magħna dejjem
U mhux għalhekk il-Madonna qiegħdha tidher KULLJUM ġewwa Medjugorje, għax bħala Omm, il-Madonna qiegħdha tfakkarni li ma għandniex ħin x’naħlu, u li dak li għandna nagħmlu nagħmluh issa u mhux għada.
Kull sena Marjam (waħda minn sitt Veġġenti ta’ Medjugorje) ikollha dehra mportanti kull 18 ta’ Marzu, jum sinifikattiv fl-istorja Russa, u bħalissa ninsabu ħerqana biex jumejn oħra nisimgħu dan il-messaġ tas-Sultana tal-paċi.