ĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA FIL-FESTIVITÀ
TAL-KONVERŻJONI TA’ SAN PAWL
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ġimgħa, 25 ta’ Jannar 1985
“Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien” (Sal 133, 1).
1. B’dawn is-sentimenti ta’ ammirazzjoni u ta’ ferħ, espress is-salmista, indur lejkom ilkoll, hawn miġbura biex niltaqgħu mal-Mulej f’kelmtu u f’ġismu. Ejjew niltaqgħu miegħu, l-uniku Salvatur tagħna, l-uniku Mgħallem tagħna, imma ejjew ukoll niltaqgħu bejnietna, f’din iċ-ċelebrazzjoni konklussiva tal-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-insara.
Il-ferħ ta’ din il-laqgħa mal-Mulej u fost l-aħwa għamlu iktar ħajja l-preżenza tar-rgħajja u ta’ fidili numerużi tal-Knejjes l-oħra u komunitajiet ekkleżjali preżenti f’Ruma. Lilhom ilkoll it-tislima speċjali tiegħi u r-ringrazzjament talli riedu jieħdu sehem f’dan il-mument qawwi ta’ unjoni spiritwali.
Magħqudin mela spiritwalment mal-Knejjes kollha lokali tad-dinja, li fihom f’dan l-Ottavarju kien imqawwi t-talb u r-riflessjoni fraterna fost il-fidili ta’ diversi stqarrijiet, u magħqudin bħala membri tad- dijoċesi ta’ Ruma, nikkonkludu flimkien dan l-itinerarju ta’ diversi inizjattivi ta’ talb u ta’ laqgġat fraterni hawn, fil-bażilika tal- appostlu Pawlu, wara inizjattivi opportuni li fihom b’mod partikolari ħadu sehem iż-żgħażagħ. Billi mpenjaw ruħhom b’ġesti ta’ karità konkreti favur ħuthom fil-bżonn, b’mod speċjali ta’ dawk neqsin minn saqaf u minn familja, li batew minħabba il-kesħa u s-silġ tal-jiem li għaddew.
Dawn l-inizjattivi kienu sostnuti mit-talb ta’ kuljum; magħmul iktar qawwi f’din il-bażilika bl-adorazzjoni Ewkaristika, li bdiet ma’ din il-Ġimgħa ta’ talb u li se tkompli għall-ġejjieni, grazzi għas-sehem ta’ rħieb, reliġjużi, familji, gruppi parrokkjali tas-settur Sud ta’ Ruma; inizjattivi, li għalihom illum nesprimi il-pjaċir u l-inkuraġġiment l-iktar ħaj tiegħi.
2. Bi drawwa ferrieħa, il-komklużjoni tal-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-insara tiġi ċċelebrata f’din il-bażilika fil-festa tal-konverżjoni ta’ San Pawl, ġrajja ċentrali mhux biss għall-appostlu, imma għall-Knisja kollha tal-oriġni. Aħna għalhekk mħeġġa biex niffissaw ħarsitna fuq il-figura ta’ Pawlu ta’ Tarsu, fuq il-Ġimgħa ta’ talb u, fl-aħħarnett, fuq ir-relazzjoni tal-waħda u tal-oħra bl-impenn sollenni meħud mill-Knisja kattolika li taħdem bla ma tistrieħ favur ir-rikompożizzjoni tal-għaqda tal-insara kollha.
Fl-ewwel qari (At 22, 3-16) smajna lil Pawlu jirrakkonta, fit-tempju ta’ Ġerusalem, lil ħutu Lhud, il-ġrajja xokkanti tal-konverżjoni tiegħu. Kif jiddikjaraw iż-żewġ rakkonti l-oħra, miġbura fil-ktieb tal-Atti (At 9, 1-8; 26, 2-18) Sawlu-Pawlu jattribwixxi il-bidla radikali propja lill-viżjoni ta’ Ġesù ta’ Nażżaret, li huwa kien ossessjonat li jippersegwita u li deher quddiemu, fit-triq ta’ Damasku.
Jekk kull konverżjoni, jew metanoia, hija opra tal-grazzja divina, jiġifieri tal-intervent immedjat u radikali ta’ Alla fil-qalb tal-bniedem, dik ta’ Pawlu hija tal-ogħla grad. Il-Mulej Ġesù wera ruħu lil Pawlu u ddjaloga miegħu, li, diġa fariżew konvint, mhux imħejji għal din il-manifestazjoni u għaliha ostili, ma setax joffri reżistenza. Smajna fil-qari il-leħen stess ta’ Pawlu, li jibda d-djalogu straordinarju: “X’għandi nagħmel, o Mulej?” It-tweġiba ta’ Ġesù, mhux espliċita imma diġa riżuluttiva, tħeġġu biex jiddiriġi l-passi tiegħu lejn il-Knisja ta’ Damasku: “Hemm tkun infurmat b’dak kollu li hu stabbilit li inti tagħmel” (At 22, 10).
Din l-esperjenza li tibdel lil Sawlu f’Pawlu appostlu, tgħallimna, mill-ġdid għal darb’oħra, kif il-ġrajjiet il-kbar, determinanti għall-ħajja tal-Knisja, jinbtu mill-grazzja tal-Mulej, li jintervieni fil-ħajja personali tagħna, fi qlubna, jiffigura l-istorja tal-Knisja, kif u meta jrid hu. Hekk, kuntrarjament għal kull aspettattiva u għal dawk tal-istess Pawlu, il-ġrajja tal-konverżjoni tiegħu hija ċċelebrata għal sekli sħaħ, fil-liturġija tal-Knisja bħala ġrajja mirakoluża.
3. Matul din il-ġimgħa u kullimkien fid-dinja, sar talb għall-għaqda sħiħa u l-komunjoni perfetta ta’ dawk kollha li jemmnu fi Kristu. Talbu billi ispiraw ruħhom mill-istess kliem tal-appostlu, bit-test magħżul mis-Segretarjat għall-għaqda tal-insara u mill-Kunsill ekumeniku tal-Knejjes, bħala tema tal-Ġimgħa ta’ din is-sena: “Mill-mewt għall-ħajja ma’ Kristu” (cf. Ef 2, 4-10). Mis-silta, ikkwotata hawn fuq, li ggwidat ir-riflessjoni tagħna matul din il-Ġimgħa, jinbtu veritajiet fundamentali, bħall-passaġġ mill-mewt għall-ħajja, li Alla biss jistà jopera fina.
Il-ħniena biss tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu tistà tippermetti l-grazzja ineffabli tal-komunjoni sħiħa lill-insara, li, mwielda mill-ġdid permezz tal-Mgħmudija, mill-mewt għall-ħajja, jipprofessaw lil Kristu bin Alla u Salvatur, ukoll jekk ma għadhomx jgħixu f’komunjoni sħiħa ta’ fidi u ta’ ħajja nisranija. Din il-komunjoni perfetta hija don divin: għaliha Ġesù talab, kif smajna fil-Vanġelu (Ġw 17, 20-26) li għadu kemm ixxandar.
4. Il-fatt li l-għaqda tkun b’mod esklussiv don divin ma jfixkilx l-impetu tagħna, anzi isaħħu, jiġġustifikah u jtih sinifikat veru. L-azzjonijiet tagħna għar-ristabiliment tal-għaqda jistgħu jidhru mhux adegwati u l-isforzi tagħna ma juruniex kif niksbuha; il-mezzi jistgħu jidhru mhux adegwati, u debboli r-riżultati milħuqa. Hekk jista jidher fjakk ir-ritmu mogħti lill-opra favur, speċjalment meta mqabbel maż-żmien ta’ bdil rapidu li fih aħna msejħa biex ngħixu, f’din il-parti tas-seklu XX.
Impressjoni mhix għal kollox falza. Infatti, l-inizjattivi differenti, id-djalogi li dħalna għalihom. Ir-relazzjonijiet stabbiliti mill-ġdid. Ċertu mod ta’ tkabbir flimkien bħala Knisja, u saħansitra x-xhieda komuni mogħtija tal-uniku Kristu għas-salvazzjoni tal-umanità, biex tiffaċċja l-problemi u l-bżonnijiet tad-dinja tallum, minkejja li huma ndispensabli u ħabbara tal-għaqda futura, u għalkemm jirriżultaw minn komunjoni diġa eżistenti, huma minnhom infihom insuffiċjenti biex tintlaħaq tali għaqda.
Il-“binja” stupenda, id-“dar” evokata mis-salmista u li fiha se jkun “ħelu” u “ferrieħ” biex “l-aħwa jgħammru flimkien” (Sal 133(132), 1), se tkun “mibnija” biss mill-Mulej (Sal 127(126), 1). Il-liturġija tallum tħeġġiġna għalhekk, b’mod għal kollox speċjali, biex ngħollu s-supplika umli u vivaċi tagħna biex niksbu din il-grazzja suprema tal-għaqda permezz ta’ Kristu, uniku medjatur tagħna, li joffri l-uniku sagrifiċċju tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika.
5. Jekk is-sinifikat tal-Ġimgħa ta’ talb tiftiehem u tingħex eżattament, it-talb ta’ kuljum għall-għaqda għandu jokkupa l-ewwel post mhux biss matul il-Ġimgħa ddedikata lilha, imma kull jum ta’ ħajjitna. Kull nisrani, konvint li l-impenn għall-għaqda huwa primarju fil-mixja tiegħu lejn Kristu, u jrid jibqà fidil għal dan l-impenn, jaf tajjeb li kwalunkwè azzjoni meħuda, individwalment jew flimkien mal-oħrajn, għandha minnha nfiha bżonn tat-talb lill-Mulej komuni, sabiex jiffertilizza kull kelma u kull ġest, b’mod li dawn jirċievu minn għandu il-veru valur tagħhom u jkunu jistgħu javanzaw lejn l-għaqda.
Il-Ġimgħa ta’ talb trid tikkostitwixxi il-quċċata ta’ talb bla jaqtà. La darba huwa talb komuni, magħmul mill-insara li għadhom mifrudin, imma diġa magħqudin bl-istess Magħmudija u bil-fidi komuni fi Kristu, uniku Salvatur, dan huwa, kull sena, pass ‘il quddiem fil-mixja tal-għaqda, antiċipazzjoni feliċi ta’ dak it-tragward suprem; huwa, fl-aħħarnett, xhieda tal-konvinzjoni komuni li l-għaqda hija don b’xejn tal-Missier, permezz tal-Iben, fl-Ispirtu Santu.
6. Fil-konklużjoni ta’ din il-Ġimgħa ta’ talb, li matula ridna nirrevifikaw u nirrintempraw l-impenn ekumeniku tagħna quddiem il-Mulej, mhuwiex għalxejn li ntennu tali prinċipju.
L-għaqda li għaliha qegħdin naspiraw, li għaliha qegħdin naħdmu u nbatu u b’mod speċjali nitolbu, billi nduru b’supplika umli lit-Trinità Qaddisa, hija l-għaqda perfetta, imfassla fuq l-eżempju u l-mudell tal-għaqda divina suprema, fid-distinzjoni tat-tliet persuni: Missier, Iben u Spirtu Santu, hija għaqda fil-fidi, għaqda fis-sagramenti, għaqda ta’ maġisteru, għaqda ta’ gwida pastorali.
Għaqda tal-imħuħ u tal-qlub, imma wkoll għaqda viżibli. Għaqda fost l-insara, imma wkoll fost il-Knejjes u komunitajiet ekkleżjali. L-għaqda l-iktar radikali u l-iktar profonda li qatt kienet mogħtija fl-opaċità u fost id-debolezzi ta’ din l-istorja tagħna.
Din l-għaqda li kkarateriżżajna, m’għandhiex titħallat mal-uniformità, mal-iċċatjar tal-individwalità u mal-identità ta’ kull tradizzjoni nisranija leġittma. L-għaqda li nfittxu ma tikkonsistix fl-identifikazzjomi ta’ tradizzjoni ma’ oħra: fl-akkomodazzjoni ta’ tradizzjoni ma’ oħra. Din hija tensjoni lejn l-ilqugħ, b’rigal ta’ Alla. ta’ dik il-fedeltà totali għal pjan tiegħu kollu, bħalma hu espress fil-Vanġeli, kif ikellimna permezz tal-kbira tradizzjoni ekkleżjali, kif tipprofessa ruħha fl-unika fidi, fiċ-ċelebrazzjoni tal-istess sagramenti, fil-komunjoni mal-isqfijiet kollha stabbiliti biex jirgħu l-poplu ta’ Alla (cf. At 20, 28) u magħqudin bejniethom madwar is-suċċessur ta’ Pietru. U dan kollu fir-rispett tal-valuri u tar-rikkezzi ta’ kull tradizzjoni partikolari u ta kull kultura, skont it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II fid-digriet dwar l-ekumeniżmu, li tiegħu qegħdin infakkru l-għoxrin sena tal promulgazzjoni.
7. Għeżież ħuti, ridt infittex flimkien magħkom, f’din iċ-ċirkustanza, il-wiċċ tal-għaqda li se nitolbu għalih illum, billi nirripreżentaw l-esperjenza u nimmeditaw l-eżempju tal-appostlu Pawlu, li tiegħu llum qegħdin niċċelebraw id-dħul fil-Knisja.
F’dan il-jum konklussiv tal-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda, iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija tmexxina għall-qalb stess tal-misteru tar-rikonċiljazzjoni mal-Missier u tar-rikonċiljazzjoni ma’ xulxin.
Nerġgħu mill-ġdid inħossu b’mod iktar doloruż l-ostakli, li ma jippermettulniex li nipparteċipaw flimkien f’din l-Ewkaristija u nġeddu r-rieda tagħna li nagħmlu dak kollu li huwa fil-poter tagħna sabiex joqrob il-jum imbierek li fih dawk kollha li jemmnu fi Kristu jkunu jistgħu jiksbu dak li jsostnihom mill-istess sors tal-għaqda. Ejjew nagħmlu tagħna t-talba ta’ Ġesù, li għadha kemm ġiet pproklamata u li huwa ħallielna fil-Vanġesu tal-appostlu Ġwanni: “Miniex nitlob biss għal dawn, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom; nitolbok li jkunu lkoll ħaġa waħda.
“Kif inti fija, Missier u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Gv 17, 20-21). Amen.
Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika fil-festività tal-konverżjoni ta’ San Pawl, li qiegħda tarana magħqudin ħdejn it-trofew glorjuż tal-appostlu, fl-għeluq tal-Ottavarju ta’ talb għall-għaqda tal-insara, tifkira urġenti tiffaċċja l-kuxjenza tagħna lkoll.
Din is-sena jaħbat l-għoxrin anniversarju tal-għeluq tal-Konċilju Vatikan II, li l-ewwel aħbar tiegħu, kif niftakru tajjeb, ingħatat mill-predeċessur tiegħi Ġwanni XXIII ta’ tifkira meqjuma propju f’din il-Bażilika u f’dan l-istess jum, il-25 ta’ Jannar 1959. Il-Vatikan II jibqà l-ġrajja findamentali fil-ħajja tal-Knisja kontemporanja: fundamentali għall-approfondiment tar-rikkezzi afdati lilha minn Kristu, li fiha u permezz tagħha jtawwal u jipparteċipa lill-bnedmin il-“mysterium salutis”, l-opra tar-redenzjoni, fundamentali għall-kuntatt fertili mad-dinja kontemporanja għall-iskop tal-evanġelizzazzjoni u tad-djalogu fil-livelli kollha u mal-bnedmin kollha ta’ kuxjenza retta. Għalija, imbagħad – li kelli l-grazzja speċjali li nieħu sehem u li nikkollabora b’mod attiv għall l-isvolġiment tiegħu – il-Vatikan II kien dejjem, u huwa b’mod partikolari f’dawn is-snin tal-pontifikat tiegħi, il-punt kostanti ta’ riferiment ta’ kull azzjoni pastorali tiegħi, fl-impenn konxju biex nittraduċi d-direttivi f’applikazzjoni konkreta u fidila, f’livell ta’ kull Knisja u tal-Knisja kollha.
Jinħtieġ bla qtugħ li nirreferu għal dan is-sors. U ferm iktar meta tagħtu tant sinifikattivi, bħal dik ta’ din is-sena.li qegħdin joqorbu u jitħeġġu tifkiriet u emozzjonijiet ta’ dik il-ġrajja tassew storika. Għalhekk illum, festività tal-konverżjoni ta’ San Pawl, b’ferħ intimu u kommozzjoni nindika laqgħa ġenerali straordinaeja tas-Sinodu tal-isqfijiet, li se tkun iċċelebrata mill-25 ta’ Novembru sat-8 ta’ Diċembru ta’ din is-sena, u li għaliha se jieħdu sehem il-patrijarki u xi isqfijiet tal-Knejjes orjentali u l-presidenti tal-Konferenzi episkopali kollha tal-ħames kontinenti.
L-iskop tal-inizjattiva mhuwiex dak biss li nikkommemoraw il-Konċilju Vatikan II għaxar snin wara l-għeluq tiegħu, imma wkoll u b’mod speċjali: li nerġgħu ngħixu b’xi mod dik l-atmosfera straordinarja ta’ komunjoni ekkleżjali, li kkaratterizzat l-assisi ekumenika, fis-sehem reċiproku tat-tbatijiet u tal-ferħ, tat-taqtigħat u tat-tamiet, li huma propji tal-ġisem ta’ Kristu fid-diversi partijiet tad-dinja; nibdlu u napprofondixxu esperjenzi u aħbarijiet dwar l-applikazzjoni tal-Konċilju f’livell ta’ Knisja universali u ta’ Knejjes partikolari; niffavorixxu l-approfondiment ulterjuri u l-inseriment kostanti tal-Vatikan II fil-ħajja tal-Knisja, fid-dawl ukoll tal-esiġenzi l-ġodda.
Nattribwixxi lil din il-laqgħa straordinarja tas-Sinodu importanza partikolari. Għal tali mottiv ridt illum nagħti aħbar pubblika minn din il-bażilika, fejn dwiet għall-ewwel darba l-aħbar tal-Konċi1ju ekumeniku tas-seklu tagħna. L-intenzjoni li ċaqalqitni tinsab f’dik tal-predeċessuri tiegħi Ġwanni XXIII u Pawlu VI: li nikkontribwixxi għal dak “it-tiġdid ta’ ħsibijiet, ta’ attivitajiet, ta’ drawwiet u ta’ qawwa morali, ta tgawdija u ta’ tama, li kienet l-iskop stess tal-Konċilju” (Insegnamenti di Paolo VI, III [1965] 746).
Nafda sa minn issa r-rejalizzazzjoni tas-Sinodu straordinarju tal-isqfijiet għat-talb tal-Knisja u għall-interċessjoni qawwija tal-qaddisin Pietru u Pawlu; u flimkien magħkom fuq kollox nitlob lill-Verġni Immakulata, Omm il-Knisja, sabiex tassistina f’din is-siegħa u tiksbilna dik il-fedeltà lejn Kristu, li tagħha hija hi mudell inkomparabli għad-disponibiltà ta’ “qaddejja tal-Mulej”, għall-ftuħ kostanti għall-kelma ta’ Alla (cf. Lq 1, 38; 2, 19.51). F’din il-fedeltà totali u perseveranti il-Knisja tallum trid tkompli il-mixja tagħha lejn it-tielet millennju tal-istorja, f’nofs il-bnedmin u flimkien magħhom bħala parteċipi tal-istess tamiet u stennijiet tagħhom, billi ssegwi t-triq murija mill-Vatikan II, u dejjem fi smigħ ta’ “dak li l-Ispirtu jgħid lill-knejjes” (Ap 2, 7.11.17.26; 3, 5.13).
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb