Ġwanni Pawlu II f’Caracas

VJAĠĠ APOSTOLIKU FIL-VENEZUELA,
L-ECUADOR, IL-PERÙ, TRINIDAD-TOBAGO
ĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA F’CARACAS
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 27 ta’ Jannar 1985

Sinjur kardinal, ħuti fl-episkopat, awtorità,
għeżież familji nsara,
ulied maħbubin tal-Venezuela.

1. Bħala isqof ta’ Ruma, suċċessur tal-appostlu San Pietru, u llum pellegrin f’art twelidkom, irrid qabel xejn ninxteħet minn tuli f’adorazzjoni profonda quddiem l-uniku Alla fil-misteru tat-Trinita Qaddisa.

F’riġlejn l-Omm ta’ Alla, is-santissma Verġni ta’Coromoto, patruna tal-Venezuela, li tippresidi fuq din il-laqgħa, u quddiem tant familji tal-kwartieri qrib tagħna, nipproklamaw illum ilkoll flimkien f’din l-espjanata ta’Montalban, it-tifħir umli tagħna lill-għerf u l-omnipotenza divina. Dan nagħmluh bil-kliem tal-liturġija, b’mod partikolari b’dak il-kliem li smajna fl-ewwel qari, mill-Ktieb tal-Proverbji. Dan nagħmluh billi nobdu għal bżonn profomd tal-fidi tagħna f’isem il-ġenerazzjonijiet kollha li tul is-sekli għexu f’din l-art; minn l-ewwel abitanti indiġeni sal-aħħar immigranti.

Alla jikkonċedili l-grazzja li nżur im-nobbli Pajjiżkom fil-bidu ta’ din in Novena ta’ snin li bihom il-Knisja kollha tal-Amerika Latina qiegħda tħejji ruħha biex tiċċelebra sollennement il-V ċentenarju tal-bidu tal-evanġelizzazzjoni, il-500 sena ta’ preżenza u ta’ servizz lill-poplu ta’ Alla f’dan il-kontinent tat-tama.

2. Fl-ewwel qari smajna it-tifħir lit-tama u lill-omnipotenza li Alla wera fil-ħolqien. B’liema manifiċenza mhux mistennija dehret din id-dinja maħluqa minn Alla għal għajnejn Kristofru Kolombo u għal sħabu, 500 sena ilu, L-art il-ġdida! Bħal sorsi mill-abbiss, dehru quddiem għajnejhom l-art u l-għelieqi, il-muntanji u l-għoljiet, is-sorsi mimlijin ilma (cf. Pr 8, 24-26).

F’salt wieħed il-globu terresrtri ippreżenta ruħu differenti minn kif sa dak il-waqt kienu jemmnu li kien. Issa deher il-veru “globu tarrestri” taħt il-firmament immens, mingħajr ma l-ilmijiet kienu jissuperaw il-linji tal-artijiet skoperti riċentement (cf. Pr 8, 24-29). Nixtieq li minn din il-belt ta’ Caracas, bħal minn bieb tal-kontinent, indawru ħarsitna bħal 500 sena ilu, biex ninxteħtu minn tulna, maġemb l-iskopertaturi, f’atteġġjament ta’ tifħir u ta’ adorazzjoni lil Alla ħallieq tal-meravilji tad-Dinja l-Ġdida.

3. Il-Knisja fil-Venezuela, bħal fl-Amerika Latina, matul din in-Novena ta’ snin se tħejji ruħha, iggwidata mir-rgħajja tagħha, għall-ġublew tal V ċentenarju minn l-ewwel bxara tal-Vanġelu, se tħejji ruħha għall-kommemorazzjoni sollenni taż-żergħa kbira tal-fidi f’dan il-kontinent. Quddiem din il-ġrajja ma nistgħux nagħmlu inqas milli ngħajtu bil-kliem tal-Ittra lill-Efesin: “Ikun imbierek Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu, li berikna  b’kull xorta ta’ barka spiritwali, fis-smewwiet, fi Kristu” (Ef 1, 3).

Waqt li qbadt il-bastun ta’ pellegrin, ġejt sa ħdejkom, għeżież ħuti, sabiex ilkoll flimkien, waqt li nagħmlu tagħna l-kliem tal-appostlu, inbierku lil Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu. Ġejt biex niżżi ħajr magħkom lil Alla wieħed u tlieta għaż-żergħa l-kbira tal-fidi, għall-frott abbundanti tal-evnġelizzazzjoni li kkonsolidat ruħha fostkom, fost diversi gruppi u razez, u li għadha sallum.

Huwa għalija dmir inevitabli, bħala Ragħaj tal-Knisja kollha, li niftakar u li nirrendi qima lill-pijunieri tal-evanġelizzazzjoni fl-artijiet tagħkom u lill-ħaddiema kollha tal-għalqa tad-dwieli tal-Mulej. F’dan il-waqt ma nistax nagħmel inqas milli nfakkar lill-Patrijiet Francisco de Córdoba u Juan de Garcés, l-ewwel isqof tal-Venezuela Rodrigo de Bastidas, l-isqof Pedro de Agreda, li organizza lis-saċerdoti Dottrinari, il-patrijiet Franġiskani osservanti li wettqu l-ewwel missjonijiet. F’dan ix-xogħol missjunarju spikkaw il-figuri ta’ fra Francesco de Pamplona u fra Juan de Mendoza. Ma dawn jingħaqdu daqstant żelanti u qaddejja tal-Knisja, li fil-ħames sekli li għaddew ikkonsolidaw il-Knisja f’art twelidkom.

Waqt li niżżi ħajr lil Alla, nitlob biex għall-ħniena paterna tiegħu biex iż-żerriegħa tal-fidi tkompli timmatura, billi tipproduċi frott abbundanti li jwirġeb għall-isfidi u għall-esiġenzi ta’ żmienna u taż-żminijiet li se jaslu. Ikun ukoll espressjoni tar-ringrazzjament tagħna u tat-talb komuni tagħna lill-Missier, l-att sollenni tal-inkurunazzjoni tax-xbiha meqjuma ta’ Sidtna ta’ Coromoto, patruna tal-Venezelani kollha u tal-familji tal-pajjiż.

4. Il-Vanġelu tal-liturġija tallum jeħodna sal-grotta ta’ Betlem, u, flimkien mar-rgħajja, nersqu qrib il-grotta. Huma kienu l-ewwel xhieda tal-misueru kbir tat-twelid tal-Iben ta’ Alla: “Marru bla dewmien u sabu lil Marija u lil Ġużeppi u lit-tarbija li kienet minduda fil-maxtura” (Lq 2, 16).

Quddiem ir-rgħajja dehret din ix-xbiha li ffissat ruħha għal dejjem fit-tifkira tal-Knisja u tal-umanità: ix-xbiha tal-Familja Mqaddsa. Fil-ħniena nfinita tiegħu, il-Missier etern “berikna b’kull barka” permezz tal-misteru tal-inkarnazzjoni, fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, Bin il-bniedem li sar tarbija, ġie fid-dinja bħala tarbija fil-ġuf ta’ familja. B’dan il-mod, kull familja umana bl-eżempju tas-SagraFamilja ta’ Betlem u Nażżaret, hija msejħa minn Alla biex tkun qaddisa u Immakulata fi Kristu Ġesù (cf. Ef 1, 4).

5. Bdanakollu sabiex il-qdusija tal-familja tkun ippreservata, il-Knisja trid tkompli tippridka l-verità dwar iż-żwieġ nisrani u dwar il-familja murija minn Alla fil-qalb tal-bniedem u rivelata għal Kristu fil-profondita kollha tagħha.

Il-punt tat-tluq tad-duttrina ekkleżjali f’dan il-qasam jinsab fis-sinifikat tal-imħabba konjugali intiża fil-verità kollha tagħha. Dan huwa dwar l-imħabba bħala komunjoni interpersonali tal-miżżewġin, li jintegraw b’mod reċiproku fil-ġisem u fir-ruħ. Din l-imħabba interpersonali awrentika, bażi tal-ħajja konjugali u familjari kollha (cf. Gaudium et spes, 48) hija dmir tagħkom, għeżież miżżewġin, għassuha u żiduha. Infatti l-imħabba konjugali tibda tiddeterjora meta d-donazzjoni bejn il-miżżewġin issir debboli, tingħalaq fl-egoiżmu. Dwar dan ġustament kienu kitbu l-isqfijiet tagħkom: “Disgrazzjatament qegħdin ninnotaw l-eżistenza ta’ unjonijiet li, għalkemm leġittmi, ma jiffurmawx komunità ta’ mħabba. Effettivament, l-egoiżmu, in-nuqqas ta’ maturità, in-nuqqas ta’ fehim, l-attivitajiet professjonali assorbenti b’mod eċċessiv jew kawżi oħra, imminaw is-solidità tal-imħabba nuzjali” (eżortazzjoni pastorali Familja, Popolazzjoni u Ġustizzja, 18).

6. Ir-realtà stupenda tal-imħabba konjugali tidher b’mod partikolari fil-komunjoni fl-imħabba. Komunjoni tal-miżżewġin bejniethom u tal-ġenituri mal-ulied. Dawn l-irbit intimi jibdlu l-familja f’fokular, f’dar, fejn il-fużjoni tal-qlub hija garantita minn Alla”. “Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja” (Sal 127, 1). Il-kobor tal-imħabba konjugali jinsab fil-fatt li hija msejħa biex tikkollabora mal-imħabba ħallieqa ta’ Alla. Bħalma fakkarna fis-Salm responsorjali: “Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, ħlas tiegħu hu frott il-ġuf” (Sal 127, 3). Iva, l-ulied huma rigal tal-imħabba ħallieqa ta’ Alla, magħmul b’kejl tal-imħabba tal-miżżewġin.

Bdanakollu hija tali t-traxxendenza tal-paternità u tal-maternità, li għandha titwettaq b’manjiera għal kollox responsabli, biex hekk tasal biex tiddeċiedi n-numru tal-ulied u d-distanzjament tagħhom. F’dan il-miżżewġin għandhom ikunu ggwidati “mill-kuxjenza, li għandha taqbel mal-istess liġi divina,  doċili għall-maġisteru tal-Knisja” (Gaudium et spes, 50). Minn parti oħra, kif tgħallem l-enċiklika Humanae vitae: “Kull att matrimonjali għandu jkun miftuħ għat-trażmissjoni tal-ħajja” (Paolo VI, Humanae vitae, 11); mela il-kontraċezzjoni u l-isterilizzazzjoni għal skopijiet kontraċettivi huma dejjem illeċiti gravament.

Għeżież miżżewġin, li ġejtu minn Caracas u mill-Venezuela kollha: il-missjoni tagħkom fis-soċjetà u fil-Knisja hija sublimi. Intom ħallieqa ta’ fokolari veri, ta’ familji magħquda u ffurmati fil-fidi. Issieltu kontra l-pjaga tad-divorzju li tirrovina l-familji u tinfluwenza b’mod tassew negattiv l-edukazzjoni tal-ulied. La tkissrux intom dak li għaqqad Alla. Irrispettaw dejjem il-ħajja li hi don splendidu ta’ Alla (cf. Familiaris consortio, 30).

Ftakru li qatt mhu leċitu teqirdu ħajja umana, bl-abort jew bl-ewtenażja. Il-kostituzzjoni tagħkom hija ċara sewwa u ġusta f’dan ir-rigward.

7. San Pawl qalilna fit-tieni qari: Alla ddestinana biex inkunu għalih ulied adottivi (cf. Ef 1, 5). Uliedna, l-ulied kollha tal-familji nsara, jaslu biex ikunu, permezz tal-Magħmudija, wlied adottivi ta’ Alla.

X’kobor u x’responsabiltà hija dik tal-ġenituri nsara, bħala frott ta’ mħabbithom, isiru tempji, li fihom Alla jwettaq l-azzjoni ħallieqa tiegħu! Kunu konxji ta’ din il-missjoni tassew għolja li Alla qiegħed f’idejkom, u agħmlu mill-familji tagħkom tempju ta’ Alla, “knisja domestika”. Biex twettqu dan, ikkultivaw fil-fokolari tagħkom it-talb li jgħaqqad u jorjenta b’mod rett il-ħajja, għallnu jitolbu lil uliedkom u edukawhom fil-morali u fl-esiġenzi tal-ħajja nisranija. Għal dan id-dmir huma msejħin il-missirijiet u l-ommijiet, f’kollaborazzjoni reċiproka.

8. Wara dawn ir-riflessjonijiet ejjew issa ndawru ħarsitna ta’ fidi lejn l-imqaddsa Omm Alla. Illum il-Papa, Isqof ta’ Ruma imdawwar minn ħutu, l-isqfijiet tal-Venezuela, iwettaq l-inkoronazzjoni kanonika tax-xbiha ta’ Sidtna ta’ Coromoto, li se tkun meqjuma fil-bażilika ġdida tagħha. B’dan l-att irridu nirrendu tribut ta’ devozzjoni u ta’ mħabba żelanti, hawm fil-kapitali tan-nazzjon lill-ħelwa Omm u Patruna tal-Venezuela, li mis-santwarju ta’ Guarane takkompanja lil uliedha. Quddiema l-Papa, l-isqfijiet u l-fidili tal-Venezuela jagħmlu lilhom infushom Pellegrini spiritwali fis-santwarju tagħha, F’pellegrinaġġ immens ta’ fidi, ta’ mħabba filjali, biex jirrendu grazzi lil Alla għall-imgħoddi kollu tal-Knisja f’Pajjiżkom.

Il-Vanġelu tallum jgħidilna: “Marija, min-naħa tagħha. Baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom f’qalbha” (Lq 2, 19). Iva, Marija hija dejjem preżenti fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja Kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II, il-Verġni hija pteżenti fil-kondizzjoni tagħha ta’ omm (cf. Lumen gentium, 61). Hija kienet preżenti bħala Omm matul dawn il-ħames sekli ta’ evanġelizzazzjoni li waslu biex jitwettqu. Hija tgħożż, f’qalbha, l-istorja tal-poplu ta’ Alla f’dawn l-artijiet, minn ġenerazzjoni għal oħra.

Illum irridu, biex ngħidu hekk, “ninkurunaw” u mfaħħru din il-preżenza ta’ Marija, permezz ta’ ringrazzjament li jbaqbaq minn qlubna. Nitolbu wkoll li tkompli tkun preżenti fil-poplu ta’ Alla tal-Venezuela: bħal f’Betlem, f’Nażżaret, f’riġlejn is-salib fuq il-Kalvarju, fiċ-Ċenaklu tal-Pentekoste mal-appostli, meta twieldet il-Knisja, Nitolbu lil Alla sabiex Marija tkompli tkun preżenti fostkom u sabiex,  permezz tal-interċessjoni materna tagħha, Alla l-Missier iberikkom minn ġenerazzjoni għal oħra “b’kull barka spiritwali… fi Kristu” (Ef 1, 3), sabiex intom tkunu, sabiex ilkoll inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu, aħna lkoll, li, għal sekli u għal ġenerazzjonijiet, “ittamajna fi Kristu” (Ef 1, 12). 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading