Babel jew il-Belt ta’ Alla? L-għażla deċiżiva tal-umanità

Sa mill-ewwel sentenza tal-Enċiklika tiegħu, Magnifica Humanitas – Umanità tal-Għaġeb. il-Papa Ljun XIV qiegħed quddiema għażla fundamentali, “L-umanità tal-għaġeb maħluqa minn Alla għandha llum quddiemha għażla deċiżiva: ittella’ torri ta’ Babel ieħor jew tibni l-belt fejn Alla u l-bnedmin jgħammru flimkien.”

Din mhijiex sempliċi xbieħa retorika, imma ċ-ċavetta għall-enċiklika kollha, u fl-istess ħin tfakkarna immedjatament fil-kapulavur ta’ Santu Wistin, De civitate Dei, miktub fil-bidu tal-ħames seklu. Donnu l-Papa Ljun XIV. reliġjuż li ġej mill-Ordni Agostinjan, qed jgħidilna li l-mistoqsija li Wistin għamel wara l-waqgħa tal-Belt ta’ Ruma għadha l-istess domanda li rridu nwieġbu llum, fl-era tal-intelliġenza artifiċjali u tat-teknoloġija diġitali.

Żewġ bliet, żewġ imħabbiet

Għal Santu Wistin l-istorja kollha tal-bniedem hija l-gwerra bejn żewġ ibliet. Mhux bliet ġeografiċi, iżda żewġ modi ta’ kif wieħed jgħix. Il-Belt ta’ Alla tinbena fuq l-imħabba ta’ Alla li twassal għall-imħabba tal-proxxmu, hija mibnija fuq l-umiltà, il-komunjoni, il-verità u l-ġustizzja.

Il-belt tad-dinja, għall-kuntrarju, tinbena fuq l-imħabba eċċessiva tal-persuna lejha nnifisha. Hija tfittex il-poter, il-kontroll, il-glorja u l-awtosuffiċjenza. Għaliha, mhux Alla huwa fiċ-ċentru, imma l-bniedem li jrid jieħu post Alla. Babel hija proprju s-simbolu ta’ din il-belt.

Babel hija l-ħolma tal-bniedem mingħajr Alla.

Fil-Ktieb tal-Ġenesi naraw kif il-bennejja tat-Torri ta’ Babel għandhom teknoloġija, organizzazzjoni u skop komuni (Ġen:11:1] ). Iżda l-proġett tagħhom huwa mibni fuq il-kburija: “Nagħmlu isem għalina nfusna.” Il-problema tagħhom mhijiex il-bini tat-torri nnifsu, iżda qalbhom li trid tibnih.

Il-Papa Ljun XIV japplika din l-immaġni għall-kultura kontemporanja. Illum ukoll għandna kapaċitajiet teknoloġiċi li qatt ma kellna qabel. Nistgħu noħolqu sistemi li jitgħallmu, nikkomunikaw immedjatament mad-dinja kollha, u nipproċessaw ammonti enormi ta’ data/informazzjoni. Iżda l-mistoqsija tibqa’: għaliex qed nagħmlu dan kollu? Għall-ġid komuni jew biex nikkonċentraw is-setgħa f’idejna? Għall-promozzjoni tal-persuna jew biex nibdlu lill-bniedem f’numru, f’data informatika jew fi prodott? Babel mhijiex kontra x-xjenza. Babel hija xjenza mingħajr għerf, teknoloġija mingħajr etika u progress mingħajr Alla.

Il-Belt ta’ Alla: ċiviltà tal-komunjoni

Il-Papa ma jieqafx fuq it-twissija. Huwa joffri wkoll alternattiva. Il-Belt ta’ Alla mhijiex utopija. Hija soċjetà fejn il-progress teknoloġiku jibqa’ dejjem għas-servizz tal-persuna umana. Fejn l-ekonomija sservi lill-bniedem u mhux il-bniedem lill-ekonomija. Fejn l-intelliġenza artifiċjali tibqa’ għodda u qatt ma ssir sid. Il-kejl tal-progress ma jistax jitkejjel fuq kemm il-magni saru intelliġenti, iżda kemm il-bniedem baqa’ bniedem.

L-akbar messaġġ tal-enċiklika hu li din mhijiex għażla li jagħmlu biss il-gvernijiet jew il-kumpaniji tat-teknoloġija. Hija għażla li nagħmlu lkoll kemm aħna. Nibnu Babel kull darba li nħallu l-effiċjenza tieħu post il-kompassjoni. Nibnu Babel meta nkejjlu lill-bniedem skont kemm jipproduċi. Nibnu Babel meta l-verità ssir relattiva u l-poter isir l-ogħla valur.

Imma nibnu l-Belt ta’ Alla kull darba li nagħżlu l-verità minflok il-manipulazzjoni, il-komunjoni minflok l-individwaliżmu, il-ġustizzja minflok l-isfruttament u l-imħabba minflok il-kburija.

L-intelliġenza artifiċjali mhijiex il-vera suġġett tal-enċiklika

Dan tal-Papa Ljun XIV, huwa messaġġ profetiku għal żmienna. Huwa forsi għalhekk li huwa beda proprju b’din l-immaġni. L-intelliġenza artifiċjali mhijiex il-vera suġġett tal-enċiklika. Is-suġġett huwa l-bniedem. It-teknoloġija sempliċement tikxef x’tip ta’ ċiviltà qed nibnu.

Bħalma Santu Wistin kiteb De civitate Dei fi żmien ta’ kriżi kbira, hekk ukoll illum il-Knisja tfakkarna li l-futur tal-umanità ma jiddependix biss mill-qawwa tat-teknoloġija, iżda mid-direzzjoni tal-qalb tal-bniedem.

Il-mistoqsija li tibda biha l-enċiklika hija wkoll il-mistoqsija li tagħlaqha. Liema belt irridu nħallu lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin? Babel, mibnija fuq il-kburija tal-bniedem, jew il-Belt ta’ Alla, mibnija fuq il-verità, il-ġustizzja u l-komunjoni?

Din hija l-għażla deċiżiva ta’ żmienna.


27 ta’ Ġunju 2026

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading