Il-Mirakli Ewkaristiċi (104)
minn Manwel Cutajar
Wara li fiż-żewġ artikli preċedenti tkellimna dwar it-Twelid, il-Ħajja u t-Tlugħ tal-Verġni Marija fis-Sema (Nru 102), u dwar ir-referenzi kollha għall-Verġni Marija fil-Kotba tat-Testment il-Ġdid (Nru 103), issa se nitkellmu dwar ir-rabta tal-Madonna ma’ xi whud mill-Mirakli Ewkaristiċi li seħħew fl-Istorja tal-Knisja Kattolika.
Fit-tagħlim Kattoliku, ir-rabta Ewlenija bejn il-Verġni Marija u l-Ewkaristija hija li “Caro Jesu caro Mariae est” hija frażiLatina li bil-Malti tfisser “Il-Ġisem ta’ Ġesù huwa l-ġisem ta’ Marija.” Dan il-kunċett teologiku għandu l-għeruq tiegħu fit-teoloġija Kristjana bikrija u medjovali, u fil-Marjoloġija Kristjana tradizzjonali li kien ġie pprietkat u imxandar ħafna minn Dutturi tal-Knisja Kattolika bħalma hu Santu Wistin ta’ Ippona (354 – 430 AD), u aktar tard mtenni minn qaddisin u teoloġi oħra fosthom Sant’ Alfons Liguori (1696-1787) fil-Ktieb tiegħu The Glories of Mary (1750).
Din il-frażi kienet tintuża ta’ spiss mit-teologi biex jiddefendu d-Domma tal-purità ta’ Marija billi jenfasizzaw li Ġesù ħa l-Ġisem uman Tiegħu minn Marija Santissima.
Għaldaqstant, peress li l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù fl-Ewkaristija huma l-istess Ġisem u Demm li rċieva mingħand Ommu Marija Santissima, il-Mirakli Ewkaristiċi awtentiċi u approvati mill-Knisja Kattolika huma mifhuma spiritwalment u teoloġikament bħala li jindikaw lura lejn ir-rwol ta’ Marija Santissima fl-Inkarnazzjoni u fl-opra ta’ Fidwa ta’ Sidna Ġesù Kristu għall-bnedmin kollha.
Ir-rabta bejn Marija u l-Ewkaristija fid-Duttrina Kattolika hija sinifikanti ħafna, deskritta minn prinċipji teoloġiċi speċifiċi
Il-Konnessjoni Teoloġika: “Marija pprovdiet il-Ġisem”
L-Inkarnazzjoni: Teoloġikament, Ġesù ħa l-Ġisem uman Tiegħu kollu kemm hu mill-Verġni Marija. Għalhekk, fid-Duttrina Ewkaristika (it-Transubstanzjazzjoni), l-umanità bijoloġika preżenti fl-Ewkaristija hija l-istess umanità li rċieva Ġesu mingħand Ommu Marija.
Fit-teoloġija Kristjana, peress li Ġesù ma kellux missier bijoloġiku fuq l-art, il-Ġisem uman Tiegħu ġie kollu kemm hu mingħand Ommu, il-Verġni Marija Santissima.
Il-Papa San Ġwanni Pawlu II enfasizza dir-rabta fl-Enċiklika tiegħu Ecclesia de Eucharistia, fejn stqarr li jekk irridu niskopru mill-ġdid l-għana tal-Ewkaristija, “ma nistgħux nittraskuraw lil Marija, Omm u mudell tal-Knisja“. Huwa enfasizza r-rwol u l-missjoni ta’ Marija Santissima bħala il-gwida u mudell għal attitudni xierqa u fidila tagħna meta aħna nersqu biex nirċievu l-Ewkaristija, u ukoll meta aħna mmorru quddiem l-Ewkaristija Divina biex inqimuha u nadurawha.
Rabtiet speċifiċi bejn il-Verġni Marija u l-Mirakli Ewkaristiċi jinkludu:
1. Santa Marija tal-Eġittu (Seklu 6): Tfajla, jisimha Marija (ċ 344-421 AD), li ta’ tnax-il sena kienet ħalliet lill-ġenituri tagħha u marret Lixandra fejn għexet bħala prostituta u tallaba. Sbatax-il sena wara, dit-tfajla marret Ġerusalemm u riedet tidħol fil-knisja biex tfittex il-klijenti. Iżda forza misterjuża żammitha milli tagħmel dan! Fil-bieb tal-knisja rat ikona tal-Madonna. Dak il-ħin, kienet maħkuma bir-rimors għall-ħajja li kienet qed tgħix u talbet l-għajnuna lill-Madonna. Semgħet leħen jgħidilha “Jekk taqsam ix-xmara Ġordan issib il-paċi” Hi marret tgħix fid-deżert bħala eremita. Qattgħet 47 sena fid-deżert trans-Ġordanjan tagħmel penitenza. Darba kienet talbet lil patri Zosimus tal-Palestina biex iġibilha l-Ewkaristija Mqaddsa nhar il-Ħamis ix-Xirka tas-sena ta’ wara, u talbitu jiltaqa’ magħha fuq ix-xtut tal-lvant tax-Xmara Ġordan.
Nhar il-Ħamis ix-Xirka, Zosimus stennieha ħdejn ix-xatt tax-xmara. Meta dit-tfajla Marija dehret fuq in-naħa l-oħra, għamlet is-Sinjal tas-Salib u mirakolożament mxiet fuq wiċċ ix-xmara biex tasal għandu u tirċievi l-Ewkaristija.
Dar-rakkont huwa ddokumentat fil-Vita tal-Patrijarka ta’ Ġerusalemm minn Sophronius (ċ. 560–638). Santa Marija tal-Eġittu hi meqjuma ħafna fil-Knisja Ortodossa tal-Lvant u fil-Knisja Kopta.
Il-Knisja Kattolika wkoll tqimha bħala Patruna tal-penitenti.
2. Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Santarém (Portugall — 1247)
Il-Miraklu Ewkaristiku f’Santarém huwa l-aktar iddokumentat storikament bħala li seħħ fis-16 ta’ Frar, 1247. Filwaqt li xi rakkonti storiċi bikrin iqiegħdu l-ġrajja madwar is-sena 1225 jew l-1226 u oħrajn isemmu l-1266, il-Knisja tirreferi uffiċjalment għal dil-ġrajja bħala li seħħet fis-sena 1247.
Mara serqet l-Ostja kkonsagrata u ħbietha fil-velu tagħha. L-Ostja bdiet tnixxi d-Demm. Minħabba l-biża’ li tinqabad b’dal-att sagrilegu, hija ħadet l-Ostja d-dar u ħbietha. Matul il-lejl, l-Ostja bdiet tiddi b’dawl brillanti u ċelesti. L-għada filgħodu, wara li l-mara stqarret għemilha ma’ żewġha u mal-kappillan, l-Ostja ġiet irritornata solennement lejn dak li llum huwa magħruf bħala s-Santwarju tal-Miraklu (Igreja do Santíssimo Milagre). It-tabernaklu oriġinali fejn l-Ostja Kkonsagrata mdemmija ġiet imqiegħda għall-ewwel darba b’mod sigur għandu fuqu pittura tal-Verġni Marija, u l-ġrajja wara qajmet devozzjoni lokali qawwija lejn l-Interċessjoni tal-Madonna fil-Portugall.
- Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Santarém u l-Imqaddsa Verġni Marija huma konnessi permezz ta’ qrubija ġeografika, temi spiritwali kondiviżi ta’ riparazzjoni Ewkaristika,u konnessjonijiet storiċi ta’ pellegrinaġġi Marjani. Filfatt, il-Santwarju tal-Miraklu f’Santarém, il-Portugall, jinsab biss madwar 40 kilometru fin-nofsinhar ta’ Fatima, il-post ferm magħruf fid-dinja għad-dehriet Marjani.
Hawnhekk ta’ min igħid li skont it-tradizzjoni lokali, Suor Lúcia (waħda mill-viżjonarji ta’ Fatima fl-1917) qattgħet diversi jiem f’Santarém u kienet tattendi għall-Quddiesa fis-Santwarju tal-Miraklu waqt li kienet qed tistenna l-permess biex tħaddan il-ħajja reliġjuża. Barra minn hekk, ir-Reġina Santa Isabel tal-Portugall, magħrufa għad-devozzjoni profonda tagħha lejn ir-Rużarju u l-Omm Imqaddsa, għamlet diversi pellegrinaġġi biex tqim l-Ostja Kkonsagrata ta’ Santarém fl-aħħar tas-seklu 13 u l-bidu tas-seklu 14.
3. Il-Madonna ta’ Guadalupe (Messiku,1531) Marija Santissima dehret lill-bidwi indiġenu Juan Diego, u ħalliet ix-xbieha tagħha stampata fuq it-tilma (mantell) tiegħu. Fuq it-tilma jidher simbolu ta’ fjura Azteka (il-fjura tax-xemx b’erba’ petali) imqiegħda direttament fuq il-ġuf ta’ Marija Santissima.
Filwaqt li mhuwiex Miraklu Ewkaristiku ta’ “Ostja kkonsagrat tnixxi d-Demm” fis-sens tradizzjonali, id-dehra tagħha hija marbuta ħafna mal-Ewkaristija. Il-Verġni Marija talbet li tinbena knisja f’Tepeyac sabiex il-Madonna tkun tista’ toffri “l-imħabba, il-kompassjoni, il-għajnuna u l-protezzjoni” tagħha lin-nies, u b’hekk mexxiet lill-popolazzjoni indiġena u lill-missjunarji bikrija lejn is-Sagramenti u l-Ewkaristija.
Il-Knisja tqis dal-ġrajja bħala moviment qawwi li ġab kontinent sħiħ għall-Fidi Kattolika u l-ħajja Sagramentali tal-Ewkaristija.
4. Il-Madonna ta’ Knock (l-Irlanda,1879)
Fil-21 ta’ Awwissu 1879, nies mill-villaġġ fil-Kontea ta’ Mayo raw dehra siekta tal-Verġni Marija, San Ġużepp, u San Ġwann l-Evanġelista ħdejn artal u Ħaruf.
Il-Ħaruf, imdawwar bl-anġli, huwa interpretat universalment mill-Knisja bħala simbolu ta’ Kristu fl-Ewkaristija, b’Marija tkun ta’ gwida għan-inies lejn is-Sagrament Imqaddes.
Għalkemm mhuwiex Miraklu Ewkaristiku tradizzjonali ta’ Ostja kkonsagrata li tnixxi d-demm, id-Dehra famuża fis-Santwarju ta’ Knock hija l-unika dehra Marjana ddokumentata li tinkludi l-Ewkaristija.
Il-Verġni Marija dehret flimkien ma’ San Ġużepp, San Ġwann, u l-Ħaruf Ewkaristiku fuq artal imdawwar bl-anġli.
5. F’Ars, Franza – San Ġwann Vianney u l-Ostja (1786-1859):Fil-parroċċa ta’ Ars, Franza, parruċċan kien qed jitħabat biex jemmen fil-Preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. Ir-raġel talab sinċerament lill-Verġni Marija għall-għajnuna fil-Fidi tiegħu. Hekk kif San Ġwann Vianney kien qed iqassam it-Tqarbin, l-Ostja Mqaddsa mirakolożament inqatgħet minn subgħajh is-saċerdot waqt li kien għadu ’l bogħod u tpoġġiet fuq ilsien ir-raġel.
6. L-Anġlu tal-Paċi f’Fatima (Portugall — Ottubru 1916)
Qabel id-dehriet magħrufa ferm tal-Madonna ġewwa fl-1917, l-Anġlu tal-Paċi deher lit-tliet rgħajja (Luċija, Franġisku, u Ġaċinta) f’daħla fil-blat magħruf bħala l-Loca do Cabeço fi tliet okkażjonijiet biex iħejjihom għad-Dehra tal-Madonna u dal-Miraklu Ewkaristiku.
Waqt l-aħħar laqgħa tagħhom, l-Anġlu ġab Ostja kkonsagrata u Kalċi, ħalliehom wieqfa fl-arja. L-Ostja qatret qtar tad-Demm fil-Kalċi. Wara, l-Anġlu qarben lil Luċija b’Ostja filwaqt li qarben lil Francisco u Jacinta billi tahom jixorbu mill-Kalċi,u qalilhom: “Kulu u ixorbu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu li ddispjaċut ħafna bl-ingratitudni tal-bnedmin”. L-Anġlu talab espliċitament biex jagħmlu riparazzjoni għall-ingratitudni lejn Ġesù fl-Ewkaristija.
7. Il-Madonna tar-Rużarju ta’ San Nikola (l-Arġentina- 1983): Marija Santissima dehret lil omm, Gladys Quiroga de Motta, b’messaġġi ċċentrati fuq in-nuqqas ta’ Fidi tan-nies u il-ħtieġa tar-ritorn għall-Ewkaristija. Il-messaġġi enfasizzaw l-importanza vitali tal-Ewkaristija Mqaddsa u l-Adorazzjoni Ewkaristika.
L-isqof lokali approva uffiċjalment dawn id-dehriet fl-2016
8. L-Apparizzjoni ta’ Madonna f’Akita (Ġappun, 1973):
Approvata mill-Knisja Kattolika, did-dehra Marjana inkludiet messaġġ profond dwar l-Ewkaristija. L-istatwa tibki tal-Madonna tat messaġġi lil Suor Agnes Katsuko Sasagawa, fejn enfasizzat it-talb, ir-riparazzjoni, u l-Fidi fil-Preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija.
9. Il-Miraklu ta’ Finca Betania (Cúa, Venezwela, 8 ta’ Diċembru, 1991)
Waqt il-Quddiesa ta’ Nofsillejl għall-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni fis-Santwarju Marjan ta’ Betania, is-saċerdot li kien qed jiċċelebra, Dun Otty Ossa Aristizábal, qasam l-Ostja kkonsagrat l-kbira u kkonsma parti waħda. Meta ħares lejn il-partijiet li kien fadal fuq il-patena, induna li parti minnha tebgħa ħamra. Wara l-Ostja bdiet tnixxi d-demm.
Studji forensiċi sussegwenti kkonfermaw li d-Demm kien tat-tip AB (l-istess tip li nstab fuq il-Liżar ta’ Turin) u kien ħareġ minn tessut tal-qalb ħaj.
Dal-Miraklu Ewkaristiku seħħ qrib is-sit fejn huwa maħsub li dehret il-Verġni Marija Santissima.
10. Il-Madonna fl-Ewkaristija f’Brentwood (California)
- Waqt irtir f’Ottubru 2023 iffukat fuq Marija Santissima u l-Ewkaristija fil-Knisja tal-Qalb Immakulata ta’ Marija fi Brentwood, California, ħafna li kienu preżenti waqt l-Adorazzjoni qalu li raw Xbieha rari, viżibbli u tiddi tal-Verġni Marija tidher direttament fuq Ostja kkonsagrata għal madwar minuta.
Ritratti tal-ġrajja kienu online, b’ħafna fil-komunità jinnutaw ix-xebħ impressjonanti tagħha mad-deskrizzjoni tal-Madonna ta’ Akita.
Kull Miraklu Ewkaristiku huwa tfakkira reali li l-Ewkaristija mhijiex simbolu, iżda realtà fiżika. Peress li dik ir-realtà hija laħam uman, hija marbuta b’mod irrevokabbli ma’ Marija Santissima. Kif jitolbu b’mod sabiħ il-Liturġiji tal-Lvant tal-qedem: “Int il-qoffa ta’ dan il-ħobż tan-nar jaqbad… O Verġni, li ġibt għall-frott dak li se nieklu dalwaqt.”