Ġesù, jien nadurak profondament, Int li qiegħed hawn preżenti fis-Sagrament Imqaddes, minn fejn Int, tistennina lejl u nhar biex niġu nqattgħu ftit ħin miegħek.
Jien nadurak O Alla, għax ma jien xejn quddiem il-Maestà Divina tiegħek. Int biss il-Ħajja, l-Verità, s-Sbuħija u Tjubija. Jien nigglorifikak, infaħħrek, inroddlok ħajr. Jiena nħobbok.
Mulej glorjuż, l-aktar għoli, nitolbok dawwal id-dlamijiet ta’ qalbi, u agħtini fidi soda, tama ċerta, u mħabba perfetta, biex b’fedeltà nkun nista’ nwettaq ir-rieda mqaddsa u perfetta tiegħek.
Silenzju ta’ 30 sekonda
Mulej, bħalissa, Int qiegħed tħares lejna, u qed tara l-istorja ta’ ħajjitna, hi kif inhi. U qed titqanqal bil-ħniena, għax tixtieq tgħinna. Int, tixtieq titfa l-grazzji tiegħek fuqna. Mulej, aħna nemmnu li mill-Ewkaristija joħorġu grazzji speċjali. Kull darba li nersqu lejk bil-fidi, Inti titfa’ l-grazzji tiegħek.
U bħalma missejt diversi nies li resqu lejk bil-fidi, biex tfejjaqhom; hekk illum, qiegħed tmiss lilna. Qed titfa’ jdejk fuqna: qed issafina, qiegħed tnaddafna, qiegħed tfejjaqna. Qed tagħtina l-grazzja, li aħna ġejna hawnhekk nitolbuk, għax nemmnu fik. (5 sek pawsa)
F’dan il-mument, ħalli lil Ġesù, mhux biss immiss il-fiżiku tiegħek, mhux biss l-ispirtu tiegħek u r-ruħ tiegħek, imma lilek innifsek kif int. Hallih jixħet fuqna grazzji kbar.
Silenzju 2 min
Innu:_______________________________
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew Mt 13:1-23
Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm. U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt, u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.
U qalilhom: “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija, ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq. Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom. Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin. Min għandu widnejn, ħa jisma!”.
Resqu lejh id-dixxipli u staqsew: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?”. Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet, iżda lilhom dan ma kienx mogħti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Isaija li tgħid,
“Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux,
u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.
Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset;
kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom,
u għalqu għajnejhom
li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom,
u jisimgħu b’widnejhom
u jifhmu b’moħħhom,
u hekk ibiddlu ħajjithom
u jiena nfejjaqhom”.
Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu. Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom, u ma semgħuhx!
Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’. Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-Ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija. Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ; imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; imbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel. Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid tal-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
O Sinjur, tmur fejn tmur, in-nies kienet il-ħin kollu tiġri warajk; lesta biex tisimgħek. Fis-silta li għadna kemm smajna, naraw, li kien hemm tant folol ta’ nies, li Int, kellek titla’ fuq dgħajsa. Kienu lkoll ħerqana biex jisimgħu l-Kelma tiegħek; attenti għal kull kelma li tlissen.
Ġesù, nissel fina dik il-ħeġġa għalik; nissel fina għatx għal Kelma tiegħek. Agħmel li mingħajrek ma noqgħdux. Għaliex kif jgħid San Pietru: “Mulej, għand min tridna mmorru? Int biss għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6,68). Mulej, Inti biss, u ħadd iżjed ma jħobbna daqshekk. Ħallina ħa nitħeġġu għalik, ħa nixxenqu bil-preżenza tiegħek u nħallu lilek u l-Kelma tiegħek timlina.
Mulej, iftħilna qlubna, ħa nisimgħu u nilqgħu l-Kelma tiegħek. Tħallix li qalbna titwebbes, tħallix lil widnejna jitgħarxu, tħallix lil għajnejna jingħalqu għall-Kelma tiegħek. Imma għamel li nħallu l-Kelma tiegħek iġġeddidna u tagħmilna art li mhux biss nilqgħu l-Kelma tiegħek, imma nfasslu ħajjitna fuqha.
Silenzju 2min
Ġesù, int kont tkellem lill-poplu miġbur quddiemek bil-parabboli, stejjer żgħar, bl-ambjent familjari għalihom, imma b’tagħlima. Int, tħares lil hinn mix-xewqat tagħna, mill-ħsibijiet tagħna. Int tagħtina dak li hu ta’ ġid għalina. Mulej, illum qabbilt il-Kelma tiegħek maż-żerriegħa, li tmur fuq diversi artijiet, li tixxerred fuq il-bnedmin kollha; għax Int trid li kulħadd isalva.
O Sinjur, int tant tħobbna, li l-Kelma tiegħek, ma tagħtihix lil grupp speċifiku, imma xxeridha fuq kulħadd. (5 sek pawsa)
Ejjew nieqfu ftit u nirriflettu: jien li mmur kull nhar ta’ Ħadd il-Quddiesa, nisma’ l-Evanġelju, nieħu sehem fl-Ewkaristija u nitlob kuljum. Qiegħed nikber fil-qdusija?
(10 sekondi pawsa)
Meta nħares ftit lura, kif kont qed ngħix is-sena l-oħra, u kif qiegħedd ngħix illum, nara differenza? Imxejt il-quddiem, jew b’qajt fejn kont, jew mort lura? (10 sekondi pawsa).
Il-Kelma ta’ Alla, qed nipprova ngħixha? Qed infassal ħajti fuqha, jew il-Kelma ta’ Alla biss għall-Knisja? (10 sekondi pawsa).
X’hemm fil-qalb tiegħi li qed jisraqli l-Kelma ta’ Ġesù? Hemm xi rabja għal xi ħadd? Hemm xi mard jew inkwiet fil-familja li mhux naċċettah? Hemm xi persuna li ma niflaħx narha fuq il-post tax-xogħol jew fit-triq? U li dan kollu fixkilni milli nħalli l-Kelma tiegħek ssuqni. (10 sekondi pawsa).
Hemm barra, kif qiegħed nitkellem, kif qed ngħix? Nimxi mal-kurrent? Jew il-kliem u l-imġiba tiegħi, nuri dak li hu sewwa u veru? Bħala nisrani, qed ngħix fuq il-Kelma ta’ Ġesù?
30 sekonda ta’ pawsa
Mulej, Int tixtieq lin-nies kollha jisimgħu l-Kelma tiegħek u jaraw l-azzjoni tiegħek f’ħajjithom. Kompli xerred fuqna il-grazzji tiegħek, sabiex dejjem nikbru fil-ħniena tiegħek. Agħmel li għajnejna u widnejna jkunu miftuħa għalik, b’mod aktar sħiħ kuljum.
Silenzju 2min
Innu:__________________________________________
Talbiet tal-Komunitá
Ġesù ma jitlaqhomx lil dawk li jittamaw fih. B’umiltà nresqulu t-talba tagħna u ngħidulu:
Alla tagħna, isma’ t-talb tagħna.
Ieqaf, Mulej, mal-Knisja tiegħek hija u xxandar il-Kelma tiegħek lill-ġnus kollha tal-art u turihom it-triq tas-salvazzjoni. Nitolbu
Alla tagħna, isma’ t-talb tagħna.
Agħmel li l-Bxara t-tajba tas-salvazzjoni titħabbar sa truf l-art kollha biex il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba jilqgħuha u jgħożżuha. Nitolbu
Alla tagħna, isma’ t-talb tagħna.
Ħares is-saċerdoti u l-ministri tal-Knisja tiegħek: żommhom fidili fix-xandir tal-Kelma tiegħek u fis-servizz li jagħtuk. Nitolbu
Alla tagħna, isma’ t-talb tagħna.
Saħħaħ il-fehma ta’ kull min hu dgħajjef fostna biex it-tiġrib u l-hemm tal-ħajja ta’ llum ma jkunx ta’ tfixkil għalih u jnessih il-Kelma tiegħek. Nitolbu
Alla tagħna, isma’ t-talb tagħna.
Tħalli qatt it-tħassib żejjed għall-ġid tal-art u l-ġibda għall-ġieh u l-unuri tad-dinja joħonqu fina l-Kelma setgħana tiegħek. Nitolbu
Alla tagħna, isma’ t-talb tagħna.
Ejjew issa nagħmlu t-talba personali tagħna.
Kant: Dal Misteru