Ġwanni Pawlu II fil-Beatifikazzjoni ta’ Mercedes Molina di Gesù

VJAĠĠ APPOSTOLIKU FIL-VENEZUELA,
ECUADOR, PERÙ, TRINIDAD-TOBAGO
BEATIFIKAZZJONI TA’ MERCEDES MOLINA DI GESÙ
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Guayaquil (Ecuador) – Il-Ġimgħa, 1 ta’ Frar 1985

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok” (Mt 11, 25-26).

Jum wieħed, fil-Palestina, Ġesù Kristu lissen dan il-kliem, li fih wera il-misteru ta’ Missieru. Jalla llum dan l-istess kliem jidwi fl-Ekwador imbiegħed fil-qalba tal-belt ta’ Guayaquil, qrib l-oċean Paċifiku. Għaliex miż-żmien li fih kien imlissen għall-ewwel darba, d-destinazzjoni ta’ dan il-kliem ta’ Bin Alla kienet universali: il-ġnus kollha u l-ħolqien kollu kellhom jisimgħuh; dan huwa kliem li fih tilħaq il-quċċata l-bxara t-tajba tas-salvazzjoni. Aħna lkoll illum nisimgħu dan il-kliem tas-Salvatur, meħud mill-Vanġelu ta’ San Mattew, ninsabu miġburin hawn għal sollenità eċċezzjonali. L-Isqof ta’ Ruma u suċċessur ta’ Pietru ġie għandkom biex iwettaq l-att tal-beatifikazzjoni u ta’ elevazzjoni għall-unuri tal-altar tal-bint umli tal-Ekwador, madre Mercedes de Jesús Molina y Ayala, fondatriċi tar-reliġjużi Marjaniti.

2. Bil-qalb tbaqbaq bil-ferħ, maħbubin ħuti, nixtieq nagħtikom tislima ta’ paċi u ta’ komunjoni fl-istess fidi u tama. Insellem l-ewwelnett lir-ragħaj ta’ din l-arċidijoċesi ta’ Guayaquil, l-isqfijiet awżiljarji u l-isqfijiet tal-Ekwador, hawn peżenti, is-saċerdoti u s-seminaristi, lir-reliġjużi rġiel u nisa, l-awroritajiet, il-poplu kollu ta’ Alla miġbur madwar l-altar, f’din il-festa tal-ispirtu li jivvibra s-sentimenti l-iktar nobbli tad- devozzjoni nisranija. Insellem bi mħabba partikolari lir-reliġjużi Marjaniti kollha li llum mimlija ferħ għall-beatifikazzjoni tal-madre fundatriċi tagħhom.

Is-sinjur isqof ta’ Riobamba, Leonidas Proaño, ippreżenta l-figura tal-beata l-ġdida u l-motivi biex tiġi mgħollija għall-unuri tal-altari. Bl-att tal-beatifikazzjoni li jiena rratifikajt ridt inqiegħed b’mod simboliku fiċ-ċentru tal-Knisja kollha lil din il-mara tal-Ekwador, Mercedes de Jesús. Fiha nsibu l-opra tal-Ispirtu santifikatur, li mexxa l-virtujiet tagħha sal-quċċata ta’ erojċità eżemplari. U b’dan l-att, irridu li fil-komunjoni tal-qaddisin inkunu nistgħu niltaqgħu lkoll, imma b’mod speċjali l-Knisja tal-Ekwador u l-familja li hija waqqfet, eżempju ta’ ħajja, qawwa ta’ interċessjoni, preżenza nkoraġġanti fil-mixja lejn il-patria, kif tgħid il-liturġija tal-Knisja.

Bint umli ta’ din l-art, il-Beata Mercedes de Jesús Molina, tirċievi llum hawn, mhux bogħod mill-pajjiż fejn twieldet ta’ Baba, l-għarfien tal-virtujiet tagħha. Fiha nqimu nisranija eżemplari, edukatriċi u missjunarja, l-ewwel fundatriċi ta’ kongregazzjoni reliġjuża li, bħala ġnien tal-ward immens, li skont il-ħolma u l-ispirazzjoni tal-madre tinfirex diġa f’diversi nazzjonijiet, waqt li tarrikkixxi bl-apostolat tagħha l-Knisja tal-Amerika Latina.

U huwa ferħ għall-poplu kollu tal-Ekwador li jistà jqim mil-llum ‘il hemm, flimkien mal- ġilju ta’ Quito, Santa Mariana de Jesús, lil-“warda ta’ Baba y Guayaquil”, il-beata Mercedes de Jesús. Huma huma l-fwieħa ta’ qdusija u interċessjoni ċelestjali qawwija, eżempju u stimolu għal ħajja nisranija awtentika tal-ulied kollha  ta’ din l-art.

3. Ġesù, fil-Vanġelu tallum, idur lejn il-Missier ċelesti bi kliem singulari: “Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu” (Mt 11, 27). U fl-istess ħin, l-Iben “ibierek lill-Missier” għaliex dawn il-ħwejjeġ “urihom liċ-ċkejknin” (Mt 11, 25).

Il-Madre Mercedes de Jesús irċeviet din ir-rivelazzjoni b’idejn mimlija. Fiha kienet tinsab dik l-imħabba tal-għerf li dwaru jkellimna l-ewwel qari tal-liturġija tallum. Tista sewwa tirrepeti flimkien mal-awtur tal-Ekklesjastiku: “Fittixt l-għerf bid-dieher fit-talb tiegħi, / quddiem it-tempju kont nitlob għalih / u nibqà nfittxu sal-aħħar . . . Minn żgħożiti kont insus warajh . . . / Bih imxejt ‘il quddiem; / lil Min tani l-għerf glorja nagħtih” (Sir 51, 13-17).

Mercedes Molina fittxet l-għerf sa minn żgħożitha. L-ewwel duluri, li bidlu l-adoloxenza tagħha f’laqgħa profonda ma’ Alla, kienu l-ewwel raġġ tal-għerf divin. Qegħdet fuq il-miżien il-pjaċiri li d-dinja offriet u d-dedikazzjoni li kien jesiġi l-Vanġelu. U b’deċiżjoni għażlet bħala għarus ta’ ruħha lil Kristu msallab, għerf ta’ Alla. Għexet l-ewwel ikkonsagrata lil Alla fid-dinja, taħt il-gwida ta’ saċerdoti distinti u segwiet il-passi ta’ dak iż-żmien beata Mariana de Jesús. Hekk fittxet bit-talb u l-penitenza, li tidentifika ruħha ma’ Kristu msallab, li kienet għażlet ‘il fuq minn kull imħabba oħra umana.

4. Kienet bil-mod t-tħejjija li biha ppredisponiet ruħha biex tagħti glorja lil dak li kien taha l-għerf. Ftit wara setgħrt twettaq il-program  espress f’dan il-kliem tal-Ekkleżjastiku li xandarna: l-għerf magħmul ħajja: “Iva, sirt ħerqana għat-tajjeb, u ma jkollix għax nistħi. Tħabatt ħafna biex nikseb l-għerf u ħarist il-liġi bir-reqqa. Erfajt idejja ‘l fuq;  mexxejt lili nnifsi lejn l-għerf imma sibtu fis-safa” (Sir 51, 18-20).

Din l-imħeġġa Namrata tal-imħabba divina tal-bxara t-tajba tas-salvazzjoni u tal-istess Verb inkarnat, tixtieq tagħmel parti lil oċeajn ta’ dawn it-teżori li l-Missier “wera liċ-ċkejknin”: “Ersqu lejja intom li m’għandkomx tagħlim, / u ħudu postkom fl-iskola tiegħi. / Għaliex tgħidu li intom lura f’dawn il-ħwejjeġ, / u li rwieħkom huma bil-għatx għall-aħħar?” (Sir 51, 23-24).

Waqt li kompliet timxi ‘l quddiem fil-mixja tal-imħabba, malajr Mercedes Molina, li assumiet it-titolu “ta’ Ġesù” biex tindika d-donazzjoni totali tagħha lil Kristu, bdiet l-opri għall-glorja tal-għarus tagħha. L-ewwel bħala madre u għalliema tal-orfni fi Guayaquil; imbagħad waqt li segwiet il-passi tal-konfessur tagħha, bħala missjunarja kuraġġuża u ġeneruża fost l-indios jíbaros ta’ Gualaquiza; mill-ġdid bħala edukatriċi u protetriċi tal-infanzja abbandunata fi Cuenca. Dan kollu kien tħejjija providenzjali li fiha bdiet toħroġ il-kariżma ta’ fundatriċi li fl-aħħar irċeviet l-approvazzjoni tal-isqof ta’ Riobamba it-Tnejn tal-Għid tal-1873 meta rat id-dawl uffiċjalment il-kongregazzjon tar-reliġjużi ta’ Mariana ta’ Ġesù, il-Marjaniti.

5. L-ispirtu tal-għerf kien ippurifika fl-imħabba u fin-niket il-kariżma ta’ fertilità spiritwali trażmessa lil uliedha bl-eżempju tal-ħajja, bl-attenzjoni diretta tal-ewwel reliġjużi, waqt li personalment ħadet ħsieb ir-“roseto” ta’ Kristu msallab u tal-Verġni Marija, tron tal-għerf                         .

Hawn hu kif jitwettaq il-kliem ta’ Ġesù fil-qlub taċ-ċkejknin li dwarhom hu  jkellimna fil-Vanġelu tallum; huma li jilqgħu bla riservi l-għerf divin u jgħixu kif iħabbar l-Appostlu fl-Ittra lill-Korintin: “il-fidi, it-tama, il-karità . . . Imma l-ikbar fosthom hija l-Karità” (1 Kor 13, 13). “U kieku kelli d-don tal-profezija, kont naf il-misteri kollha u l-għerf kollu, kieku kelli l-fidi tiegħi sħiħa li tqanqal il-muntanji . . . imma ma kellix imħabba, jien ma kont inkun xejn” (1 Kor 13, 2).

Bl-isbaħ kliem li qatt kien ippronunzjat, l-appostlu Pawlu jipproklama t-tifħir tal-imħabba. Infatti l-qdusija tikkonsisti fl-imħabba. Din kienet fil-fatti tal-qdusija ta’ din il-mara tal-kosta Ekwadorjana” tgħix l-imħabba ta’ Kristu fl-imħabba tal-proxxmu. Il-ħarsa kontemplattiva ta’ Madre Mercedes kiene baqgħet mirbuħa mill-faqar tal-Bambin ta’ Betlem, mit-tbatija tal-wiċċ doloruż tal-Imsallab. Riedet tkun sempliċement u eżempjalment imħabba lejn id-dulur skont il-motto kontenut fl-ewwel kitbiet bijografiċi: “Tant imħabba għal tant duluri li hawn fid-dinja”. Riedet tinkarna f’opri ta’ karità lejn dawk kollha li fil-faqar, fid-dulur, fl-abbandun kienu jirriflettu l-misteru tat-tfajjel fqajjar ta’ Betlem jew ta’ Kristu batut tal-Kalvarju.

Kienet omm u edukatriċi ta’ orfni, missjunarja fqira u operatriċi ta’ paċi bejn l-indjos, fundatriċi ta’ familja reliġjuża. Lil uliedha ttrażmettiet l-istess spirtu, li jidentifika l-qdusija fl-imħabba apostolika lejn l-iktar fqar, l-iktar iddisprezzati, l-iktar abbandunati. Kienet missjoni tagħha li “tħabbar is-salvazzjoni lill-foqra bla rifuġju u bla għajnuna”, tixxotta d-dmugħ tal-qlub niedma, titlob il-ħelsien ta’ dawk li jsofru l-priġunerija jew il-kundanna, tikkonsla lil dawk imnikkta. Imħabba bla fruntieri, kapaċi li twassal għajnuna u konsolazzjoni, kif l-omm tirrijassumi fil-Kostituzzjonijiet tagħha, , “għal tant qlub imnikkta li hawn fid-dinja”.

6. B’dan il-mod Ġesù Kristu, permezz tal-qaddejja umli tiegħu Mercedes Molina, qiegħed lilu nnifsu qrib partikolarment tal-bnedmin hawn fl-Ekwador; irrenda ruħu preżenti b’mod speċjali.

Permezz tas-servizz tagħha kienet donnha tgħid: “Ejjew għandi, intom ilkoll li intom imħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli u intom issibu l-mistrieħ ta’ ruħkom. Għaliex il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mt 11, 28-30).

L-Ispirtu Santu pinġa f’wiċċ Madre Mercedes il-fatturi ta’ Kristu umli u  ġwejjed, ħanin u qalbu tajba. Fiha kienet tiddi b’mod ċar l-għażla preferenzjali għall-foqra. Din hija l-għażla ta’ Kristu u tal-Knisja għaż-żminijiet kollha. Din hija l-preferenza lejn l-iktar umli li l-Ispirtu Santu jqanqal fil-qlub tal-qaddisin. U hija l-programm, l-għażla preferenzjali mhux esklussiva, inqas eskludenti, li f’jum il-Milied ridt nipproklama sollennement bħala impenn tal-Knisja kollha.

Il-Beata Mercedes tgħallimna li fil-foqra hemm Kristu fqir, li f’dawk kollha li jbatu jirrifletti l-wiċċ amoruż u batut ta’ Ġesù. Huwa ried jidentifika ruħu ma’ kull raġel u mara ta’ din id-dinja tagħna, biex jiggarantixxi lil kulħadd li meta wieħed jgħix f’sitwazzjoni ta’ faqar u ta’ tbatija, hemm hemm il-ħniena ta’ Alla Missier, biex jattira l-imħabba affettiva u effettiva ta’ ħutu, għaliex “kull darba li għamiltu dawn il-ħwejjeġ ma’ wieħed biss minn ħuti, intom għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40).

Għall-Knisja fl-Ekwador, għal dawk responsabli mis-soċjetà ta’ dan in-Nazzjon, il-Beata Mercedes mhijiex biss glorja, hija mudell ta’ ħajja. L-eżempju tagħha jkellimna dwar karità li nibtet mill-kontemplazzjoni tal-Vanġelu, mill-komunjoni mal-Ewkaristija, li ttraduċiet ruħha f’opri ta’ ħniena. Għalhekk, bħala preżenza ta’ Kristu f’din id-dinja, tipproponhielna l-isfida li nwettqu l-Vanġelu tal-karità, fl-istess oqsma li fihom hija setgħet twettaq sa mill-bidu l-impenn tagħha ta’ mħabba lejn Kristu. Fl-edukazzjoni u fil-promozzjoni kulturali, fil-valorizzazzjoni ġusta tal-mara, fl-affermazzjoni tad-drittijiet tal-persuna, fid-distribuzzjoni ekwa tar-riżorsi ekonomiċi, fl-attenzjoni rispettuża tan-nativi, il-Knisja tal-Ekwador u r-responsabbli tal-ħajja soċjali għandhom fil-Beata Mercedes de Jesús mudell ta’ mħabba u ta’ servizz.

7. Illum u minn dan il-waqt għal dejjem, il-Beata Bint art twelidkom, bint il-Knisja fl-artijiet tal-Ekwador, se tibqà magħkom fil-misteru tax-xirka tal-qaddisin.

Waqt li tikkuntemplaw lil Alla “wiċċ ‘imb wiċċ”, f’din il-karità “li ma tintemm qatt”, tingħaqad ma’ ħutha, tisma it-talb u s-suppliki tagħhom. U flimkien magħhom tbierek lil Alla hekk kif jesprimi s-salm tal-liturġija tallum: “Kull ħin inbierek lill-Mulej, / tifħiru dejjem f’fommi . . . / Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi, / ħa ngħollu ismu flimkien . . . / dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu, / u mid-dwejjaq kollha tiegħu ħelsu . . . / Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej, / hieni l-bniedem li jistkenn fih” (Sal 34, 1-9).

F’din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika ejjew imbierku u nfaħħru lill-Mulej għall-preżenza tal-misteru ta’ Kristu, Miegħu u permezz tiegħu jitla t-talb tal-Knisja, talb u supplika tal-fqar kollha li jsejħu lill-Mulej. Fl-esperjenza ferrieħa tal-komunjoni ewkaristika nieħdu sehem fit-tjubija tal-Mulej li jrid  li tkun tittieħed, sabiex ilkoll nieħdu sehem u nuru li Alla huwa tjubija bla tarf.

Bl-interċessjoni tal-Beata Mercedes de Jesús nitlob lill-Missier twajjeb u ħanin li jgħaddas it-tjubija tiegħu, b’mod speċjali f’ dawk l-iktar foqra u fil-bżonn, sabiex magħqudin ilkoll fil-festa tar-rikonċiljazzjoni u tal-komunjoni fraterna nkunu nistgħu tassew inkantaw, bħal f’dan il-jum : “Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej”. 

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading