QUDDIESA FUNERARJA TAL-ARĊISQOF DERMOT J. RYAN
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika Vatikana – Is-Sibt, 23 ta’ Frar 1985
“Intom ukoll kunu lesti, għaliex Bin il-bniedem se jiġi fis-siegħa li ma tistennewx!”.
Għeżież ħuti.
Kemm drabi immeditajna dan il-kliem tal-Imgħallem divin, flimkien ma’ oħrajn ugwalment severi u impressjonanti: “Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u linqas is-siegħa” (Mt 25, 13); imma forsi qatt bħal f’din iċ-ċirkustanza doloruża ma jidwu daqstant veritieri u ammonitriċi!
Ħuna maħbub l-arċisqof Dermot Ryan ħalliena f’salt wieħed! Kien fl-aqwa tal-enerġiji tiegħu; inqas minn sena ilu kien ħa b’entużjażmu u b’dedikazzjoni xogħlu impenjattiv mhux ħażin bħala prefett tal-Kongregazzjoni għall-evanġelizzazzjoni tal-ġnus; ħa fl-inkarigu l-ġdid patrimonju kulturali u pastorali għani u ppruvat u esperjenza twila ta’ saċerdot, ta’ isqof, ta’ għalliem u ta’ organizzatur; kien għadu ġej minn vjaġġ fl-Istati Uniti biex jikkommemora l-għaxar snin tal-eżortazzjoni apostolika Evangelii nuntiandi u kien ippresieda fil-jiem li għaddew il-Kungress internazzjonali missjunarju fl-università urbana Pontifiċja u b’sodisfazzjon ħaj stennewh għall-udjenza finali flimkien mal-parteċipanti . . . U minflok il-Mulej riedu miegħu. F’salt wieħed, il-Ħamis wara nofsinhar, kollass vjolenti farrakklu l-eżistenza operanti tiegħu.
Kbir huwa n-niket tagħna għat-telfa ta’ Monsinjur Ryan. Il-5 ta’ April tas-sena l-oħra, fil-kuntest tad-diversi tibdiliet tat-titolari tad-dikasteri Rumani, kien innominat pro-prefett tal-Kongregazzjoni għall-evanġelizzazzjoni tal-ġnus. Il-mewt tiegħu hija luttu doloruż għall-Kurja Rumana; u hija wkoll hekk għall-Knisja tal-Irlanda, tant maħbuba minnu, li ratu student żagħżugħ, appassjonat tat-tejoloġija, tas-Sagra Skrittura, tal-lingwi orjentali; u mbagħad saċerdot żelanti u dinamiku u fl-aħħar għal tnax-il sena arċisqof ta’ Dublin, konkret u kuraġġuż, pastoralment il-fakkar ta’ kulħadd, konvint – kif kien jgħid – li “il-Knisja trid tagħmel dak kollu possibli biex taqdi lill-membri kollha kulfejn jinsabu”.
Imma l-mewt ta’ Monsinjur Ryan hija telfa gravi wkoll għall-Knisja Universali. Infatti hu kien jippossiedi esperjenza u doti tali li kienu jirrenduh partikolarment idonju għall-inkarigu l-ġdid: l-għarfien ta’ bosta Ċiniżi partikolari, minħabba l-istudji tiegħu u l-vjaġġi tiegħu ta’ ministeru; il-pastoralità magħquda mal-missjonarità, konxju kif kien tal-“mandat” trażmess minn Ġesù lill-appostli u minn dawn lis-suċċessuri tagħhom għaż-żminijiet kollha u għall-postijiet kollha; u fl-aħħar ir-romanità rettament mifhuma bħala “komunjoni” ma’ Pietru fil-verità u fil-karità. Kemm ġid setà kien għad iwettaq għat-tixrid tal-Vanġelu u għall-formazzjoni tal-missjunarji. Nieħu pjaċir għal dan il-għan nikkwota, b’unur għalih u għall-imkuraġġiment tagħna, dak li hu qal ftit jiem ilu fl-imsemmi Kungress, li tiegħu uffiċjalment kien fetaħ ix-xogħlijiet. Fi tmiem l-ewwel seduta huwa waqaf fuq il-problema kumplessa u diffiċli tal-inkulturazzjoni u fakkar li wkoll fil-passat kienet seħħet il-laqgħa tal-Vanġelu ma’ kulturi oħra, mingħajr ma din kienet wasslet għal bidliet kbar u kontaminazzjonijiet. Il-problema għalhekk – kien qal Monsinjur Ryan – mhix tant li nistudjaw il-valuri inerenti f’kulturi oħra, daqskemm fl-għarfien u l-kif nittrażmettu l-valuri tal-Vanġelu (cf. “L’Osservatore Romano”, 20 febbraio 1985). Dawn huma affermazzjonijiet illuminanti u rassikuranti, li għandhom ikomplu jorjentaw l-impenn ta’ dawk li jaħdmu għax-xandir tal-Vanġelu fid-dinja.
Madankollu, minkejja dsawn id-doti u l-prospettivi kbar ta’ ġid li huma fetħu, il-Mulej ried lil Monsinjur Ryaan miegħu; fil-pjanijiet tal-Mulej huwa kien issa temm il-ġirja tiegħu, kien wettaq il-“mandat” tiegħu u aħna ma fadlilna xejn għajr li ngħidu b’rassenjazzjoni, imma wkoll b’fiduċja estrema: “Ikun dak li trid int kif fis-sema hekk ukoll fl-art!”. Infatti, “e ‘n sua volontade è nostra pace!” (fir-rieda tiegħu hija l-paċi tagħna) (Dante Alighieri, La Divina Commedia, “Paradiso”, III, 25). Dan ħuna maħbub laħaq il-ħniena, immerita l-“kuruna tal-ġustizzja”, li l-Mulej irriserva għall-jum definittiv għal dawk kollha li jistennew bi mħabba l-manifestazzjoni tiegħu (cf. 2 Tm 4, 8). Ma narawhx aktar magħna; imma tibqà dejjem ħajja t-tifkira tiegħu, dejjem effettiv l-eżempju tiegħu.
2. Il-mewt li ħadet lil Monsinjur Ryan, waqt li kien jippredisponi programmi ta’ xogħol apostoliku multiplu u qawwi, hija għal kull wieħed minna twissija serja, ukoll jekk mhix nieqsa minn ħlewwa għad-dawl tal-kelma u tal-imħabba ta’ Kristu .
Din tgħallimna biex ngħassu u biex inkunu dejjem imħejjija għal-laqgħa mal-Mulej, billi niftakru li “ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu, għaliex jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, immutu għall-Mulej, Sew jekk ngħixu, kemm jekk immutu,, mela aħna tal-Mulej” (Rm 14, 7-8).
Inkunu mħejjija tfisser ngħixu fi “grazzja ta’ Alla”: din hija il-kondizzjoni ewlenija u fundamentali ta’ ħajja awtentikament nisranija. “Tgħix fil-grazzja” u “tagħmel jgħixu fil-grazzja” hija l-missjoni u l-ideal primarju tal-ministru ta’ Alla.
Tħoss qalbek tinxtorob meta taħseb fl-imwiet f’daqqa li kuljum iseħħu fuq wiċċ din l-art: kemm minn dawn il-persuni huma mħejjija biex jiffaċċjaw il-ġudizzju ta’ Alla? Dan il-ħsieb jimpenjana biex inżidu ż-żelu apostoliku tagħna għall-erwieħ.
Inkunu mħejjija tfisser li nsibu ruħna dejjem f”postna. U postna huwa dak tar-rieda ta’ Alla, tad-dmir ta’ kuljum, tas-segwitù ta’ Kristu magħruf, maħbub, imitat. Kultant ix-xogħol li jkun afdat lilna jistà jġegħlna nbatu; kultant ix-xogħol propju jkun umli u moħbi, mingħajr konsolazzjonijiet umani. Bdanakollu, dan is-“sejbien f’postna”, bħal Monsinjur Ryan dik il-lejla aħħarija u definittiva, tagħtina qawwa morali u serenità. Ejjew niftakru l-kliem sabiħ li Sant’Injazju ta’ Antijokja kien kiteb lill-Isqof San Polikarpu, li tiegħu llum niċċelebraw it-tifkira: “Ħu ħsieb tal-għaqda tal-Knisja, li aħjar minnha m’għandekx . . . Ara li jkollok sabar u karità ma’ kulħadd . . . La tgħejja qatt fit-talb . . . Għasses bi spirtu li ma jorqodx . . . Fejn hemm l-ikbar għejja, hemm il-qligħ se jkun ikbar . . . Kun sod u qawwi bħal inkwina li tirċievi d-taptipiet, imma tirbaħ . . . Eżamina il-ħinijiet; stenna lil dak li huwa barra mill-ħin, inviżibli, imma li sar viżibli għalina. . .” (S. Ignazio di Antiochia, Ad Polycarpum, I-III).
Inkunu mħejjija jfisser fl-aħħarnett tgħix fl-istennija tal-feliċità eterna, billi taċċetta t-tribulazzjonijiet tal-ħajja u tal-ministeru, meta taf li “is-sofferenzi tal-mument preżenti ma għandhomx x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina” (Rm 8, 18). In-nuqqas ta’ għarfien tas-siegħa tal-aħħar laqgħa tagħna ma’ Alla hija stimulu biex inżidu mħabbitna, biex nittraffikaw t-talenti tagħna, biex ma nitilfux żmien, biex nirrendu aktar imħeġġa l-vokazzjoni tagħna, biex nikkultivaw mhux iktar ansjetà u żelu it-“tama beata”. Infatti “tgħaddi s-sura ta’ din id-dinja!” (1 Kor 7, 31) u billi dejjem qrib in-Nofsillejl” tal-parabbola evanġelika, ejjew inżommu l-lampa tal-fidi u tal-kunfidenza mixgħula! Ma hemmx għalina ftaħir ieħor għajr fis-salib ta’ Kristu (cf. Gal 6, 14), permezz ta’ liema ngħixu b’serenità u sabar fost id-diffikultajiet ta’ kuljum.
Waqt li noffru s-sagrifiċċju ewkaristiku għall-għażiż arċisqof Ryan, aħna nittamaw fit-talb tiegħu mis-sema għalina lkoll, għall-Kongregazzjoni Rumana, li huwa ħalla, għall-Knisja fl-Irlanda, art twelidu maħbuba, għall-komunità nisranija kollha, sabiex l-imħabba ta’ Kristu tħeġġeġ fi qlubna, waqt li nimxu mgħaġġla lejn id-dar tal-Missier!
© Copyright 1985 – Libreria Editrice Vaticana
