Inżommu mixgħula l-imsiebaħ tat-tifkira, tal-għerf u tal-umanità. Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna f’Jum it-Tifkira

Il-Ħadd, 8 ta’ Novembru 2026: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna f’Jum it-Tifkira. Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta.

Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna

Għeżież ħuti,

Illum, f’Jum it-Tifkira, inġbarna flimkien biex infakkru l-miljuni ta’ nies li tilfu ħajjithom fiż-żewġ Gwerer Dinjija: suldati, baħrin, membri tal-forzi tal-ajru, kif ukoll għadd bla qies ta’ ċivili innoċenti.

Hawn Malta, niftakru b’mod partikulari fl-eluf ta’ rġiel u nisa li servew fil-forzi armati u li mietu jew li isimhom jinsab imfakkar f’xi monument fuq il-gżejjer tagħna, ’il bogħod minn djarhom u mill-familji tagħhom.

Għalkemm il-ġenerazzjonijiet iżgħar ma għexux it-tbatija li għaddew minnha l-gżejjer tagħna matul il-gwerra, aħna għandna wkoll id-dmir li nżommu ħajja din il-memorja u nagħtu ġieħ lill-Maltin u l-Għawdxin li nqatlu jew indarbu fil-bumbardamenti bla waqfien li ġarrbu l-gżejjer tagħna u li ħallew warajhom tant ħerba.

Iżda l-Kelma ta’ Alla li smajna llum tistedinna mmorru lil hinn mit-tifkira tal-imgħoddi. Tistedinna nirriflettu mhux biss fuq dawk li taw ħajjithom, iżda wkoll fuq it-tifsira
tas-sagrifiċċju tagħhom u fuq it-tama li toffrilna l-fidi tagħna.

Niftakru bit-tama Nisranija

Illum ma ġejniex għal din l-Ewkaristija biex niċċelebraw rebħiet militari, iżda biex nitolbu għall-mejtin, nafdawhom fil-ħniena ta’ Alla u niftakru li kull ħajja umana għandha dinjità li lanqas il-mewt stess ma tista’ teqridha.

Fit-tieni qari tal-lum, San Pawl ifakkarna li, għalkemm inħossu n-niket għat-telfa ta’ dawk li mietu, in-niket tagħna hu msieħeb mat-tama Nisranija li l-mewt mhijiex it-tmiem, u li, permezz tal-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, aħna għandna l-wegħda tal-ħajja ta’ dejjem.

Huwa f’dan l-ispirtu ta’ tifkira u tama li llum nagħtu ġieħ lil dawk kollha li tilfu ħajjithom fil-gwerra, fosthom il-ħafna li sabu l-aħħar mistrieħ tagħhom hawn Malta.

Dawk li ġew minn artijiet imbiegħda

Iċ-ċimiterji tal-gwerra tal-Commonwealth f’Malta jirrakkontaw storja tassew sinifikanti. Kważi 6,000 raġel u mara li servew fil-forzi tal-Commonwealth huma midfunin hawn jew imfakkra b’isimhom fuq monumenti.

Ġew mill-Gran Brittanja, l-Irlanda, l-Awstralja, New Zealand, il-Kanada, l-Indja, l-Afrika u minn artijiet imbiegħda oħra. Kienu jitkellmu lingwi differenti, ġejjin minn kulturi differenti u jħaddnu reliġjonijiet differenti.

Iżda llum ilkoll huma magħqudin fit-tifkira tagħna.

Wara kull isem kien hemm persuna, ħajja umana, familja li baqgħet tibki t-telfa tagħha, u tamiet u ħolm li qatt ma setgħu jitwettqu.

Xi wħud waslu Malta midruba jew morda serjament. Oħrajn servew fil-portijiet tagħna, fl-isptarijiet u fl-istabbilimenti militari. Għal ħafna minnhom, il-gżejjer tagħna saru l-post tal-aħħar mistrieħ tagħhom.

Ġew fostna bħala barranin minn artijiet imbiegħda. Bil-mewt tagħhom, saru parti mill-istorja tagħna. Illum nagħtuhom ġieħ bħala membri tal-familja waħda tal-bnedmin.

Ħafna minnhom kienu ċittadini barranin, nies li kienu ħallew warajhom djarhom u l-familji tagħhom, bħalma llum eluf ta’ persuni minn pajjiżi oħra ġew jgħixu u jaħdmu fostna.

U dan iqajjem fina mistoqsija importanti: Jekk illum nagħtu ġieħ lil dawk li ġew minn artijiet imbiegħda u mietu fuq din l-art tagħna, kif inħarsu lejn dawk li jiġu minn artijiet imbiegħda u li llum jgħixu u jaħdmu magħna? U, aktar importanti minn hekk, kif nittrattawhom?

L-għerf li jagħraf l-umanità li tgħaqqadna

L-ewwel qari tal-lum ifakkarna li l-għerf isibuh dawk li jfittxuh.

U żgur li parti minn dan l-għerf hi li nagħrfu l-umanità komuni tagħna, li nħarsu lil hinn mid-differenzi li jifirduna, u li nirrispettaw id-dinjità ta’ kull persuna, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħha, l-oriġini tagħha jew it-twemmin tagħha.

Iż-żewġ Gwerer Dinjija — u l-ħafna gwerer u kunflitti li seħħew minn dak iż-żmien ’l hawn — ifakkruna fil-konsegwenzi terribbli ta’ meta n-nazzjonaliżmu jinbidel f’mibegħda, meta d-differenzi jsiru raġuni għad-diskriminazzjoni, u meta tintesa d-dinjità tal-bniedem.

Illum, nies minn ħafna pajjiżi differenti jagħtu sehemhom fis-soċjetà Maltija. Jieħdu ħsieb l-anzjani tagħna, jaħdmu fl-isptarijiet tagħna, jibnu d-djar tagħna u jipprovdu servizzi essenzjali.

Huma wkoll għandhom il-familji tagħhom, it-tamiet tagħhom u l-ħolm tagħhom, bħalma kellhom l-eluf ta’ Maltin li, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, telqu minn art twelidhom biex ifittxu opportunitajiet aħjar u futur isbaħ għalihom u għall-familji tagħhom.

Kull pajjiż għandu d-dritt u r-responsabbiltà li jirregola l-immigrazzjoni u jħares il-liġijiet tiegħu. Dan huwa kemm leġittimu kif ukoll meħtieġ. Iżda l-ebda status legali jew klassifikazzjoni amministrattiva ma għandha qatt tnaqqas mid-dinjità fundamentali ta’ persuna.

Persuna tista’ tkun ikklassifikata mil-liġi bħala ċittadin ta’ pajjiż terz — jew TCN, kif drajna nsejħu lil dawk li aħna stess stedinna jiġu jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna — iżda ħadd mhu bniedem tat-tielet klassi f’għajnejn Alla. Ħadd.

Inżommu l-imsiebaħ tagħna mixgħula

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jirrakkonta l-parabbola tal-għaxar xebbiet. Ħamsa minnhom kienu għaqlin, għax żammew l-imsiebaħ tagħhom lesti.

F’dan il-Jum it-Tifkira, aħna wkoll imsejħin biex inżommu tliet imsiebaħ mixgħula.

Il-musbieħ tat-tifkira: biex ma ninsew qatt lil dawk li batew u mietu, u biex inħallu s-sagrifiċċju tagħhom idawwal l-għażliet li nagħmlu llum.

Il-musbieħ tal-għerf: biex nitgħallmu mill-istorja u nirreżistu l-preġudizzji, il-mibegħda u l-indifferenza.

Il-musbieħ tal-kompassjoni: biex nagħrfu d-dinjità ta’ dawk li huma vulnerabbli, imwarrbin jew ’il bogħod minn darhom.

Soċjetà ma tistax tgħid li tagħti ġieħ lill-mejtin tal-bieraħ, jekk fl-istess waqt tibqa’ indifferenti għad-dinjità tal-ħajjin tal-lum.

Malta: gżira tat-tifkira u tal-ospitalità

Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, Malta saret magħrufa bħala l-Infermiera tal-Mediterran, għax laqgħet u ħadet ħsieb eluf ta’ suldati midruba.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-poplu tagħna stess ġarrab il-bumbardamenti, il-ġuħ, il-qerda u l-mewt.

L-istorja tagħna tgħallimna kemm dwar it-tbatija li ġġib magħha l-gwerra, kif ukoll dwar l-importanza tas-solidarjetà.

Illum aħna msejħin biex inħarsu u nżommu ħaj dan l-ispirtu ta’ umanità, mhux billi nwarrbu l-identità tagħna, iżda billi nesprimu dak li hemm l-isbaħ fiha permezz tar-rispett, tal-kompassjoni u tal-ospitalità.

Niftakru fil-mejtin billi nirrispettaw lill-ħajjin

Għeżież ħuti, hekk kif nitolbu għall-mejtin u nagħtu ġieħ lit-tifkira tagħhom, ejjew niftakru li wieħed mill-isbaħ modi kif nistgħu nonorawhom huwa billi nibnu soċjetà aktar ġusta, aktar ħanina u aktar paċifika.

San Pawl isejħilna għat-tama. Il-Ktieb tal-Għerf isejħilna għad-dixxerniment. U Ġesù jsejħilna biex nibqgħu dejjem għassa.

Ejjew inżommu mixgħul il-musbieħ tat-tifkira, biex ma ninsew qatt; il-musbieħ tal-għerf, biex nitgħallmu mill-istorja; u l-musbieħ tal-kompassjoni, biex nagħrfu d-dinjità ta’ kull bniedem.

Jalla dawk li ġew minn artijiet imbiegħda u sabu l-aħħar mistrieħ tagħhom fuq art Maltija jispirawna biex nittrattaw b’dinjità u b’rispett lil dawk li llum jiġu minn artijiet imbiegħda biex jgħixu u jaħdmu fostna.

Jalla l-Mulej jagħti l-mistrieħ ta’ dejjem lil dawk kollha li mietu fil-gwerra, u jmexxina biex inkunu strumenti tal-paċi, tal-ġustizzja u tal-ħniena tiegħu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?