Insibu l-kuraġġ niltaqgħu ma’ min hu marid u mal-batut. Diskors mill-Arċisqof Charles J. Scicluna

Is-Sibt, 21 ta’ Novembru 2026: Diskors tal-għeluq mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù, Rabat.

Ritratt: Justin Gatt – Arċidjoċesi ta’ Malta

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Nixtieq nirringrazzja ħafna lil Sarah [Formosa] talli qasmet din l-esperjenza tagħha u wkoll tal-istedina li għamlitilna li ma nibżgħux nagħmlu l-parti tagħna u nsibu lill-Mulej magħna f’kull sitwazzjoni li nsibu ruħna fiha. Jien għandi messaġġ qasir għalikom. L-ewwel nett nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom hawnhekk illum imma wkoll nawguralkom. Nawgura li ħafna minnkom ikollkom l-esperjenza sabiħa li tipparteċipaw fil-World Youth Day. Din id-darba se tkun ’il bogħod. Jekk ma jirnexxilkomx din id-darba qisu li jekk ikollkom l-opportunità li tieħdu sehem f’World Youth Day, almenu iżjed qrib l-Ewropa, din l-esperjenza tagħmluha.

Waħda mill-affarijiet li tolqotni f’World Youth Day, jiena għamilt esperjenza qawwija meta kont għadni Isqof Awżiljarju fl-2013, u l-World Youth Day kienet f’Rio de Janeiro fil-Brażil. L-esperjenza li jkollok hija li qiegħed ma’ mijiet ta’ eluf ta’ persuni li bid-difetti kollha tagħna, bid-dgħufija kollha tagħna, nemmnu f’Ġesù. U dik hija esperjenza straordinarja li inti ma tħossokx waħdek, tħossok parti minn familja kbira.

It-tieni, inti tirrealizza li l-Knisja hija żagħżugħa, żagħżugħa daqskemm aħna żgħażagħ fil-qalb tagħna, għaliex Ġesù dejjem żagħżugħ fis-sens li l-Kelma tiegħu tibqa’ dejjem attwali.

Ħadt pjaċir nisma’ lil Sarah tgħidlikom li l-Evanġelju li aħna nipprietkaw, mhux tagħna, imma ta’ Ġesù. Mhuwiex a prosperity Gospel – Evanġelju li jwegħdek li kollox se jmur dejjem sew; imma jagħtik il-qawwa tikkonfronta ruħek mal-ħajja skont l-istaġun li tkun fih.  

Kelma oħra ta’ kuraġġ li nixtieq nagħmlilkom hija li tqisu li fil-ħajja tagħkom ta’ żgħażagħ u adulti tiltaqgħu ma’ Ġesù. Aħna nitkellmu ħafna dwar il-Knisja, nitkellmu dwar l-istituzzjoni, nitkellmu anki dwar id-difetti tal-Knisja, imma l-focus tagħna jrid ikun Ġesù. Kif tiltaqa’ ma’ Ġesù? Tiltaqa’ ma’ Ġesù fil-Kelma tiegħu, tiltaqa’ ma’ Ġesù fil-proxxmu.

L-Evanġelju li qed naqraw illum fil-festa ta’ Kristu Re, fil-festa ta’ Ġesù Sultan tad-dinja, jgħid hekk: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont għeri u libbistuni, kont barrani u lqajtuni, kont marid u fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 24: 31-43). U ngħidulu meta Ġesù? “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25: 44).

Allura jiena nħeġġiġkom ħafna li minn issa meta jkollkom l-opportunità tkunu ta’ għajnuna għal xi ħadd fil-bżonn jew minħabba s-solitudni, jew id-dipressjoni jew minħabba n-newrodiversità, jew minħabba sitwazzjonijiet familjari diffiċli ħafna, meta tiltaqa’ ma’ xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna,  tħarsux ’l hemm, imma tersqu lejn dak li jkun, tkunu tassew proxxmu – xi ħadd li huwa verament qrib ta’ min hu fil-bżonn. Għaliex dik l-esperjenza li nagħtu ħin lil xulxin – li  nissaportjaw lil xulxin hija imprezzabbli, m’għandix prezz u tagħti ferħ u paċi kbir.

Is-social media hija għodda straordinarja, illum bl-algorithms u l-AI iżjed u iżjed, imma importanti ħafna li fil-ħajja tagħna nsibu ħin għall-kuntatt personali.

Naf li wħud miż-żgħażagħ llum qed ibatu minħabba cyberbullying, qed ibatu wkoll minħabba vizzji speċjalment id-dipendenza mis-social media. Nixtieq nagħmlilkom kuraġġ. Is-social media hija għodda straordinarja, illum bl-algorithms u l-AI iżjed u iżjed, imma importanti ħafna li fil-ħajja tagħna nsibu ħin għall-kuntatt personali.

Tajjeb li nibagħtu messaġġi lil xulxin u li nkunu f’kuntatt permezz tas-social media, imma ħafna iżjed tajjeb li nagħtu ħin għal-laqgħa personali bejnietna, għax dik hija xi ħaġa li għandha kwalità umana superjuri u li l-ebda algorithm, l-ebda AI, l-ebda social media ma tista’ tagħtina. L-istess fil-laqgħa tagħna mal-foqra, mal-batuti ma’ Ġesù fil-fqir. Huwa importanti ħafna li mhux biss nikkontribwixxu mill-ftit li għandna, imma wkoll li jkollna l-kuraġġ li niltaqgħu ma’ min hu marid u mal-batut.

Xi ħaġa oħra li qed tiġini f’moħħi, u li kien jinsisti fuqha l-mibki Papa Franġisku, huwa li ma nitilfux kuntatt mal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna. Il-Papa Franġisku kien jissuġġerixxi li ż-żgħażagħ jidħlu fi djalogu mal-anzjani. Min għandu n-nanniet tiegħu għad għandu teżor. Mhux kulħadd jista’ jgawdi minn dan it-teżor. Tgħidli, in-nanniet tiegħi qegħdin il-ġenna; imma min għandu dan it-teżor, jew min jaf anzjani, mhux bilfors ikunu qraba tiegħek,  għandu jidħol f’kuntatt mal-għerf ta’ min għandu l-esperjenza tal-ħajja. Mhix kwistjoni ta’ degrees tal-università imma l-esperjenza tal-ħajja. Meta tisma’ anzjan/a jew nannu/a, qed tiltaqa’ ma’ xi ħadd li għadda mill-ħajja, bħalma inti għadek trid tgħaddi mill-ħajja.

L-aħħar ħsieb tiegħi. Ejjew nippruvaw inħallu d-dinja aħjar milli sibnieha. Kemm tkun ħaġa sabiħa li nagħmlu dan l-għan ta’ ħajjitna. Nitolbuh lill-Mulej: agħtini l-grazzja li nħalli d-dinja aħjar milli sibtha.

Fl-antik kien hemm assoċjazzjoni jisimha The Christophers. L-għan tagħhom kien li jippublikaw fuljetti bi kliem u ħsibijiet qosra. Kienu jaħdmu fil-ministeru taż-żgħażagħ fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet, naqra fl-antik testment għalikom. Kellhom dan il-motto li għadu attwali: it is better to light a candle than to curse the darkness. Illum tgħiduli, nuża l-ismartphone u nixgħel it-torċ, tajjeb ukoll, aħjar tagħmel hekk milli tisħet id-dlam.

Dan il-motto ifisser, li għalkemm jista’ jkollna fjamma ċkejkna, flimkien nistgħu negħlbu d-dlamijiet. Dik ix-xemgħa mixgħula hija l-imħabba tiegħek, l-għatx tiegħek għall-ġustizzja, is-solidarjetà tiegħek ma’ min hu batut, l-għatx tiegħek li fid-dinja jkun hemm verament ġustizzja u verità. Dik hija l-fjamma li jekk tħalliha tixgħel inkunu qegħdin flimkien, nagħtu risposta għad-dlamijiet tal-ħażen, tal-għira tal-mibgħeda, tal-ġlied.

Jiena nawguralkom ħafna. Qed nieħu pjaċir ukoll li hawn numru sabiħ għaliex intom imbagħad tirrealizzaw li m’intomx weħidkom tfittxu lil Ġesù. U nerġa’ nħeġġiġkom, jekk tridu li l-ħajja tagħkom tkun tgħum fil-paċi, iltaqgħu mal-Mulej Ġesù.

Nawguralkom kull ġid u barka.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?