DISKORS TA’ ĠWANNI PAWLU II LILL-KUNSILL PONTIFIĊJU GĦALL-FAMILJA.
Il-Ġimgħa, 24 ta’ Jannar 1997
Il-pastorali mad-divorżjati li jerġgħu jiżżewġu mill-ġdid
Sinjuri Kardinali, Maħbubin ħuti fl-Episkopat,
Għeżież ħuti!
- Jiena kuntent li qed nilqagħkom u nsellmilkom fl-okkażjoni tal-Assemblea Plenarja tal-Kunsill Pontifiċju għall-Familja. Nirringrazzja lill-president, il-Kardinal Alfonso López Trujillo għall-kliem ġentili li bih ta bidu għal din il-laqgħa li għandha importanza kbira. Infatti, it-tema għar-riflessjoni tagħkom – “Il-pastorali mad-divorżjati li jerġgħu jiżżewġu mill-ġdid” – illum tinsab fiċ-ċentru tal-attenzjoni u tat-tħassib tal-Knisja u tar-Ragħajja tagħha li jieħdu ħsieb l-erwieħ u li b’ġenerożità kontinwament jagħtu l-attenzjoni pastorali tagħhom lil dawk li jbatu minħabba sitwazzjonijiet diffiċli fil-familji tagħhom.
Il-Knisja ma tistax tibqa’ indifferenti quddiem problema li tikkawża daqshekk tbatija u li ħafna minn uliedha qed isibu ruħhom fiha. Fl-Eżortazzjoni Appostolika Familiaris consortio ġa kont stqarrejt li din il-pjaga, li qiegħda tħalli dejjem aktar l-effetti tagħha, anki fl-ambjenti kattoliċi, hi “problema li trid tiġi studjata mingħajr telf ta’ żmien” (Ġwanni Pawlu II, Familiaris consortio, n. 84). Il-Knisja, Omm u Għalliema, tfittex il-ġid u l-hena tal-ħajja tal-familja u meta din għal xi raġuni jew oħra tisfaxxa, il-Knisja tbati u tfittex li tipprovdi rimedju billi takkumpanja lil dawn il-persuni pastoralment, b’fedeltà sħiħa lejn it-tagħlim ta’ Kristu.
- Is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-familja li sar fl-1980 studja din is-sitwazzjoni ta’ tbatija u indika linji pastorali li jgħoddu għal ċirkustanzi ta’ din ix-xorta. Filwaqt li ħsibt fuq ir-riflessjonijiet tal-Padri Sinodali, fl-Eżortazzjoni Appostolika Familiaris consortio ktibt: “Il-Knisja, imwaqqfa biex twassal għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha u l-aktar lill-imgħammdin, ma tistax titlaq għal rashom lil dawk li, wara li ntrabtu biż-żwieġ sagrament, fittxew li jgħaddu mill-ġdid għal żwieġ ieħor. Għalhekk il-Knisja għandha tibqa’ dejjem tagħmel ħilitha kollha biex twasslilhom il-mezzi tagħha għas-salvazzjoni” (Familiaris consortio, n. 84).
Hu f’dan il-qasam pastorali, kif ġa ċċarajtu intom fil-preżentazzjoni tal-ħidmiet tagħkom għal din l-Assemblea Plenarja, li jinkwadraw ir-riflessjonijiet tal-laqgħa tagħkom, li l-għan tagħhom hu li jgħinu lill-familji jiskopru l-kobor tas-sejħa tagħhom li tiġi mill-Magħmudija u li jgħixu l-opri ta’ ħniena, karità u ndiema. L-għajnuna pastorali, iżda, tassumi li wieħed ikun jaf id-duttrina tal-Knisja li jagħtiha b’mod ċar ħafna l-Katekiżmu: “Il-Knisja m’għandhiex is-setgħa titkellem kontra dispożizzjoni magħmula mill-għerf ta’ Alla.” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n.1640).
B’danakollu, dawn l-irġiel u nisa jeħtieġ ikunu jafu li l-Knisja tħobbhom, li mhix ‘l bogħod minnhom u li tbati minħabba fis-sitwazzjoni tagħhom. Id-divorzjati li jiżżewġu mill-ġdid huma u jibqgħu membri tagħha, għax huma rċevew il-Magħmudija u jikkonservaw il-fidi nisranija. Ċertament, rabta ġdida wara d-divorzju hi diżordni morali, li tmur kontra dak li b’mod preċiż titlob il-fidi, imma dan m’għandux iwaqqaf l-impenn tat-talb jew li tingħata xhieda ħajja tal-karità.
- Kif ktibt fl-Eżortazzjoni Appostolika Familiaris consortio, id-divorzjati li jiżżewġu mill-ġdid ma jistgħux jieħdu sehem fil-komunjoni ewkaristika “għax il-qagħda u l-kundizzjoni tagħhom hi fiha nnifisha għal kollox kontra l-għaqda ta’ mħabba bejn Kristu u l-Knisja tiegħu, imħabba li tfisser u sseħħ fl-Ewkaristija” (Familiaris consortio, n. 84). U dan, bil-virtu’ tal-istess awtorità tal-Mulej, ir-Ragħaj tar-Ragħajja, li dejjem ifittex in-ngħaġ tiegħu. Dan jgħodd ukoll għas-sagrament tal-penitenza, għax il-qagħda tad-divorzjati li jerġgħu jiżżewġu mill-ġdid u jibqgħu f’dan l-istat ta’ ħajja, jirriżulta li tmur kontra l-konverżjoni u r-rikonċiljazzjoni, li flimkien jagħtu t-tifsira lil dan is-sagrament.
B’danakollu hemm toroq pastorali adattati biex wieħed jgħin lil dawn il-persuni. Il-Knisja tagħraf it-tbatijiet tagħhom u d-diffikultajiet gravi li jgħixu fihom, u bl-imħabba tagħha ta’ omm titħasseb dwarhom u dwar l-ulied li kellhom miż-żwieġ ta’ qabel: miċħuda mill-jedd għall-preżenza taż-żewġ ġenituri, dawn l-ulied huma l-ewwel vittmi ta’ ġrajjiet li jġibu magħhom ħafna uġigħ.
Qabel kollox hemm bżonn li b’urġenza tiġi stabbilita pastorali ta’ thejjija u ta’ sapport immedjat lill-koppji fil-mument tal-kriżi. Hawnhekk tidħol il-kwistjoni tat-tħabbira tad-don u tal-kmandament ta’ Kristu dwar iż-żwieġ. Ir-Ragħajja, speċjalment il-kappillani, jeħtieġ li b’qalb miftuħa jakkumpanjaw u jsostnu lil dawn l-irġiel u n-nisa billi jwassluhom biex jifhmu li anki meta r-rabta taż-żwieġ tinkiser, huma m’għandhomx jaqtgħu qalbhom mill-grazzja ta’ Alla, li tieħu ħsiebhom fil-mixja tagħhom. Il-Knisja ma tieqaf qatt “tistieden lil uliedha li jsibu ruħhom f’dawn is-sitwazzjonijiet dolorużi biex jersqu lejn il-ħniena divina minn toroq oħra…sakemm jasal il-waqt meta jkollhom id-dispożizzjonijiet mitluba” ( Ġwanni Pawlu II, Reconciliatio et Paenitentia, 34). Ir-Ragħajja “huma msejħin jgħinu lil dawn il-persuni jħossu l-imħabba ta’ Kristu u jħossu li l-Knisja Omm hi qrib tagħhom billi jilqgħuhom b’imħabba, billi jħeġġuhom jafdaw fil-ħniena ta’ Alla u billi bi prudenza u rispett jissuġġerulhom passi konkreti ta’ konverżjoni u ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja tal-komunità ekkleżjali” (Ittra tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi dwar i-tqarbin tal-fidili divorzjati li jiżżewġu mill-ġdid, 14 settembre 1994, n. 2). Il-Mulej, imqanqal mill-ħniena, jersaq lejn dawk kollha li huma fil-bżonn kemm b’dak kollu li titlob il-verità kif ukoll biż-żejt tal-imħabba.
4.Kif tista’ ma ssegwix bi tħassib is-sitwazzjoni ta’ ħafna, l-aktar f’nazzjonijiet ekonomikament żviluppati, fejn is-separazzjoni ġabithom qed jgħixu f’kundizzjoni ta’ abbandun, speċjalment meta għandek persuni li mhumiex ħatja għall-falliment taż-żwieġ tagħhom?
Meta koppja f’sitwazzjoni irregolari terġa’ lura biex tibda tipprattika l-ħajja nisranja jeħtieġ li tkun milqugħa b’imħabba u b’ġentilezza, filwaqt li wieħed jgħinha tiċċara l-qagħda konkreta li tkun tinsab fiha permezz ta’ ħidma pastorali mdawla u li ddawwal. Din il-pastorali ta’ merħba fraterna u evanġelika għal dawk li tilfu l-kuntatt mal-Knisja hi ta’ importanza kbira: hi l-ewwel pass meħtieġ biex huma jinserixxu ruħhom fil-prattika nisranija. Hemm bżonn li nqarrbuhom lejn is-smigħ tal-Kelma t’Alla u lejn it-talb, ngħinuhom jagħtu sehemhom fl-opri ta’ karità li l-Komunità nisranija twettaq biex tgħin lill-foqra u lil dawk fil-bżonn, u nqanqlu fihom l-ispirtu ta’ ndiema b’atti ta’ penitenza li jhejju lil qlubhom biex jilqgħu l-grazzja t’Alla.
Aspett importanti ħafna hu dak li għandu x’jaqsam mal-formazzjoni umana u nisranija tal-ulied li jitwieldu mill-unjoni l-ġdida. Meta twassalhom biex jagħrfu l-għerf kollu tal-Vanġelu, skont it-tagħlim tal-Knisja, tkun qed thejji b’mod meraviljuż il-qlub ta’ ġenituri biex jirċievu l-qawwa u ċ-ċarezza meħtieġa ħalli jegħlbu d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom u biex jerġgħu jakkwistaw it-trasparenza sħiħa tal-misteru ta’ Kristu li ż-żwieġ nisrani jfisser u jwettaq. Ħidma oħra speċjali, diffiċli, imma bżonnjuża hi dik li tirrigwarda wkoll il-membri l-oħra, li b’mod jew b’ieħor, jagħmlu parti mill-familja. B’viċinanza, li m’għandhiex titqies bħala kondixxendenza, dawn għandhom jgħinu lill-għeżież tagħhom, b’mod partikulari lit-tfal, li minħabba l-età tenera tagħhom iħossu ħafna aktar il-konsegwenzi li ġġib magħha s-sitwazzjoni tal-ġenituri tagħhom.
Għeżież ħuti, illum minn qalbi nixtieq nirrakkumandalkom li jkollkom fiduċja f’dawk kollha li jgħixu sitwazzjonijiet daqshekk drammatiċi u dolorużi. Qatt m’għandna niefqu “nittamaw anki meta ma jkollna ebda tama” (ara Rm 4, 18), li dawk li jinsabu f’sitwazzjoni li ma taqbilx mar-rieda tal-Mulej ukoll jistgħu jaqilgħu mingħandu s-salvazzjoni, jekk huma jagħrfu jipperseveraw fit-talb, fil-penitenza u fl-imħabba vera.
- Fl-aħħarnett, nirringrazzjakom tal-kollaborazzjoni tagħkom bi thejjija għat-tieni Laqgħa Dinjija tal-Familji li ser issir f’Rio de Janeiro, fl-4 u 5 ta’ Ottubru li ġej. L-istedina tiegħi ta’ missier hi l-familji tad-dinja kollha jhejju ruħhom għal din il-laqgħa bit-talb u bir-riflessjoni. Naf li għal dawk il-familji li ma jistgħux jieħdu sehem f’dan l-appuntament, thejjiet għodda li ta’ siwi għal kulħadd: qed ngħid għal katekeżi li ser issir biex tkun ta’ dawl għall-gruppi parrokkjali, għall-assoċjazzjonijiet, għall-movimenti tal-familja u biex din tħeġġiġhom jidħlu dejjem aktar fil-fond dwar temi importanti li għandhom x’jaqsmu mal-familja.
Niżgurakom mit-talb tiegħi biex il-ħidma tagħkom tagħti s-sehem tagħha ħalli s-sagrament taż-żwieġ jikseb mill-ġdid dak il-ferħ u dik il-freskezza dejjiema li l-Mulej tah meta għollieh għad-dinjità ta’ sagrament.
Filwaqt li nawguralkom li tkunu xhieda ġenerużi u attenti tal-interess kbir li l-Knisja għandha fil-familji, minn qalbi nagħti l-Barka tiegħi lilkom u lil dawk kollha għeżież għalikom.
Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard.