Reconciliatio et Paenitentia tal-Papa Ġwanni Pawlu II


EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA POST-SINODALI
RIKONĊILJAZZJONI U PENITENZA

TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II
2 ta’ Diċembru 1984


DAĦLA

KIF BEDA U X’IFISSER ID-DOKUMENT


1. Meta nitkellmu dwar konċiljazzjoni u peniteza man-nies tal-lum, inkunu qegħdin nistednuhom jagħarfu mill-ġdid u jaqilbu fi kliemhom dak li Ġesu’ Kristu, il-Feddej u l-Imgħallem tagħna qal fil-bidu tal-missjoni tiegħu: “Indmu, u emmnu fil-Bxara t-tajba”[1], jiġifieri, ilqgħu l-bxara t-tajba  tal-imħabba, ilqgħu l-bxara t-tajba li intom sirtu wlied addottivi ta’ Alla, u għalhekk aħwa bejnietkom.

Għaliex il-Knisja qiegħda terġa’ titkellem fuq din l-istedina u terġa’ tagħmilha?

Il-Knisja dan qiegħda tagħmlu, għaliex trid tkun taf u tifhem aħjar il-bniedem tal-lum u d-dinja ta’ żmienna, għaliex trid tħoll il-problemi tagħhom u turi l-misteri tagħhom, għaliex trid tara x’hemm tajjeb u ħażin li qiegħed jitqanqal fihom.

Ix-xewqa li jkunu jafu aħjar u jifhmu l-bniedem tal-lum u d-dinja ta’ żmienna, li jħollu l-problemi tagħhom u jagħarfu l-misteru tagħhom, li jintebħu bit-tajjeb u l-ħażin li jitqanqal bla heda fihom, ilha twassal ‘l ħafna nies biex jitfgħu ħarsithom fuq il-bniedem u d-dinja ħa jagħarbluhom sewwa. Dawn in-nies huma kemm kittieba tal-ġrajjiet tal-bniedem u kemm soċjoloġi, kemm filosofi u kemm mistiċi, imma aktar minn kulħadd qegħdin iħarsu, b’ħarsa ta’ tħassib u ta’ tama kbira, lejn il-bniedem u d-dinja, ir-ragħajja tal-erwieħ.


Dan kollu jidher, b’mod tassew tal-għaġeb, f’kull paġna tal-Kostituzzjoni Pastorali tal-Konċilju Vatikan II Gaudium et Spes dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum, u l-aktar fid-daħla tagħha, daħla li tgħid ħafna u tgħidu bi kliem meqjus ħafna. Dan jidher ukoll f’xi dokumenti li juru l-għerf u l-imħabba pastorali kollha tal-papiet ta’ qabli, il-papiet li tul il-pontifikat taghhom seħħet dik il-ġrajja storika u profetika li hi l-Konċilju Ekumeniku.


Flimkien ma’ oħrajn, ir-ragħajja tal-erwieħ għandhom huma wkoll jintebħu li, fost il-ħafna ħwejjeġ xejn sbieħ tad-dinja u tal-bniedem tal-lum, hemm ukoll il-firdiet bejniethom, kbar u ta’ min jitħassarhom ħafna. 


Dinja mfarrka

2. Dawn il-firdiet narawhom bejn bniedem u ieħor, bejn grupp u ieħor, imma narawhom ukoll f’livell aktar għoli: bejn nazzjoni u oħra, bejn blokki ta’ nazzjonijiet moħhom biss jaraw kif se jaħkmu. U m’hijiex ħaġa tqila tara li l-għerq ta’ dan kollu huma l-ġlied u l-piki li, flok jintrebħu bi djalogu, qegħdin jiħraxu b’tilwim u kontrasti.


Dawk li qegħdin jagħarblu dan bl-għaqal kollu u jistħarrġu x’inhu li qiegħed iġib dawn il-firdiet, insibu li l-kawżi huma ħafna: mid-differenzi dejjem jikbru, bejn grupp u ieħor, bejn klassi soċjali u oħra, bejn pajjiż u ieħor, naslu għall-ġlied dwar ideoloġiji li bla ebda mod ma ntemmu fix-xejn; minn oppożizzjoni minħabba interessi ekonomiċi għall-polarizzazzjoni fil-politika; minn differenzi bejn tribu’ u oħra għad-diskriminazzjoni minħabba raġunijiet reliġjużi jew soċjali. Barra dan, hemm fatti, li jaf bihom kulħadd, u li juru x’ħasra hija l-firda li minnha ħerġin dawn il-fatti, li huma tant koroh li ma tistax taħrab minnhom. Fost il-fenomeni soċjali ta’ żminijietna, ta’ min jitħassarhom, nistgħu nsemmu:


– it-tkasbir tad-drittijiet ewlenin tal-bniedem, drittijiet li l-ewwel wieħed fosthom huwa d-dritt għall-ħajja u għal sura xierqa ta’ ħajja, tkasbir li huwa wisq aktar ta’ skandlu għaliex hu msieħeb ma’ ħafna diskors fieragħ dwar dawn id-drittijiet, diskors li qatt qabel ma kien jingħad;

– theddid u pressjonijiet moħbija kontra l-liberta’ tal-individwu u tal-gruppi, kontra dik il-liberta’ wkoll li hi l-aktar mkasbra u mhedda: il-liberta’ li tistqarr il-fidi tiegħek; 

– is-suriet kollha ta’ diskriminazzjoni: minħabba razza, kultura, reliġjon, eċċ.;
– il-vjolenza u t-terroriżmu;

– l-użu tat-tortura u mezzi ta’ trażżin li jmorru kontra l-liġi u kontra l-ġustizzja;
– il-ħażna ta’ armi konvenzjonali u ta’ armi atomiċ, il-ġirja għall-armi tal-gwerra b’infieq għal skopijiet militari ta’ somom kbar ta’ flus li jistgħu jiġu wżati ħa jtaffu l-miżerja ta’ popli sħaħ li qegħdin igħixu f’qagħda soċjali u ekonomika mill-agħar; 
– tqassim mhux xieraq tal-ġid tad-dinja u ta’ dak li nkiseb miċ-ċivilta’, tqassim li jilħaq il-qofol tiegħu f’dik is-sura ta’ organizzazzjoni soċjali fejn dejjem aktar qiegħda tikber il-firda bejn il-kondizzjonijiet li fihom qed igħixu l-għonja u l-kondizzjonijiet li fihom qed igħxu l-fqar[2]. Il-kobor bla qies ta’ din il-firda qiegħda tfarrak id-dinja li fiha qegħdin ngħixu llum sa mill-pedamenti tagħha[3].

Barra dan, il-Knisja – mingħajr ma tqis ruħha ħaġa waħda mad-dinja jew  tad-dinja – hi fid-dinja, u fi djalogu dejjem sejjer mad-dinja[4]. Għalhekk mhijiex ħaġa li biha wieħed jistagħġeb, jekk il-firda li hemm fis-soċjeta’ tal-bniedmin, tinħass fl-istruttura stess tal-Knisja u fiha jidhru s-sinjali tagħha. Barra l-firdiet bejn l-insara li ilhom il-mijiet ta’ snin iġarrbuha, il-Knisja llum qed tiltaqa’ xi kull tant ‘l hawn u ‘l hemm b’firdiet fost il-membri tagħha stess, firdiet ġejjin minn fehmiet u għażliet li ma jaqblux ma’ xulxin, fl-oqsma tal-fidi u tal-ħidma pastorali [5]. Xi kull tant dawn il-firdiet jidhru qishom ma humiex se jitfejqu qatt.


Għalkemm dawn il-firdiet għall-ewwel iqanqluk ħafna, biss wara stħarriġ sewwa tasal biex isib l-għerq tagħhom: l-għerq qiegħed fil-ġerħa li hemm fil-qiegħ stess tal-qalb tal-bniedem. Fid-dawl tal-fidi din il-ġerħa aħna nsejħulha dnub: mid-dnub  tan-nisel, li aħna lkoll inġorru minn twelidna bħala wirt li ħallielna l-ewwel bniedem, sad-dnubiet li kull wieħed minna jagħmel meta jabbuża mil-liberta’ tiegħu.

Il-ħerqa għar-rikonċiljazzjoni


3. Iżda, dan l-istħarriġ, jekk nagħmluh bil-għaqal, jwassalna biex nintebħu li, waqt li hawn din il-firda kollha, fost in-nies ta’ rieda tajba u fost il-veri nsara hemm xewqa kbira, li wieħed ma jistax ifissirha bil-kliem, li jintemmu l-firdiet, jitfejqu l-ġerħat u jerġa’ jkun hemm għaqda sħiħa f’kull livell tas-soċjeta’. Din ix-xewqa twassal lil ħafna għal xewqa sħiħ f’kull livell tas-soċjeta’. Din ix-xewqa twassal lil ħafna għal xewqa kbira tar-rikonċiljazzjoni, għalkemm mhux dejjem jużaw din il-kelma.


Xi wħud jaħsbu li r-rikonċiljazzjoni hi qisha ħolma li tista’ tkun ideal li jwassal is-soċjeta’ għall-bidla sħiħa fiha nfisha. Oħrajn jaħsbu li r-rikonċiljazzjoni tista’ sseħħ biss b’ħidma iebsa ħafna, u għalhekk ma tinkisibx jekk mhux permezz ta’ ħsieb u ta’ ħidma tassew serja. Hu x’inhu, din ix-xewqa għal rikonċiljazzjoni, xewqa ħierġa mill-qalb u konsistenti, hi żgur qawwa fondamentali li qiegħda timbotta ‘l quddiem is-soċjeta’ tagħna, ħa tikseb il-paċi b’rieda li xejn ma jista’ jżommha. U din ix-xewqa hi qawwija daqs kemm huma qawwija l-fatturi li qegħdin iġibu l-firda, għalkemm mhux hekk jaħsbu n-nies.


Iżda r-rikonċiljazzjoni trid isseħħ fil-fond tal-qlub daqs kemm hi l-firda fil-fond tal-qlub. Ix-xewqa għar-rikonċiljazzjoni, u l-istess rikonċiljazzjoni, ikunu sħaħ u jseħħu daqskemm jaslu biex ifejqu l-ġerħa tal-bidu li minnha ħarġu l-ġrieħi l-oħra kollha, jiġifieri, id-dnub. 

Il-fehma tas-Sinodu
4. Ghalħekk kull istituzzjoni jew organizzazzjoni li bħala għan għandha li taqdi l-bniedem u ssalvah fid-dimensjonijiet fundamentali tiegħu, trid tistudja sewwa r-rikonċiljazzjoni, biex tifhem aħjar x’inhi u xi tfisser, ħalli minn dan l-istudju tasal biex tara x’għandu jsir.


Il-Knisja ta’ Ġesu’ Kristu ma naqsitx li tagħmel dan l-istudju. Bil-ħerqa ta’ Omm u bid-dehen ta’ Għalliem, il-Knisja fittxet bil-ħeġġa kollha u bl-għaqal kollu mhux biss li tagħraf x’sinjali ta’ firda hemm fis-soċjeta’, imma x’sinjali mhux inqas qawwija hemm li juru xewqa kbira li jinsabu l-mezzi kollha ħa sseħħ ir-rikonċiljazzjoni. Għax il-Knisja taf li b’mod speċjali għandha l-ħila, u ngħatatilha l-missjoni li tgħarraf x’inhu t-tifsir veru, kollu kemm hu reliġjuż, tar-rikonċiljazzjoni u x’inhu l-għan sħiħ taghħa. Il-Knisja għalhekk ġa qiegħda tgħin ħa jidhru b’mod aktar ċar x’inhuma l-punti essenzjali tal-problema tal-għaqda u s-sliem.


Il-Papiet ta’ qalbi bla heda xandru r-rikonċiljazzjoni l-bnedmin kollha tad-dinja u kull grupp u kull qasam tal-komunità tal-bnedmin li rawha midruba u maqsuma[6]. Jien ukoll, imqanqal fiha nnifsi – u jiena żgur li dan kien ġej mis-sema u mill-appelli tan-nies tad-dinja – ridt nagħfas fuq dan il-ħsieb tar-rikonċiljazzjoni, u li dan nagħmlu b’żewġ manjeri, it-tnejn solenni, u t-tnejn jitolbu impenn kbir. L-ewwel manjera kienet is-sejħa tas-Sitt Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet; u t-tieni manjera kienet iċ-ċelebrazzjoni tal-1950 anniversarju tal-Fidwa b’Ġublew straordinarju li bħala l-qofol tiegħu kellu r-rikonċiljazzjoni[7]. Kelli nagħżel suġġett għas-Sinodu, u meta ġejt biex naqbel mas-suġġeriment magħmul lili minn ħafna minn ħuti fl-Episkopat, jiġifieri li nagħżel bħala suġġett tas-Sinodu r-rikonċiljazzjoni, b’rabta sħiħa mal-penitenza[8], suġġet li għandu jagħti kotra ta’ frott.

Il-kelma penitenza, l-istess fehma ta’ peniteza, għandha aktar minn tifsira waħda. Jekk norbtu l-kelma penitenza mal-kelma metanoia li fuqha jitkellmu l-Evanġelji sinottiċi, il-kelma penitenza tfisser il-bidla li sseħħ fil-fond tal-qalb permezz tal-kelma ta’ Alla għas-Saltna tas-Sema[9]. Iżda l-kelma penitenza tista’ tfisser ukoll bidla sħiħa ta’ ħajja li tkun taqbel mal-bidla fil-qalb, u f’dan il-każ tagħmel penitenza jfisser li mbagħad tasal biex tagħti ħafna frott tajjeb mill-penitenza[10]: il-ħajja tiegħek kollha kemm hi tkun ħajja ta’ penitenza, jiġifieri tkun ħajja tfittex li titjieb dejjem aktar. Iżda tagħmel penitenza tkun ħaġa tassew vera u effikaċi biss jekk verament tagħmel egħmil ta’ penitenza u turi sinjali tagħha. U f’dan il-każ penitenza tfisser, fid-dizzjunarju tat-teoloġija u tal-ispiritwalita’ nisranija, axxetiżmu, jiġifieri l-isforz li kuljum tassew jagħmel bniedem, megħjun bil-grazzja ta’ Alla, biex jitlef ħajtu għal Kristu għaliex hekk biss jista’ jsalvaha[11], sforz biex jinża’ l-bniedem il-qadim u jilbes il-ġdid[12], sforz biex jirbaħ fih imnifsu dak li hu tal-ġisem ħa jkun minn fuq dak li hu tal-ispirtu[13],sforz bla mistrieħ biex jintrefa’ ‘l fuq mill-ħwejjeġ tal-art għal dawk tas-sema, fejn hemm Kristu[14]. Il-penitenza hi għalhekk bidla li toħroġ fil-qalb u turi ruħha fl-egħmil u mbagħad fil-ħajja kollha kemm hi tan-nisrani.


F’kull waħda minn dawn it-tifsiriet, il-kelma penitenza hi marbuta sewwa mar-
rikonċiljazzjoni, għaliex ir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla, miegħek innifsek u mal-oħrajn titlob li tegħleb għal kollox dik il-firda f’qalb il-bniedem, li hu d-dnub. U dan jinkiseb biss b’bidla sħiħa fir-ruħ, konvenżjoni li tagħti l-frott tagħha fil-ħajja tal-bniedem permezz ta’ egħmil ta’ penitenza.


Id-dokument bażiku tas-Sinodu (imsejjaħ ukoll Lineamenta), li tħejja biss bil-għan li juri x’inhu s-suġġett b’enfasi fuq xi aspetti fondamentali tiegħu, kien ta’ għajnuna kbira għajnuna għall-kommunitajiet ekklesjali kollha tad-dinja, biex tul sentejn sħaħ, jaħsbu fuq dawn l-aspetti ta’ problema – dik tal-konverżjoni u r-rikonċiljazzjoni – li tolqot lil kulħadd. Id-dokument għen ukoll biex jagħti ħeġġa ġdida għall-ħajja u l-appostolat nisrani. Is-suġġett fiż-żmien din it-thejjija, beda jiġi studjat aktar fil-fond, aktar ma qorob iż-żmien tas-Sinodu, permezz ta’ l-instrumentum laborisli, f’ħin waqtu, intbgħat lill-isqfijiet kollha u lil dawk li jgħinuhom. Wara dan, l-isqfijiet tas-Sinodu, bl-għajnuna ta’ dawk kollha li ġew imsejħa biex jieħu sehem fis-sezzjonijiet, għaddew xahar sħiħ jistudjaw bil-għaqal kollu s-suġġett fih innifsu, flimkien mal-ħafna kwistjonijiet ta’ kull xorta li hemm marbutin miegħu. Mid-diskussjonijiet li saru, mill-istudju flimkien, u mix-xogħol li sar, bid-dehen u r-reqqa kollha, ħareġ teżor kbir u għażiż ta’ tagħlim li, fil-qofol tiegħu, ġie miġbur fil-Propositiones tal-aħħar tas-Sinodu.


Is-Sinodu ma warrabx fil-ġenb fl-istudju tiegħu, dak l-egħmil kollu ta’ rikonċiljazzjoni (u xi egħmil minn dan spiss wieħed bil-kemm jintebaħ bih, għax hu xi ħaġa ta’ kuljum), li, b’mod jew ieħor, ftit jew wisq, jasal biex iġib fix-xejn ħafna tensjonijiet, jegħleb ħafna ġlied, jirbaħ firdiet kbar u żgħar, u hekk isseħħ mill-ġdid l-għaqda. Iżda l-ħsieb ewlenin tas-Sinodu kien li fil-fond ta’ dan l-egħmil kollu ‘l u ‘l hemm jipprova jsib l-għerq moħbi, dik ir-rikonċiljazzjoni, li tinsab fil-fond, biex ngħidu hekk, tal-qalb u l-kuxjenz tal-bniedem u hemm taħdem.


Il-kariżma tal-Knisja u n-natura tagħha dwar kif u kemm isseħħ ir-rikonċiljazzjoni narawha fil-fatt li l-Knisja dejjem tasal sal-fond tal-qalb minn fejn tibda r-rikonċiljazzjoni. Dan għaliex il-missjoni essenzjali tal-Knisja hija dik li tasal sal-għerq tal-ġerħa li ħalla d-dnub tal-bidu fil-bniedem, biex tfejqu minnha, u ġġib mill-ġdid, biex ngħidu hekk, dik il-ħbiberija tal-bidu, li hi l-bidu żgur ta’ kull rikonċiljazzjoni vera. Din hi r-rikonċiljazzjoni li fiha taħseb il-Knisja, u li tqieset tul il-laqgħat tas-Sinodu.


L-Iskrittura tkellimna fuq din ir-rikoinċiljazzjoni u tistedinna nagħmlu kull sforz biex niksbuha[15]. Iżda l-Iskrittura tgħidilna wkoll li r-rikonċiljazzjoni hija fuq kollox don tal-ħniena t’Alla lill-familja kollha tal-bniedem[16]. Il-ġrajja tas-salvazzjoni – is-salvazzjoni tal-familja kollha tal-bnedmin, u ta’ kull bniedem f’kull żmien – hija l-ġrajja tal-għaġeb tar-rikonċiljazzjoni: ir-rikonċiljazzjoni li Alla bħala Missier, fid-Demm u s-Salib ta’ Ibnu magħmul bniedem, iħabbeb id-dinja miegħu u hekk joħloq il-familja ġdida ta’ dawk li tħabbu mill-ġdid miegħu.

Ir-rikonċiljazzjoni saret meħtieġa minħabba l-firda li ġab id-dnub, li minnha tiġi kull firda oħra fil-bniedem u f’kull ma hemm madwar il-bniedem. Ir-rikonċiljazzjoni għalhekk, biex tkun sħiħa, teħtieġ bilfors il-ħelsien mid-dnub, li għandu jiġi mwarrab għal kollox sa mill-qiegħ ta’ egħruqu kollha. Għalhekk hemm rabta’ sħiħa bejn il-konvenrżjoni u r-rikonċiljazzjoni.Ma jistax ikun tifridhom minn xulxin jew titkellem fuq waħda mingħajr ma ssemmi l-oħra.

Is-Sinodu tkellem ukoll dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-familja kollha tal-bniedem u dwar il-konvenżjoni tal-qalb ta’ kull bniedem, u dwar li kull bniedem jeħtieġlu jerġa’ lura lejn Alla. Is-Sinodu għmel dan għax ried jagħraf u jxandar il-fatt li ma jistax ikun hemm għaqda bejn il-popli jekk ma jkunx hemm bidla fil-qalb ta’ kull bniedem. It-triq li twassal għall-ftehim bejn il-bniedemhija l-konverżjoni ta’ kull wieħed[17]. Meta l-Knisja xxandar l-Aħbar tajba tar-rikonċiljazzjoni jew tfittex li r-rikonċiljazzjoni tinkiseb bis-Sagramenti, hi tkun qiegħda verament taqdi missjoni profetika, għax tkun tikkundana d-deni tal-bniedem fl-egħruq imħassra tiegħu, u turi minn liema egħruq toħroġ il-firda; dan tagħmlu waqt li ssaħħaħ it-tama li t-tensjonijiet u l-ġlied jistgħu jintrebħu jekk ikun hemm imħabba bejn l-aħwa, ftehim u sliem bejn il-klassijiet kollha u l-livelli kollha tas-soċjeta’ tal-bniedmin. Il-Knisja tkun qiegħda tbiddel il-qagħda storika ta’ mibegħda u vjolenza f’qagħda ta’ mħabba (ċivilta’ ta’ mħabba). Qiegħda toffri ‘l kulħadd  il-prinċipju evanġeliku u sagramentali ta’ dik ir-rikonċiljazzjoni fil-bidu tagħha, minn fejn joħroġ kull egħmil u kull ġest ta’ rikonċiljazzjoni ukoll fil-livell tas-soċjeta’.

Hi din ir-rikonċiljazzjoni, frott tal-konverżjoni, li fuqha ser nitkellem f’din l-esortazzjoni Appostolika. Għax, kif ġara fi tmiem it-tliet Sinodi ta’ qabel dan is-Sinodu, din id-darba wkoll l-isqfijiet li ħadu sehem fih, wasslu l-konklużjonijiet tal-ħidma tagħhom fis-Sinodu lill-isqof ta’ Ruma, ir-Ragħaj tal-Knisja kollha u r-Ras tal-kulleġġ tal-isqfijiet, bħala President tas-Sinodu. Ilqajt bil-qalb bħala dmir tal-ministeru tiegħi li noħroġ minn dak kollu li għamel is-Sinodu – u huwa ħafna – u noffrih lill-poplu, bħala frott tas-Sinodu, messaġġ pastorali ta’ tagħlim dwar il-penitenza u r-rikonċiljazzjoni. Fl-ewwel taqsima se nitkellem dwar il-Knisja hija u taqdi l-missjoni tagħha ta’ rikonċiljazzjoni, fil-ħidma tagħha għall-konverżjoni tal-qlub biex isseħħ ħbiberija ġdida bejn Alla u l-bniedem, bejn bniedem u ieħor, bejn il-bnedmin u l-ħolqien kollu. Fit-tieni taqsima se nuri x’mezzi għandha l-Knisja biex tista’ ġġib ‘il quddiem rikonċiljazzjoni sħiħa bejn Alla u l-bniedmin u tal-bnedmin bejniethom u tħeġġeġ għaliha.


Dan id-dokument li se nafda f’idejn ulied il-Knisja u f’idejn dawk kollha li, jemmnu jew ma jemmnux, iħarsu lejn il-Knisja b’interess u sinċerita’, nixtiequ jkun tweġiba xierqa għal dak li s-Sinodu talabni nagħmel.  Imma hu wkoll – u dan irrid ngħidu ċar u tond bħal dmir tiegħi lejn il-verita’ u l-ġustizzja – dokument magħmul mis-Sinodu stess. Għax kull ma hawn f’dan id-dokument ġej mis-Sinodu, mit-tħejjija li saret għalih, mit-tħejja li saret mill-bidu sat-tħejja meta wasal biex jibda, mill-istrumentum laboris,mill-interventi li saru fis-sala tas-Sinodu u fiċ-ċirculiminores,u l-aktar mis-sitta u tletin Propositiones. F’dan id-dokument għandna r-riżultat tal-ħidma flimkien tal-isqfijiet, li fosthom kien hemm ukoll ir-rappreżentanti tal-knejjes tal-lvant, li għandhom wirt teoloġiku, spiritwali u liturġiku tassew għani u jistħoqqlu kull ġieh, ukoll dwar dak li fuqu jitkellem dan id-dokument.  Barra dan, kien is-Segretarjat tas-Sinodu, li f’żewġ laqgħat importanti, qies sewwa s-siwi ta’ dak li ħareġ mis-Sinodu u x’kien dak li riedu dawk li ħadu sehem: dan sar malli ntemm is-Sinodu, u s-Segretarjat tas-Sinodu b’hekk wera kif kien l-aħjar li jithejja dan id-dokument. Jien nafulhom sewwa x-xogħol li għamlu dawn kollha, u f’fedelta’ sħiħa lejn il-missjoni tiegħi, nixtieq inwassal lil kulħadd kull ma nġabar mit-teżor ta’ tagħlim u ta’ pastorali tas-Sinodu li deherli hu ta’siwi kbir għall-ħajja tal-bniedem f’dan iż-żmien hekk iebes imma hekk sabiħ ukoll.


Hi ħaġa tajba – u dan ifisser ħafna – li jien dan qed nagħmlu meta n-nies għadhom jiftakru fis-Sena Mqaddsa li għexna bi spirtu ta’ penitenza, konverżjoni u rikonċiljazzjoni. Jalla din l-esortazzjoni, li qiegħed nafda f’idejn ħuti fl-Episkopat, u f’idejn dawk kollha li qed igħinuhom, f’idejn is-saċerdoti u d-djakni, f’idejn ir-reliġjużi rġiel u nisa, f’idejn il-bnedmin kollha- ta’ rieda tajba, tkun nezz li bih issaffu, igħixu u jkabbru l-fidi tagħhom. Jalla tkum bħal ħmira tajba biex tkabbar fid-dinja s-sliem u l-imħabba tal-aħwa, it-tama u l-ferħ – valuri li joħorġu mill-Evanġelju, valuri li wieħed jilqa’, jaħseb fuqhom u jgħixhom, min jum għall-ieħor, bħal Marija, Omm Sidna Ġesu’ Kristu, li bih Alla għoġbu jħabbeb kollox mill-ġdid miegħu[18].

L-EWWEL TAQSIMA

KONVERŻJONI U RIKONĊILJAZZJONI
IL-ĦIDMA U L-IMPENN TAL-KNISJA

Kap I

PARABBOLA TA’ RIKONĊILJAZZJONI

5. Fil-bidu ta’ din l-Esortazzjoni Appostolika rrid niftakar f’din is-silta’ hekk tal-għaġeb tal-Evanġelju ta’ San Luqa, silta’ li tagħha ġa ppruvajt nuri, f’dokument ieħor[19], x’tifsir reliġjuż għoli għandna għall-bniedem. Qiegħed nitkellem dwar il-parabbola tal-Iben il-ħali[20].


Dak li kien intilef

“Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. U ż-żgħir qal lil missieru, “Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.” Hekk qal Ġesu’ huwa u jagħti bidu għall-ġrajja ta’ qsim il-qalb ta’ dak iż-żagħżugħ: it-tluq tiegħu minn dar missieru, it-tberbiq ta’ ġidu kollu f’ħajja mtajra u vojta, il-jiem imdallma, tal-eżilju u l-ġuħ, u, l-mistħija, u mbagħad ix-xewqa kbira li jerġa’ lura f’dan missieru, il-kuraġġ li jerġa’ lura, il-laqgħa li għamillu missieru. Il-missier ma kienx nesa lil ibnu, anzi baqa’ jħobbu u jistmah. Għalhekk qagħad jistennieh, u issa ħaddnu miegħu, u ordna li ssir festa kbira għax reġa’ lura dak li “kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab”.


L-Iben il-ħali huwa l-bniedem – kull bniedem – imsaħħar mill-ħajra li jinfired minn Missieru ħa jgħix għal rasu, imqarraq minn ħolma fiergħa li saħħritu; waħdu, bla ġieh, sfruttat meta pprova jibni dinja kollha għalih; imġarrab bl-ikrah, ukoll fil-qofol tal-miżerja tiegħu, mix-xewqa li jerġa’ għal ħbiberija ta’ Missieru. Bħal missier tal-parabbola, Alla jistenna ‘l ibnu jerġa’ lura għandu, iħaddnu miegħu meta jerġa’ lura u jagħmel ikla ta’ festa għax ibnu reġa’ għandu u f’din l-ikla jiċċelebra l-ħbiberija li seħħet mill-ġdid. 


Il-ħaġa li l-aktar tolqotna f’din il-parabbola huwa l-ferħ kollu mħabba li bih il-missier laqa’ ‘l ibnu li reġa’ lura għandu: hi sinjal tal-ħniena ta’ Alla, dejjem lest biex jaħfer. Ħa ngħidu mela minnufih li r-rikonċiljazzjoni hija fuq kollox don ta’ Missierna li hu fis-smewwiet.


…dak li baqa’ d-dar

6. Il-parabbola ssemmi wkoll il-kbir fost iż-żewġt aħwa, dak li ma riedx jieħu postu fl-ikla. Iċanfar lil ħuh iżgħar minnu għall-ħażen li għmel u jċanfar lil missieru għall-mod kif laqa’ ‘l ibnu l-ħali, waqt li hu, il-kbir, li dejjem għex ħajja ta’ rażan u ta’ ħidma bla mistrieħ, qatt – qal – ma ngħatalu gidi biex jagħmel ikla ma’ ħbiebu. Dan juri li hu ma fehemx it-tjieba ta’ missieru. Sakemm dan il-kbir fost l-aħwa, hekk żgur minnu nnifsu u mill-kwalitajiet tajba tiegħu, għajjur u supperv, kollu mrar u għadab, ikun għadu ma biddilx fehmtu u tħabbeb ma’ missieru u ma’ ħuh, l-ikla m’hijiex għal kollox ċelebrazzjoni għax dak li kien telaq reġa’ nstab.


Il-bniedem – kull bniedem – hu dan il-kbir fost l-aħwa. L-egoiżmu jagħmlu għajjur, iwebbislu qalbu, jagħmih u jżommu magħluq fih innifsu għall-oħrajn u għal Alla. Il-qalb tajba u l-ħniena kollha mħabba tal-Missier tirritah u tqalliblu l-istonku u l-ferħ li ħuh reġa’ nstab[21], jimlieh imrar. U għalhekk hu wkoll jeħtieġlu jinbidel biex jerġa’ jitħabbeb. 


Il-parabbola tal-iben il-ħali, hija fuq kollox il-ġrajja, ma tistax titfisser bi kliem, tal-imħabba ta’ Missier – Alla – li joffri lil ibnu li reġa’ lura għandu d-don ta’ ħbiberija sħiħa mill-ġdid.  Iżda meta l-parabbola, fil-figura tal-iben il-kbir, turina l-egoiżmu li jifred l-aħwa minn xulxin, issir ukoll il-ġrajja tal-familja kollha tal-bniedem, għax turina x’inhi l-qagħda li fiha ninsabu u liema hija t-triq li minnha rridu ngħaddu. L-iben il-ħali fix-xewqa ħerqana tiegħu għall-bidla f’ħajtu, fix-xewqa tiegħu li jerġa’ lura għal ħdan il-missier u jaqla’ mingħandu l-maħfra, hu xbieha ta’ dawk kollha li jintebħu li fil-fond ta’ qalbhom hemm xewqa kbira ta’ rikonċiljazzjoni sħiħa ma’ kulħadd bla ebda kondizzjoni; huma jifhmu u huma żguri fil-fehma tagħhom li din ir-rikonċiljazzjoni tista’ sseħħ biss jekk tkun il-frott ta’ dik ir-rikonċiljazzjoni ewlenija u fondamentali li twassal il-bniedem,  li jkun tbiegħed minn Alla, biex jerġa’ jitħabbeb miegħu bħala ibnu, għax jaf li l-ħniena ta’ Alla hi bla qies. Imma jekk inħarsu lejn il-parabbola min-naħa tal-iben l-ieħor, naraw fiha x-xbieha tal-qagħda tal-familja kollha tal-bniedmin, mifrudin bejniethom minn ħafna suriet ta’ egoiżmu; turi kemm hi ħaġa iebsa ttemm ix-xewqa ħerqana li jkun hemm familja waħda tal-bniedem magħqudin ħaġa waħda flimkien u ħbieb mill-ġdid bejniethom;  u għalhekk tfakkarna fil-ħtieġa ta’ bidla mill-fond tal-qalb, li sseħħ biss jekk nagħarfu kemm hu ħanin Missierna, u jekk ma nixtiequx aktar deni lil ħutna u nqisuhom aktar bħala għedewwa.

Fid-dawl ta’ din il-parabbola, mimmlija b’tant tagħlim, ta’ din il-parabbola tal-ħniena ta’ Alla li tħassar id-dnub, il-Knisja, għas-sejħa li fiha l-parabbola, tingħata għall-missjoni tagħha li tħabrek, bħall-Mulej, għall-konverżjoni tal-qlub u għar-rikonċiljazzjoni tal-bnedmin ma’ Alla u bejniethom – żewġ ħwejjeġ li huma marbutin sewwa ma’ xulxin. 

Kap II

FL-EGĦJUN TAR-RIKONĊILJAZZJONI


Fid-dawl ta’ Kristu l-Feddej


7. Kif naraw mill-parabbola tal-iben il-ħali, ir-rikonċiljazzjoni hija don ta’ Alla,u l-inizjattiva’ hi tiegħu. Iżda l-fidi tagħna tgħidilna li din l-inizjattiva sseħħ fil-misteru ta’ Kristu l-Feddej, ta ‘ Kristu li ħabbeb il-bnedmin ma’ Alla u bejniethom u ħelishom mid-dnub fis-suriet kollha tiegħu. San Pawl ukoll ma ħasibhiex darbtejn biex igħid li l-missjoni ta’ Ġesu’ ta’ Nazaret, il-Verb u l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, tinġabar kollha kemm hi f’din il-ħidma. 


Aħna wkoll nistgħu nibdew minn dan il-misteru ewlenini tal-pjan tas-salvazzjoni, li fuqu mibnija l-Kristoloġija kollha ta’ San Pawl. “Jekk aħna meta konna għadna egħdewwa ta’ Alla, tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu”, jikteb San Pawl, “wisq aktar issa li aħna ħbieb miegħu, insalvaw permezz tal-ħajja tiegħu. U mhux hekk biss, imma niftaħru wkoll f’Alla b’Sidna Ġesu’ Kristu li permezz tiegħu ksibna din il-ħbiberija”[22]. Għalhekk, jekk “Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu”, San Pawl iħoss li għandu jħeġġeġ lill-insara ta’ Korintu u jaħidilhom: “Agħmlu ħbieb ma’ Alla”[23].


Din il-missjoni ta’ rikonċiljazzjoni li seħħet bil-mewt ta’ Kristu fuq is-Salib, San Ġwann ifissirha, bi kliem ieħor, meta jgħid li Kristu kellu jmut “biex jiġbor f’ġemgħa waħda l-ulied ta’ Alla li kienu mxerrdin”[24].


Imma hu San Pawl mill-ġdid li jgħinna naraw il-ħidma ta’ Kristu f’dehra li tħaddan il-ħolqien kollu, meta jikteb li l-Missier fi Kristu ħabbeb kollox miegħu, kull ma hu fl-art u kull ma hu fis-sema[25]. Bir-raġun kollu għalhekk nistgħu ngħidu għal Kristu l-Feddej li “fi ż żmien il-qilla sar bħal żarġuna”[26], u li, jekk hu “s-sliem tagħna”[27], hu wkoll ir-rikonċiljazzjoni tagħna.


Għalhekk il-Passjoni u l-Mewt ta’ Kristu, imġedda sagramentalment fl-Ewkaristija, fil-Liturġija bir-raġun kollu, jissejħu “s-sagrifiċċju, fil-Liturġija bir-raġun kollu, jissejħu “s-sagrifiċċju li bih ħabbibna miegħu”[28]; ħabbibna ma’ Alla u ma’ ħutna, għaliex Ġesu’ wissiena li rridu nkunu paċI ma’ ħutna qabel noffru s-sagrifiċċju tagħna[29].


Mela jekk nibdew minn dan il-kliem u minn kliem ieħor tat-Testment il-Ġdid, kliem għoli mimli tifsir, nistgħu norbtu l-ħsibijiet tagħna dwar il-misteru ta’ Kristu mal-missjoni tiegħu ta’ rikonċiljazzjoni. U għalhekk jeħtieġ nerġgħu nistqarru t-twemmin tal-Knisja fl-egħmil ta’ Kristu għas-salvazzjoni tagħna, u fil-misteru tal-Għid tal-Mewt u l-Qawmien tiegħu mill-imwiet, għax bihom seħħet ir-rikonċiljazzjoni tal-bniedem, kemm bħala ħelsien mid-dnub u kemm bħala xirka ma’ Alla permezz tal-grazzja. 


Meta naraw x’dehra ta’ biki huma l-firdiet fost il-bnedmin u xi diffikultajiet hemm biex jerġgħu jinħabbu bejniethom, inħoss li għandi nħeġġeġ lil kulħadd biex iħares lejn il-misteru tas-Salibbħala l-ogħla ġrajja li biha Kristu jara u jġarrab fih innifsu t-traġedja tal-firda tal-bniedem minn Alla, tant li jasal biex igħajjat bi kliem is-salmista: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”[30], u fl-istess waqt isseħħ ir-rikonċiljazzjoni tagħna. B’għajnejna mwaħħlin fil-misteru li ntemm fuq il-Golgota jmissna dejjem niftakru f’dik id-dimensjoni “vertikali” 
tal-firda u r-rikonċiljazzjoni, kif igħidulna, jiġifieri l-firdiet u r-rikonċiljazzjoni fir-relazzjoni tal-bnedmin ma’ Alla, dimensjoni li fid-dawl tal-fidi hija aqwa mid-dimensjoni “orizzontali”, jiġifieri l-firdiet bejn il-bnedmin u l-ħtieġa tar-rikonċiljazzjoni bejniethom. Dan għaliex nafu li r-rikonċiljazzjoni bejn il-bnedmin hi, u tista’ tkun biss, il-frott tal-fidwa ta’ Kristu, li miet u rxoxta biex jegħleb is-saltna tad-dnub u jwaqqaf mill-ġdid il-patt ma’ Alla u jħott il-ħajt tal-firda li d-dnub kien tella’ bejn il-bnedmin[31].


Il-Knisja li tħabbeb

8. Iżda kif qal il-Papa San Ljun, huwa u jitkellem fuq il-Passjoni ta’ Kristu, “kull ma l-Iben ta’ Alla għamel u għallem għar-rikonċiljazzjoni tad-dinja, nafuh mhux biss mill-ġrajja ta’ dak li seħħ fl-imgħoddi, imma nħossuh ukoll bil-qawwa ta’ dak li jagħmel fina fiż-żmien ta’ issa”[32]. Ingawdu r-rikonċiljazzjoni, li seħħet fih bħala bniedem, bil-qawwa tal-misteri qaddisa li tiċċelebra l-Knisja tiegħu, il-Knisja li hu ta’ ħajtu għaliha u li waqqafha bħala sinjal u mezz ukoll ta’ salvazzjoni.

Dan igħidu San Pawl meta jikteb li Alla lill-Appostli ta’ Kristu tahom sehem fil-ħidma tiegħu ta’ rikonċiljazzjoni. San Pawl igħid: “Alla… tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija… u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija”[33].


Il-Missier fil-ħniena tiegħu ried jafda f’idejn u fil-fomm tal-Appostli, il-ħabbara tiegħu dan il-ministeru ta’ ħbiberija u ta’ rikonċiljazzjoni li huma jaqdu b’mod singolari, bis-setgħa tal-qawwa li għandhom li jaġixxu in persona Christi.Iżda l-messaġġ tar-rikonċiljazzjoni jrid jiġi fdat ukoll lill-komunita’ kollha ta’ dawk li jemmnu, lill-istruttura kollha tal-Knisja; dan ifisser li l-komunita’ kollha ta’ dawk li jemmnu huma fid-dmir li jagħtu xhieda għar-rikonċiljazzjoni u jħabirku biex iseħħ tassew fid-dinja kollha.

Nistgħu ngħidu wkoll li l-Konċilju Vatikan II qal li l-Knisja hi “sagrament, jiġifieri sinjal u strument ta’ xirka ma’ Alla u ta’ għaqda tal-popli kolha flimkien” u wera li l-missjoni tal-Knisja hi dik li ġġib “l-għaqda sħiħa fi Kristu” tal-bnedmin kollha, għaliex illum il-bnedmin kollha “qegħdin jersqu dejjem aktar lejn xulxin permezz ta’ rabtiet soċjali, teknoloġiċi u kulturali”[34]; għalhekk il-Konċilju ried li l-Knisja titħabat l-aktar biex twassal lill-popli kollha għall-ħbiberija sħiħa bejniethom.

Mela meta nitkellmu fuq il-missjoni tal-Knisja nistgħu naslu biex ngħidu li l-qofol tal-missjoni tal-Knisja, missjoni tassew kbira u ta’ ħafna suriet, hu li tħabbeb il-bniedmin ma’ Alla, magħhom infushom, ma’ għajrhom, mal-ħolqien kollu; u dan biex ikun hemm ħbiberija li tibqa’ għaliex, kif għidt drabi oħra “Il-Knisja min-natura tagħha stess tfittex dejjem li ġġib il-ħbiberija f’kollox”[35].

Il-Knisja tkun taqdi dan il-ministeru ta’ ħbiberija hij u xxandar il-bxara t-tajba tar-rikonċiljazzjoni, kif dejjem għamlet sa minn żmien il-Konċilju li l-Appostli laqqgħu f’Ġerusalemm[36] sas-Sinodu li sar dan l-aħħar u sal-Ġublew tal-Fidwa. Din it-tħabbira li ma hemmx oħra bħala għaliex għall-Knisja r-rikonċiljazzjonigħandha rabta sħiħa mal-konverżjoni tal-qalb: din hi t-triq li trid twassal il-bnedmin ħa jifhmu lil xulxin.

Il-Knisja tkun ukoll taqdi l-ministeru tar-rikonċiljazzjoni hi u turi lill-bniedem minn liema triqat irid igħaddi biex jasal għar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla, miegħu nnifsu, ma’ għajru u mal-ħolqien kollu, u tagħtih ukoll il-mezzi biex jasal. It-triqat huma dawk tal-konverżjoni tal-qalb u tar-rebħa fuq id-dnub, kemm jekk dan hu dnub ta’ egoiżmu jew ta’ inġustizzja, ta’ arroganza jew ta’ sfruttament ta’ bnedmin oħra, ta’ rbit mal-ġid li jgħaddi jew ta’ tfittix bla rażan tal-pjaċiri. Il-mezzi huma s-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, bil-fedelta’ u l-imħabba kollha, it-talb waħdek u mal-komunita’, u fuq kollox is-Sagramenti, sinjali veri u mezzi tar-rikonċiljazzjoni: l-aqwa fosthom, u propju f’din il-ħaġa, hu mbagħad is-Sagrament li aħna mdorrijin insejħu, u nsejħu sewwa, is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni jew tal-Penitenza, u li fuqu rridu nitkellmu aktar ‘il quddiem.

Il-Knisja rikonċiljata

9. Il-Papa Pawlu VI ħaqqu kull tifħir meta wera l-importanza tal-fatt li l-Knisja jekk trid ixxandar l-Evanġelju, trid l-ewwel turi li hi l-Evanġelju laqgħatu, jiġifieri li dejjem lesta tilqa’ t-tħabbira sħiħa tal-Bxara t-tajba ta’ Kristu, tismagħha u tgħixha[37]. Jiena wkoll, jiena u niġbor f’dokument wieħed il-ħsibijiet kollha tar-raba’ Assemblea ġenerali tas-Sinodu, tkellimt dwar Knisja li tikkatekizza lilha stess daqskemm tikkatekizza lill-oħrajn[38].

U issa mhux se naħsibha darbtejn biex nerġa’ nagħmel dan il-paragun sa fejn jiswa għas-suġġett li fuqu qiegħed nitkellem, ħa ngħid li l-Knisja, jekk trid twassal il-bnedmin għar-rikonċiljazzjoni trid tibda billi tkun Knisja li fiha ġa seħħet ir-rikonċiljazzjoni. F’dan il-kliem hekk sempliċi u hekk ċar, hemm il-konverżjoni li l-Knisja, biex tista’ dejjem aħjar tħabbar ir-rikonċiljazzjoni lill-bnedmin u tistedinhom għaliha, trid tkun tassew u dejjem aktar komunita’ ta’ dixxipli ta’ Kristu (ukoll jekk hi “l-merħla żgħira” tal-ewwel żminijiet), ħaġa waħda bejniethom fl-impenn tagħhom li bla heda jduru lejn il-Mulej u jgħixu kif jixirqilhom bħala l-bnedmin ġodda, fl-ispirtu u fl-għemil tar-rikonċiljazzjoni.

Lin-nies ta’ żmienna, li jwieġbu malajr meta jaraw xhieda ħajja bil-fatti, il-Knisja hi msejħa biex tagħtihom eżempju ta’ rikonċiljazzjoni, u dan, b’mod speċjali fi ħdanha stess. U għalhekk ilkoll kemm aħna rridu nħabirku ħa nġibu s-sliem fil-qlub tal-bnedmin, ħa nnaqqsu t-tensjonijiet, ħa negħelbu l-firdiet u nfejqu l-ġerħat li l-aħwa jkunu għamlu lil xulxin meta jippikaw dwar għażliet f’oqsma fejn hemm aktar minn għażla waħda; min-naħa l-oħra għandna nfittxu li nkunu fehma waħda f’dak li hu essenzjali għall-fidi u l-ħajja nisranija, skont il-prinċipju antik: liberta’ f’dak li mhux żgur, għaqda f’dak li hu meħtieġ, u f’kollox l-imħabba, in dubus libertas, in necessariis unitas, in omnibus caritas.

Hu skont dan il-prinċipju li l-Knisja trid tmexxi l-ħidma ekumenika tagħha. Il-Knisja biex tkun tassew rikonċiljata għal kollox, trid tkompli tħabrek għall-għaqda ta’ dawk kollha li huma kburin li jissejħu nsara iżda huma mifrudin mill-Knisja ta’ Ruma. Il-Knisja ta’ Ruma tfittex dik il-għaqda li, biex tkun tassew frott u sinjal ta’ rikonċiljazzjoni vera, ma tridx tiġi mill-ħabi ta’ dak li fuqu mhemmx qbil jew bi kompromessi li jistgħu jidhru ħaġa ħafifa imma fil-fatt ikunu superfiċjali u malajr jiġu fix-xejn. L-għaqda trid tiġi mill-konverżjoni vera ta’ kulħadd, mill-maħfra ta’ xulxin, minn djalogu teoloġiku u relazzjonijiet bejn l-aħwa, mit-talb u doċilita’ sħiħa għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, li hu Spirtu ta’ rikonċiljazzjoni.

Fl-aħħarnett, biex il-Knisja tkun tista’ tgħid li hi kollha kemm hi rikonċiljata fiha nfisha, hu dmir tagħha li titħabat dejjem aktar biex iġġib ‘il quddiem “id-djalogu tas-salvazzjoni”[39] billi twassal l-Evanġelju fost dawk l-oqsma kbar tal-bnedmin tad-dinja tal-lum li mhux biss ma jħaddnux twemminha, imma wkoll, minħabba s-sekulariżmu dejjem jikber fid-dinja, qegħdin iżommu ruħhom ‘il bogħod minnha, jew huma kontriha għax bl-ebda mod ma jimpurtahom xejn minnha, meta ma jfixkluhiex u jippersegwitawha. Il-Knisja tħoss id-dmir li terġa’ ttenni lil kulħadd kliem San Pawl: “Agħmlu ħbieb ma’ Alla” [40].

Hu x’inhu, il-Knisja tfittex ir-rikonċiljazzjoni fil-verita’ għax taf żgur li la jista’ jkun hemm rikonċiljazzjoni u lanqas għaqda mingħajr il-verita’ jew kontra l-verita’.

Kap III

L-INIZJATTIVA TA’ ALLA U L-MINISTERU TAL-KNISJA

10. Il-Knisja, bħala komunita’ rikonċiljata fiha nfisha, hija u tħabrek għar-riċonċiljazzjoni, ma tista’ tinsa qatt li d-don tar-rikonċiljazzjoni u l-missjoni tagħha tar-rikonċiljazzjoni ġejjin minn Alla, huma inizjattiva, kollha mħabba u ħniena, ta’ Dak Alla li hu Mħabba[41] u li ħalaq il-bnedmin għax ħabbhom[42], u ħalaqhom biex igħixu fi ħbiberija miegħu u f’għaqda bejniethom.

Ir-rikonċiljazzjoni tiġi minn Alla

Alla jibqa’ jżomm il-ħsieb ta’ dejjem tiegħu, ukoll meta l-bniedem, imġiegħel mill-Ħażin[43] u mkaxkax mis-suppervja tiegħu, jabbuża mil-liberta’ li ngħatatlu biex iħobb u jfittex il-ġid b’qalbu kollha, u ma jkunx irid jobdi, kif imissu, lis-Sid u l-Missier tiegħu. Alla jżomm keltmu wkoll meta l-bniedem, flok iwieġeb b’imħabba għall-imħabba ta’ Alla, jeħodha kontra tiegħu qiesu jippika miegħu u jitqarraq bih innifsu għax jafda żżejjed fil-ħila tiegħu; b’dan il-mod jiġu fix-xejn ir-relazzjonijiet tal-bniedem ma’ Alla li ħalqa. Iżda minkejja din l-imġiba ħażina tal-bniedem, Alla jibqa’ jħobbu. Il-ġrajja tal-Ġenna tal-art, tal-Għeden, iġġagħalna, iva, naħsbu x’konsegwenzi koroh ikun hemm meta nwarrbu ‘l Alla, u dan narawh mid-diżordni li jinħoloq f’qalb il-bniedem, u min-nuqqas ta’ ftehim bejn ir-raġel u l-mara, u bejn l-aħwa[44]. Tfisser ħafna wkoll il-parabbola tal-Evanġelju taż-żewġ aħwa li jitbegħdu minn missierhom  iżda mhux bl-istess mod, u jinfirdu bejniethom. Kull firda fost il-bnedmin tiġi kull darba li jwarrbu fil-ġenb l-imħabba ta’ Alla bħala Missier u d-doni li hu jagħti f’imħabbtu.

Imma aħna nafu li Alla, “għani bil-ħniena”[45], bħall-missier tal-parabbola, ma jagħlaqx qalbu għall-ebda wieħed minn uliedu: jistennihom, ifittixhom, imur warajhom fejn waslithom iċ-ċaħda tal-ħbiberija tagħhom miegħu u fejn għalhekk jinsabu waħedhom u mifrudin minnu; isejħilhom biex jerġgħu joqogħdu madwar il-mejda tiegħu biex bil-ferħ jiċċelebraw festa ta’ maħfra u ħbiberija mill-ġdid.

Din l-inizjattiva ta’ Alla tasal għall-qofol tagħha u turi ruħha fl-opra tal-fidwa ta’ Kristu, li tinxtered mad-dinja permezz tal-Knisja; għaliex, kif tgħallimna l-fidi, il-Verb ta’ Alla sar bniedem, għamilha tiegħu u ta bidu ġdid fih[46]. Uriena li Alla huwa Mħabba u li lilna tana “kmandament ġdid”[47], il-kmandament tal-imħabba; fl-istess ħin żgurana li t-triq tal-imħabba hi miftuħa għall-bnedmin kollha, tant li t-tħabrik biex isseħħ ma kullimkien l-imħabba bejn l-aħwa mhuwiex tħabrik fieragħ[48]. Bil-mewt tiegħu fuq is-Salib, rebbieħ fuq kull deni u fuq kull qawwa tad-dnub, bl-ubbidjenza tiegħu kollha mħabba, ġab is-salvazzjoni għal kulħadd u sar għal kulħadd “ir-rikonċiljazzjoni”. Fih Alla reġa’ ħabbeb miegħu l-bniedem.

Il-Knisja hija u tkompli xxandar il-Bxara t-tajba tar-rikonċiljazzjoni, li Kristu xandar[49] fl-irħula tal-Galilija u fil-Palestina kollha, ma tehda qatt tħeġġeġ lill-bnedmin biex jindmu u jemmnu fil-Bxara t-tajba. Il-Knisja titkellem f’isem Kristu, u tagħmel tagħha l-kliem ta’ twissija tal-Appostlu San Pawl li semmejna aktar ‘il fuq: “Aħna ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejħilkom permezz tagħna. Nitlobkom f’isem Kristu: Agħmlu ħbieb ma’ Alla”[50].

Dawk li jilqgħu din it-twissija, jibdew jagħmlu sehem mill-pjan tar-rikonċiljazzjoni u jaraw bil-fatti x’inhi l-verita’ ta’ dak li jgħid San Pawl band’oħra, li Kristu “hu s-sliem tagħna hu li minna t-tnejn għamel poplu wieħed billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna – il-mibgħeda ta’ bejnietna – ….billi….iħabbibhom it-tnejn ma’ Alla f’ġisem wieħed”[51]. Dan il-kliem, San Pawl igħidu dwar kif intrebħet il-firda bejn Israel, bħala poplu magħżul ta’ Alla fil-Patt il-Qadim, u l-bqija tal-ġnus, li huma kollha msejħin ħa jkollhom sehem fil-Patt il-Ġdid. Iżda l-kliem ta’ San Pawl qiegħed iħabbar spiritwalita’ ġdida li jridha Alla u li tħaddan lil kulħadd, spiritwalita’ li seħħet bis-sagrifiċċju ta’ Ibnu, il-Verb magħmul bniedem għalina, spiritwalita’ li hi għal dawk kollha li jikkonvertu u jemmnu fi Kristu, bla ebda eċċezzjoni u bla ebda limitu. Aħna lkoll għalhekk aħna msejħin biex ingawdu l-frott tar-rikonċiljazzjoni li jrid Alla: kull wieħed minna, kull poplu.

Il-Knisja, is-sagrament kbir tar-rikonċiljazzjoni

11. il-Knisja għandha l-missjoni li xxandar din ir-rikonċiljazzjoni u tkun is-sagrament tagħha fid-dinja. Il-Knisja hi sagrament, jiġifieri sinjal u strument ta’ rikonċiljazzjoni b’ħafna manjieri, mhux kollha tal-istess siwi u tal-istess qawwa, imma kollha jfittxu li jinkiseb dak li Alla, fil-kobor tal-ħniena tiegħu, irid jagħti lill-bnedmin.

Il-Knisja hi l-ewwelnett sagrament għax hi komunita’ rikonċiljata li tagħti xhieda tal-ħidma ta’ Kristu fid-dinja u turihielha.

Il-Knisja hi wkoll sagrament għaliex, minħabba l-ministeru tagħha li tħares  tfisser il-Kotba Mqaddsa, li huma l-Bxara t-tajba tar-rikonċiljazzjoni, hija tfisser lill-bnedemin ta’ kull żmien il-ħsieb ta’ Alla, kollu mħabba għalina, u turi ‘l kulħadd  liema huma t-triqat li jwasslu għall-ħbiberija sħiħa ma’ Alla fi Kristu.

Il-Knisja hi fl-aħħarnett sagrament, minħabba s-seba’ Sagramenti, li, kull wieħed bil-mod propju tiegħu, “jibni l-Knisja”[52]. Is-Sagramenti jfakkru u jġeddu l-misteru tal-Għid ta’ Kristu, u għalhekk huma kollha għajn ta’ ħajja għall-Knisja u strument f’idejha għall-konverżjoni u r-rikonċiljazzjoni tal-bnedmin ma’ Alla.

Mezzi oħra ta’ rikonċiljazzjoni

12. Il-missjoni ta’ rikonċiljazzjoni hi l-ħidma tal-Knisja kollha, u, b’mod speċjali, tal-Knisja li ġa qiegħda tithenna fil-glorja ta’ Alla mal-Imqaddsa Verġni Marija, mal-Anġli u l-Qaddisin, li jaraw ‘l Alla l-Qaddis u jadurawh. Il-Knisja fis-sema, il-Knisja fl-art, il-Knisja fil-purgatorju huma magħqudin flimkien, f’misteru, ma’ Kristu, biex id-dinja terġa’ titħabbeb ma’ Alla.

L-ewwel triq għal dan il-għan hija t-triq tat-talb. Il-Verġni Mqaddsa Marija, Omm il-Kristu u Omm il-Knisja[53] u l-Qaddisin tas-sema, li ġa temmew il-mixja tagħhom fid-dinja, u kisbu l-glorja ta’ Alla, żgur igħinu bit-talb tagħhom lil ħuthom li għadhom fid-dinja, fl-impenn tagħhom ħa jikkonvertu, ħa jemmnu, ħa jerġgħu jqumu kull darba li jaqgħu, ħa jagħmlu dak li jeħtieġ biex is-sliem u l-għaqda jikbru fil-Knisja u fid-dinja. Fil-misteru tax-xirka tal-Qaddisin, ir-rikonċiljazzjoni ta’ kollox u ta’ kulħadd  isseħħ fis-sura l-aktar għolja tagħha, f’dik is-sura li tagħti frott kotran għas-salvazzjoni ta’ kulħadd.

Hemm ukoll triq oħra: hemm it-triq li nistgħu nsejħulha t-triq tal-predikazzjoni. Il-Knisja stess, bħala dixxiplu ta’ Kristu, l-Imgħallem waħdieni tagħha, bħala Omm u Għalliema, ma tehda qatt tħeġġeġ lill-bnedmin għar-rikonċiljazzjoni; ma taħsibhiex darbtejn biex turi l-ħażen kollu tad-dnub, biex ixxandar il-ħtieġa tal-konverżjoni u biex tħeġġeġ il-bnedmin u titlobhom “jinħabbu bejniethom”. Din hi l-missjoni profetika tagħha fid-dinja tal-lum, kif kienet fiż-żminijiet l-imgħoddija: din hija l-missjoni tal-istess Imgħallem u Ras tagħha, Ġesu’. Bħalu, il-Knisja, imqanqla minn imħabba kollha ħniena, dejjem qdiet din il-missjoni tagħha u tibqa’ tħabbar il-maħfra lil kulħadd u twettaqhom fit-tama, li tiġi mis-Salib.

Hemm ukoll it-triq tal-ħidma pastorali, triq li hi ta’ spiss diffiċli u iebsa: it-triq tal-ħidma pastorali li biha kull bnidem – hu min hu u hu minn fejn hu – jiġi msejjaħ biex jerġa’ lura għand il-Missier, f’xirka ma’ ħutu kollha, minn triq li xi drabi hi twila ħafna.

U fl-aħħarnett hemm it-triq tax-xhieda, triq tista’ tgħid dejjem siekta, triq li għandha l-bidu tagħha mill-fatt li l-Knisja tħoss li “ma tistax ma tkunx qaddisa”[54], waqt li fl-istess ħin tħoss ukoll il-ħtieġa li “minn jum għall-ieħor tissaffa u tiġġedded sakemm Kristu jġibha quddiemu kollha ġmiel, bla tebgħa u bla tikmixa”, għax minħabba dnubietna d-dehra tagħha xi kull tant jarawha inqas tiddi dawk li jħarsu lejha[55]. Din ix-xhieda ma tistax ma tkunx kemm sinjal ta’ dik l-imħabba għal kulħadd li Kristu ħalla bħala wirt lid-dixxipli tiegħu u prova li huma jagħmlu sehem mis-Saltna tiegħu; kif ukoll dehra dejjem tiġġedded ta’ konverżjoni u rikonċiljazzjoni fi ħdan il-Knisja u barra minnha, konverżjoni u rikonċiljazzjoni li jseħħu billi jintrebħu t-tensjonijiet, jinħafru l-ħtijiet ta’ xulxin, u jikber u jinxtered mad-dinja kollha l-ispirtu tas-sliem u tal-imħabba bejn l-aħwa. B’dan il-mod il-Knisja tkun tista’ tħabrek biex isseħħ dik li l-Papa Pawlu VI sejħilha “ċ-ċivilta’ tal-imħabba”.      

IT-TIENI TAQSIMA

L-IMĦABBA HI AQWA MID-DNUB

It-traġedja tal-bniedem

13. L-Appostlu San Ġwann igħidilna li “jekk ngħidu li ma għandniex dnub, inkunu qegħdin inqarrqu lilna nfusna, u l-verita’ ma tkunx fina. Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen”[56]. Dan il-kliem, ispirat minn Alla u miktub fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, aktar minn kull kliem ieħor tal-bniedem, igħodd ħafna bħala daħla, għal dak li se ngħidu dwar id-dnub, li miegħu hu marbut b’rabta liema bħalha, kull ma se ngħidu dwar ir-rikonċiljazzjoni. Dan il-kliem jurina kif id-dnub jolqot lill-bniedem, għax id-dnub hu parti essenzjali mill-verita’ dwar il-bniedem; iżda dan il-kliem minnufih juri wkoll kif id-dnub jolqot lil Alla, li jwieġeb għad-dnub bil-verita’ tal-imħabba tiegħu, li hi mħabba skont is-sewwa, ta’ ġenerożita’ liema bħalha u li qatt ma tiġi nieqsa, imħabba, imħabba li tidher l-aktar fil-maħfra u r-rikonċiljazzjoni. Għalhekk San Ġwann aktar ‘l isfel jikteb li “jekk il-kuxjenza ċċanfarna… Alla hu aqwa mill-kuxjenza tagħna”[57].


L-ewwel pass verament meħtieġ biex il-bniedem jerġa’ lura lejn Alla hu 
li jagħraf id-dnub tiegħu, anzi – huwa u jgħarbel fil-fond x’inhu hu stess – li jagħraf li hu midneb, li jista’ jidneb, li migbud ghad-dnub. Din kienet l-esperjenza tas-sultan David, li wara li għamel dak li hu ħażin quddiem Alla u ġie mċanfar mill-profeta Natan[58], qal: “Jien nagħrafhom ħtijieti: id-dnub tiegħi dejjem quddiemi. Kontrik biss jiena dnibt u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt”[59]. Barra dan, Ġesu’ qiegħed f’fomm l-iben il-ħali dan il-kliem: “Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek”[60].


Verament biex wieħed jerġa’ jitħabbeb ma’ Alla, jeħtieġlu qabel xejn, b’mod ċar u b’fehma soda, jinfatam mill-qagħda tad-dnub li fiha jkun waqa’. Jeħtieġlu jagħmel penitenza, fit-tifsir sħiħ ta’ din il-kelma: jiġifieri jeħtieġ li jindem, juri li hu niedem, u jġib ruħu ta’ bniedem niedem – l-imġiba kollha tiegħu trid tkun ta’ min qabad it-triq biex jerġa’ lura għand il-Missier. Din hija liġi għal kulħadd, liġi li kull wieħed irid Iħares skont iċ-ċirkostanzi li fihom ikun. Ma jistax ikun li titkellem dwar id-dnub u l-konverżjoni biss b’mod astratt. Jekk inqisu x’inhi tassew il-qagħda tal-bniedem midneb, nifhmu malajr li ma jistax ikun hemm vera konverżjoni, jekk il-bniedem ma jammettix li hu dineb: u hawn tidħol il-Knisja fil-każ ta’ kull bniedem biex twasslu għall-penitenza, jiġifieri l-Knisja tindaħal bil-ħsieb li twassal lill-bniedem ħa jagħraf x’inhu fih innifsu – dak li Santa Katarina ta’ Siena sejħitlu “conoscimento di se”[61] – biex jinfatam mill-ħażen, biex jitħabbeb mill-ġdid ma’ Alla, biex jiġġedded f’ruħu, biex jibda ħajja ġdida fi ħdan il-Knisja. Din il-bxara ta’ penitenza, dan il-ministeru ta’ penitenza joħorġu wkoll ‘il barra mill-Knisja u max-xirka ta’ dawk li jemmnu, u jaslu għand il-bniedmin kollha jeħtieġu l-konverżjoni u r-rikonċiljazzjoni[62].


Biex iseħħ kif jixraq dan il-ministeru, jeħtieġ jitqies “b’għajnejn imdawla”[63] mill-fidi sa fejn iwassal id-dnub: iwassal għall-firda u għat-tiċrit fil-bniedem innifsu, u wkoll fl-oqsma kollha tal-ħajja tal-bniedem, fil-milja, fuq ix-xogħol, fis-soċjeta’, kif spiss turina l-esperjenza u kif twettaqhulna l-ġrajja ta’ Babel u t-torri tagħha li nsibu fl-Iskrittura[64]. Medhijin bil-bini ta’ torri li kellu jkun sinjal ta’ għaqda bejniethom u l-imkien fejn isseħħ din il-għaqda, in-nies ta’ Babel sabu ruħhom imxerrdin aktar minn qabel, mifrudin minn xulxin, ma jitkellmux bl-istess mod, u bla ebda ħila li jiftehmu u jaqblu bejniethom. 


Għaliex ma rnexxiex dan il-ħsieb hekk għoli tagħhom? Għax “għalxejn tħabtu l-bennejja”[65]; għaliex il-bini li kellu jkun sinjal ta’ għaqda u l-post fejn isseħħ din il-għaqda mixtieqa, in-nies għamluhom xogħol idejhom biss, u lil Alla nsewh għal kollox. Ħasbu biss fid-“dimensjoni orizzontali” tax-xogħol u tal-ħajja soċjali, u warrbu fil-ġenb id-“dimensjoni vertikali” tax-xogħol u tal-ħajja soċjali: kieku qiesu wkoll din id-dimensjoni, xogħolhom kien ikollu l-pedament tiegħu f’Alla li ħalaqhom u li hu Sidhom, u kienu jagħmluh għalih bħala l-għan ewlieni ta’ kull ħidma tagħhom.


Nistgħu ngħidu li l-qagħda kerha tal-bniedem tal-lum, bħal dik tal-bnedmin ta’ kull żmien, hi kerha propju għax tixbaħ il-qagħda tan-nies ta’ Babel. 

Kap I

IL-MISTERU TAD-DNUB

14. Jekk naqraw il-ġrajja tal-belt u tat-torri ta’ Babel, fid-dawl ġdid tal-Evanġelju, u nqabbluha mal-ġrajja l-oħra tad-dnub ta’ Adam u Eva, nistgħu niksbu tagħrif li jiswielna ħafna biex nifhmu l-misteru tad-dnub. Dan il-kliem, li għandu jfakkarna fil-kliem li nsibu fl-ittri ta’ San Pawl dwar il-misteru tal-ħażen[66] igħinna naraw x’hemm moħbi fid-dnub u mhux ċar, tant li ma nistgħux nifhmuh. Id-dnub hu żgur frott tal-liberta’ tal-bniedem; iżda fil-bniedem hemm jaħdmu fatturi oħra li joħorġu d-dnub barra mill-bniedem, fejn il-kuxjenza tal-bniedem, ir-rieda u s-sentimenti tiegħu, jiltaqgħu ma’ dawk is-setgħat mudlama li skont San Pawl, għadhom jaħdmu fid-dinja u kważi jaħkmuha[67].


Diżubbidjenza lejn Alla

Mill-ġrajja biblika tat-torri ta’ Babel, l-ewwel ħaġa li naraw u li tiswielna biex nifhmu x’inhu d-dnub, hi din: il-bnedmin riedu jibnu belt u jingħaqdu flimkien f’soċjeta’ biex ikunu qawwija u setgħana,  mingħajr Alla, biex ma ngħidux 
kontra Alla[68]. F’din il-ħaġa, il-ġrajja tal-ewwel dnub fl-Għeden u l-ġrajja ta’ Babel, minkejja li huma żewġ ħrajjiet, li għalkemm mhumiex l-istess la fil-ġrajja fiha nfisha u lanqas fis-sura tagħha, għandhom ħaġa li fiha jaqblu bejniethom: fiż-żewġ ġrajjiet, naraw ‘l Alla mwarrab fil-ġenb, għaliex il-bniedem imqarraq, ippreteda li “jkun daqsu”, kiser il-kmandament tiegħu, ried jilħqu[69]. Fil-ġrajja tat-torri ta’ Babel, il-bnedmin iwarrbu ‘l Alla mhux għax imorru kontra tiegħu, imma għax jinsewh, għax ma jimpurtajomx minnu, qisu Alla ma għandux x’jindaħal fil-qasam tal-ħidma tal-bnedmin bejniethom. Iżda fiż-żewġ ġrajjiet jinkisru r-relazzjonijiet ma’ Alla b’għemil ta’ vjolenza. Fil-ġrajja tal-Għeden naraw kemm hu kbir u kemm hu ta’ ħsara d-dnub, għax naraw sal-qiegħ x’inhi l-kruha kollha tiegħu: il-bniedem ma jobdix lil Alla, lil-liġi tiegħu, lin-normi morali li Alla ta lill-bniedem, minquxin f’qalbu u mwettqa u nwassla għall-morali li Alla ta lill-bniedem, minquxin f’qalbu u mwettqa u nwassla għall-perfezzjoni permezz tar-rivelazzjoni.


Twarrab lil Alla, tikser ir-relazzjonijiet miegħu, ma tobdihx: dan kien u għadu d-dnub, fis-suriet kollha tiegħu, fil-ġrajja kollha tal-bniedem tul iż-żminijiet; u dan jista’ jwassal biex il-bniedem jiċħad lil Alla, igħid li ma hemmx Alla – u dan jissejjaħ ateiżmu. 

Din hi d-diżubbidjenza tal-bniedem, li, huwa u jagħmel użu mil-liberta’ tiegħu, ma jagħrafx li Alla hu s-Sid ta’ ħajtu, almenu fil-mument li fih ikun qiegħed jikser il-liġi tiegħu.

Firda bejn l-aħwa

15. Fil-ġrajjiet mill-Iskrittura, li semmejna hawn fuq, il-firda minn Alla twassal b’mod tassew ta’ biki għall-firda bejn l-aħwa.


Fil-ġrajja tal-“l-ewwel dnub”, il-firda minn Alla ġabet il-ksur tal-ħbiberija li kienet tgħaqqad il-bnedmin bejniethom: hu għalhekk li l-paġni tal-Ġenesi, li jiġu wara l-ġrajja tal-“ewwel dnub”, jurina lir-raġel u lill-mara jixlu ‘l xulxin[70]; imbagħad naraw ‘il Kajin jobgħod ‘il ħuh u jasal li joqtlu[71].


Fil-ġrajja tat-torri ta’ Babel, id-dnub ifarrak l-għaqda tal-familja tal-bnedmin, tifriħ li beda mal-ewwel dnub, u bid-dnub tat-torri ta’ Babel laħaq il-qofol tiegħu, fis-sura soċjali tiegħu.


Min irid igħarbel sewwa l-misteru tad-dnub ma jistax ma jqisx ir-rabta li hemm bejn il-kawża u l-effetti tad-dnub. Bħala firda min Alla, id-dnub hu att ta’ diżubbidjenza tal-bniedem li, almenu impliċitament, iwarrab lil Alla, li ħalqu u qiegħed iżommu ħaj: bid-dnub għalhekk il-bniedem qiegħed jeqred lilu nnifsu, qiegħed jagħmel suwiċidju. Meta l-bniedem jidneb ikun qiegħed igħid li ma jridx jaqdi lil Alla, u għalhekk jitħawwad fih innifsu u jitlef il-kalma, u fih innifsu stess jimtela b’kontradizzjonijiet u tensjonijiet. Midrub b’dan il-mod, il-bniedem bilfors jagħmel ħsara lir-relazzjonijiet tiegħu mal-oħrajn u mal-ħolqien kollu. Dan huwa fatt, din hi liġi li ħadd ma jista’ jiċħadha għax imwettqa kemm-il darba mill-psikoloġija tal-bniedem u mill-ħajja tar-ruħ; kemm il-psikoloġija tal-bniedem u kemm il-ħajja tar-ruħ malajr juri x’taħwid ikun hemm fil-qalb tal-bniedem. 

Il-misteru tad-dnub iħaddan iż-żewġ ġerħat li l-midneb jagħmel lilu nnifsu, fih innifsu u fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ għajru. Għalhekk nistgħu nitkellmu dwar dnubiet personali u taħt aspett ieħor hu dnub soċjali: kull dnub huwa dnub personali, imma hu wkoll dnub soċjali għaliex u sa kemm jolqot is-soċjeta’ wkoll.

Dnub personali u dnub soċjali

16. Id-dnub, fit-tifsir veru tal-kelma, hu dejjem att personali, għax he għemil li l-bniedem jagħmel ta’ grupp jew ta’ xi komunita’. Iżda l-bniedem jista’ jiġi kondizzjonat, imġiegħel u influwenzat minn għadd mhux żgħir ta’ fatturi qawwija li huma barra minnu. Il-bniedem hu wkoll maħkum minn ġibdiet, difetti u drawwiet li huma marbutin mal-istess qagħda soċjali tiegħu. Kemm-il darba dawn il-fatturi, li jinsabu fil-bniedem u barra minnu, inaqqsu ftit jew wisq il-liberta’ tal-bniedem, għalhekk inaqqsu wkoll ir-responsabbilta’ u l-ħtija tiegħu. Imma hija verita’ tal-fidi, imwettqa mir-raġuni u l-esperjenza tagħna, li l-bniedem huwa liberu. Din il-verita’ ma nistgħux inħalluha fil-ġenb biex ngħidu li l-ħtija tad-dnub tal-bniedem m’hijiex fil-bniedem, imma barra l-bniedem fl-‘istruttura’ tas-soċjeta’ tal-bnedmin, fis-sistemi tiegħu u fi ħwejjeġ oħra. Barra min hekk, b’dan il-mod inkunu qegħdin inċaħħdu l-bniedem mid-dinjita’ u l-liberta’ tiegħu, li tidher ukoll, għalkemm b’mod ħażin u ta’ ħsara, fir-responsabbilta’ tiegħu għad-dnub li jagħmel. Huwa għalhekk li f’kull bniedem ma hemmx ħaġ’oħra hekk tal-bniedem li ma jistax igħaddiha ‘l ħaddieħor, daqs il-mertu ta’ kull għemil tajjeb u r-responsabbilta’ ta’ kull dnub li jagħmel. 


Bħala għemil propju tal-bniedem, id-dnub jolqot l-ewwelnett u b’mod tassew ikrah lill-midneb innifsu, fir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla, li hu l-pedament tal-istess ħajja tal-bniedem, u wkoll fl-istess ruħ tiegħu għaliex idgħajjef ir-rieda u jdallam il-fehma.


Hawn ta’ min jara x’kellhom f’moħħhom dwar dnub soċjali.Dawn iż-żewġ kelmiet u l-ħsieb li hemm warajhom, jista’ jkollhom aktar minn tifsira waħda.

Meta xi ħadd jitkellem fuq id-dnub soċjalijista’ jkun l-ewwelnett qiegħed igħid li kull dnub f’xi mod jolqot lil kulħadd minħabba r-rabta kbira tal-bnedmin bejniethom, rabta’ misterjuża iva u moħbija, imma wkoll rabta reliġjuża li sseħħ, b’mod tassew għoli u tal-għaġeb, fil-misteru tax-xirka tal-Qaddisin,li permezz tagħha, kif intqal, “kull ruħ li togħla ‘l fuq minnha nfisha, tgħolli d-dinja”[72]. Għal din il-liġi li ttella’ ‘l fuq, hemm, jaħasra, liġi bil-maqlub tagħha, liġi li tniżżel ‘l isfel. U għalhekk nistgħu nitkellmu wkoll dwar xirka tad-dnub, li biha, ruħ li tidneb, b’xi mod tiġbed ‘l isfel magħha l-Knisja u d-dinja kollha. Fi kliem ieħor ma hemmx dnub, moħbi kemm hu moħbi fil-fond tal-qalb tal-bniedem, u tiegħu kemm hu tiegħu, li hu biss kollu kemm hu ta’ min jagħmlu. Kull dnub, b’qawwa kbira jew żgħira, jolqot ix-xirka kollha tal-Knisja, u l-familja kollha tal-bniedmin. Mela f’din l-ewwel tifsira li qegħdin nagħtu lill-kliem dnub soċjali.


Iżda xi dnubiet fihom infushom jolqtu lill-proxxmu tagħna, – jew aħjar, biex nitkellmu kif jitkellem l-Evanġelju – huma dnubiet kontra ħutna. Dawn id-dnubiet joffendu lil Alla, għaliex joffendu lil għajrna. Dawn id-dnubiet ġeneralment, huma msejħin dnubiet soċjali. F’din it-tieni tifsira, dnub soċjalihu kull dnub kontra l-imħabba tal-proxxmu, u fil-liġi ta’ Kristu hu dnub aktar għaliex imur kontra t-tieni kmandamen li hu bħall-ewwel wieħed[73]. Hu dnub soċjali wkoll kull dnub li hu kontra l-ġustizzja fir-relazzjonijiet tal-bniedmin bejniethom, jew tal-bniedem mas-soċjeta’, jew tas-soċjeta’ mal-bniedem. Hu dnub soċjali wkoll kull dnub kontra d-drittijiet tal-bniedem, u l-ewwelnett kontra d-dritt tal-bniedem għall-ħajja, għall-ħajja wkoll li għad ma twelditx, u għas-sħuħija ta’ ġismu; u kull dnub kontra l-liberta’ tal-oħrajn, u l-ewwelnett kontra d-dritt ewlieni tal-bniedem li jemmen f’Alla u jadurah; hu dnub soċjali
kull dnub kontra d-dinjita’ u l-fama tal-proxxmu, kif hu dnub soċjaliwkoll kull dnub kontra l-ġid ta’ kulħadd u kontra kull ma hu meħtieġ biex ikunu mħarsa d-drittijiet u d-dmirijiet kollha taċ-ċittadini. Dnub soċjalijista’ jkun kull għemil jew kull nuqqas ta’ għemil tal-mexxejja politiċi, tal-ekonomisti, u tal-mexxejja tat-“trade unions” li ma jħabirkux bil-għaqal u l-għerf kollu – għalkemm f’qagħda li jistgħu jagħmluh – biex itejbu u jbiddlu s-soċjeta’ skont il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet li jkun hemm f’dak il-waqt; hu dnub soċjali wkoll l-għemil tal-xogħol u hekk ifixklu u ma jħallux l-industrija tagħhom iġġib ‘il quddiem il-ġid tagħhom stess, u dak tal-familja tagħhom, u tas-soċjeta’ kollha kemm hi.


It-tielet tifsira tal-kelmiet dnub soċjalitolqot ir-relazzjonijiet bejn il-kommunitajiet tal-bnedmin. Dawn ir-relazzjonijiet ma jaqblux dejjem mal-pjan ta’ Alla li jrid li fid-dinja jkun hemm ġustizzja, liberta’ u sliem bejn il-bnedmin, bejn il-klassijiet u bejn il-popli. Minn hawn ġej li l-ġlieda bejn klassi u oħra hi deni soċjali, hu min hu dak li jibdiha din il-ġlieda, u hu min hu dak li, xi kull tant, igħid kif għandha titmexxa. Hu deni soċjali wkoll il-konfront ostinat bejn żewġ gruppi ta’ nazzjonijiet, bejn nazzjon u oħra, bejn żewġ klassijiet fl-istess nazzjon. F’dawn iż-żewġ każijiet tal-aħħar ta’ min jistaqsi hemmx xi individwu li fil-kuxjenza morali tiegħu hu responsabbli ta’ dan id-deni kollu, u għalhekk ħati ta’ dnub. Irridu nistqarru li ġrajjiet u qagħdiet bħal dawn li għadna kemm semmejna, tant xterdu ma’ kullimkien u tant kibru, li saru fenomenu soċjali, u ma tistax tgħid min hu l-ħtija tagħhom, kif ma tistax tgħid kif bdew tant huma komplikati. Għalhekk jekk se nitkellmu fuq dnub soċjali f’dan il-każ, iż-żewġ kelmiet dnub soċjali għandhom tifsir kollu kemm hu analoġiku. Iżda wkoll jekk nitkellmu fuq id-dnub soċjali b’mod analoġiku, ma għandniex naslu biex inaqqsu r-resonsabbiltajiet ta’ min hu mdaħħal fihom; kliemna għandu jasal biex iqanqal il-kuxjenza ta’ kulħadd, biex kull wieħed jagħmel ħiltu ħalli, bis-serjeta’ u l-qawwa kollha, iħabrek ħa jinbidlu dawn il-qagħdiet hekk koroh li ħadd ma jiflaħ għalihom.

fehma ta’ dnub soċjali llum hi mxerrda ħafna f’xi ambjenti[74] li ma nistgħux naċċettawha għax m’hijiex skont il-liġi. Din il-fehma, b’mod mhux ċar u b’mod li jista’ jqarraq, tqiegħed kontra xulxin id-dnub soċjali: b’hekk, apposta jew mhux apposta, il-ħtija tad-dnub personali titnaqqas u tista’ tgħid tispiċċa għal kollox, tant li jasal biex jingħad, li ma hemmx ħlief dnubiet u responsabiltajiet soċjali. Skont din il-fehma, li malajr  għandna nintebħu li ġejja minn ideoloġiji u sistemi mhux insara – u forsi hi fehma li llum hi mwarrba minn dawk stess li għall-ewwel ħadnuha – kull dnub hu tassew dnub soċjali fis-sens li l-ħtija tiegħu m’hijiex tal-kuxjenza morali tal-bniedem li jagħmel id-dnub, imma f’xi ħaġ’oħra li ma tistax tfisser u turi x’inhi, u li tista’ tkun xi qagħda, jew xi sistema, jew xi soċjeta’, jew xi struttura, jew xi istituzzjoni.

Meta l-Knisja titkellem fuq qagħdiet ta’ dnub jew tikkundanna bħala dnubiet soċjali xi qagħdiet jew l-imġiba kollha kemm hi ta’ xi klassi soċjali, kbira jew żgħira, jew ukoll ta’ xi nazzjonijiet jew gruppi ta’ nazzjonijiet, il-Knisja tkun taf u tkun ixxandar li dawn is-suriet kollha ta’ dnub soċjali huma l-effett ta’ ħafna dnubiet personali, li, miġbura kollha flimkien, saru qisu ħaġa waħda. Huma kollha kemm huma d-dnubiet personali, li, miġbura kollha flimkien, saru qisu ħaġa waħda. Huma kollha kemm huma d-dnubiet personali ta’ dawk li jagħmlu d-deni, jew igħinu biex isir id-deni jew jinqdew bid-deni; huma d-dnubiet ta’ dawk li istgħu jevitaw, jew ineħħu min-nofs jew almenu jnaqqsu xi suriet ta’ deni soċjali u ma jagħmlu xejn, jew għal għażż, jew minħabba l-biża’, jew għax iridu jħommu s-skiet,  jew għaliex għandhom sehem moħbi fid-deni, jew għax ma jimpurthom xejn; huma d-dnubiet ta’ dawk li jġibu l-iskuża li d-dinja ma tistax tbiddilha milli hi, ta’ dawk li jridu jeħilsu mix-xogħol u s-sikkatura, bl-iskuża li huma taparsi impenjati f’xi għemil ta’ ordni ogħla. Ir-respinsabbilta’ għalhekk ta’ dawn il-qagħdiet u ta’ dawn id-dnubiet soċjali hi kollha kemm hi ta’ individwi.

Ebda qagħda – kif ukoll ebda istituzzjoni, ebda struttura, u l-istess soċjeta’ – ma hi fiha nfisha dik li biha jsir xi għemil, u għalhekk ebda qagħda eċċ. ma tista’ tkun fiha nfisha tajba jew ħażina.

F’kull qagħda ta’ dnub dejjem għandna nsibu bnedmin midinba. Dan hu tant minnu li jekk qagħda tista’ tinbidel fl-“istrutturi” tagħha, jew fil-mod kif inhi mwaqqfa, b’xi liġi, jew – kif spiss jaħasra jiġri – bil-forza, il-bidla malajr tidher li m’hijiex sħiħa, iddum ftit, u tispiċċa biex tkun xi ħaġa fiergħa li ma tiswa xejn, jekk in-nies li huma respinsabbli tal-qagħda jibqgħu li jkunu, ma jikkonvertux.

Dnubiet mejta u dnubiet venjali    

17. Imma hemm ukoll dimensjoni ġdida tal-ministeru tad-dnub, li fuqha moħħ il-bniedem dejjem baqa’ jaħseb: il-problema tal-gravita’ tad-dnub. Hu problema li bilfors irridu nqisu; hi kwistjoni li l-kuxjenza nisranija qatt ma naqset li twieġeb għaliha: għaliex u meta dnub hu ħaġa, il-Knisja għandha t-tagħlim tagħha, u ttennih bla heda f’dak li hemm essenzjali fih, għalkemm taf  li mhux dejjem hi ħaġa ħafifa tgħid, b’mod ċar u eżatt, jekk għemil huwiex nuqqas gravi jew le.

Sa minn żmien il-Patt il-Qadim insibu nies ħatja ta’ ħafna suriet ta’ dnub, dnubiet magħmulin apposta[75], dnubiet ta’ żina[76], ta’ idolatrija[77], ta’ qima lill-allat foloz[78], u dawn in-nies, bħala ħatjin, jiġu “meqruda minn fost il-poplu”: dan kemm-il darba kien ifisser kundanna għall-mewt[79]. Iżda mbagħad, barra dawn id-dnubiet, insibu dnubiet oħra, aktarx dnubiet magħmulin b’injoranza, li jinħafru bl-offerta ta’ sagrifiċċju[80].

Il-Knisja, hija u tqis ukoll is-siltiet tal-Iskrittura li semmejna, għall-mijiet ta’ snin, dejjem tkellmet fuq dnubiet mejta u dnubiet venjali. Din l-għażla bejn id-dnubiet u dan il-kliem jidher l-aktar fit-Testment il-Ġdid fejn insibu ħafna siltiet li jsemmu u jikkundannaw bil-qawwa kollha dawk id-dnubiet li b’mod speċjali jistħoqqilhom il-kastig[81]: dan barra l-fatt li Ġesu’ nnifsu wettaq l-għaxar kmandamenti[82]. Hawn nixtieq infisser żewġ siltiet li jfissru ħafna u jqanqlu l-qlub.

F’silta mill-ewwel ittra tiegħu, San Ġwann jitkellem fuq id-dnub li jwassal għall-mewt (pros thanaton) u jqabblu ma’ dnub li ma jwassalx għall-mewt (me’ pros thanaton) [83]. Hawn San Ġwann qiegħed jitkellem – u din ħaġa ċara – fuq il-mewt tar-ruħ, fuq it-telfien tal-ħajja tassew, tal-“ħajja ta’ dejjem”, li skont San Ġwann hi l-għarfien tal-Missier u tal-Iben, u x-xirka u l-għaqda magħhom[84]. Id-dnub li jwassal għall-mewt, f’din is-silta ta’ San Ġwann, hu ċ-ċaħda tal-Iben[85] jew il-qima tal-allat foloz[86]. B’din l-għażla bejn id-dnubiet, San Ġwann, milli jidher, irid juri sewwa l-gravita’ bla qies ta’ dak li hu l-qofol tad-dnub, jiġifieri t-twarrib ta’ Alla, twarrib li jseħħ l-aktar bid-dnub tal-apostasija u tal-idolatrija, jiġifieri bid-dnub li wieħed jagħmel meta jiċħad il-fidi fil-veritajiet li Alla rrivelalna u jagħmel lil Alla daqs xi ħlejjaq tiegħu bħalma huma l-idoli u l-allat foloz[87]. Iżda, f’din is-silta, l-Appostlu wkoll juri sewwa kemm hu żgur in-nisrani li, bil-miġja tal-Iben ta’ Alla fid-dinja, “hu mwieled minn Alla”: in-nisrani għandu fih qawwa li tħarsu milli jaqa’ fid-dnub; Alla jżommu taħt il-ħarsien tiegħu; “il-Ħażin ma jmissux”. U jekk in-nisrani jidneb għax dgħajjef jew għax ma jafx, għandu fih it-tama tal-maħfra, u dan ukoll minħabba l-għajnuna li tiġih mit-talb flimkien tal-aħwa.

F’siltiet oħra tat-Testment il-Ġdid, fl-Evanġelju ta’ San Mattew[88], Ġesu’ stess jitkellem dwar “id-dagħwa bl-Ispirtu s-Santu” li “ma tinħafirx”, għaliex b’din id-dagħwa li sseħħ f’kemm-il sura, tiġi mwarrba, b’ostinazzjoni, il-konverżjoni għall-imħabba ta’ Missier kollu ħniena.

Dan hu kliem iebes ħafna u ma hemmx bħalu, u dan għaliex Alla jiġi mwarrab, u l-grazzja tiegħu ma tiġix aċċettata: dan ifisser li wieħed qietar-rieda għed joħodha mal-istess bidu tas-salvazzjoni tiegħu[89], tant li l-bniedem innifsu jkun qiegħed jagħlaq għalih, minn rajh, it-triq li twassal għall-maħfra. Nittama li huma ftit dawk li jibqgħu sal-aħħar f’fehma bħal din, fehma li biha jeħduha kontra Alla u saħansitra jisfidaw lil Alla. Iżda Alla, fl-imħabba kollha ħniena tiegħu għalina, hu wisq aqwa mill-qalb tal-bniedem – kif igħallimna l-istess San Ġwann[90]. Alla jista’ jegħleb kull resistenza psikoloġika jew spiritwali li nistgħu nagħmlulu; għalhekk – kif jikteb San Tumas  – “ma għandna qatt naqgħtu qalbna minn ħadd f’din il-ħajja, jekk inqisu kemm hu kbir Alla u kemm hu ħanin” [91].

Iżda meta nqisu l-problema tar-rieda tal-bniedem li jeħodha kontra l-ġustizzja bla qies ta’ Alla, ma jistax ikun li ma nħossux fina sentiment ta’ “biża’ u ta’ tregħid” [92], kif igħid San Pawl, biża’ u tregħid li jiswielna għas-salvazzjoni, aħna u naħsbu, fi kliem Ġesu’ dwar id-dnub li “ma jinħafirx”, kliem li jurina li hemm dnubiet li jwasslu l-midneb għall-kastig tal-“mewt ta’ dejjem”.

Fid-dawl ta’ dawn is-siltiet, u oħrajn mill-Istrittura, id-dutturi, it-teoloġi, l-għalliema tal-ħajja spiritwali u r-ragħajja tal-erwieħ qasmu d-dnubiet fi dnubiet mejta u dnubiet venjali. Santu Wistin fost l-oħrajn jitkellem dwar letalia jew mortifera crimina, u jqaddilhom ma’ dawk li huma venialia, levia jew quotidiana[93]. It-tifsir li Santu Wistin jagħti lil dawn il-kelmiet kellu influwenza kbira fuq il-Maġisteru tal-Knisja tul iż-żminijiet. Wara Santu Wistin, San Tumas imbagħad, b’mod l-aktar ċar, fisser dan it-tagħlim li baqa’ dejjem it-tagħlim sod tal-Knisja.

Meta San Tumas, u t-teoloġija kollha li tiddependi minnu, ġie biex ifisser u jgħid x’inhuma d-dnubiet mejta u d-dnubiet venjali ma setax ma jkunx jaf x’hemm fl-Iskrittura, u għalhekk x’hemm dwar il-mewt tar-ruħ. Il-bniedem biex igħix spiritwalment, skont il-ħajja tar-ruħ, igħid San Tumas, irid jibqa’ f’għaqda sħiħa ma’ Dak li hu l-bidu tal-ħajja, ma’ Alla li hu l-bidu u t-tmiem ta’ kull ħajja u ta’ kull ħidma. Id-dnub hu diżordni magħmul mill-bniedem kontra dan il-bidu tal-ħajja. “Meta r-ruħ bid-dnub iġġib diżordni fiha nfisha, diżordni li jwassal biex iwarrab lil Dak li hu l-għan ewlieni tal-bniedem, lil Alla, li miegħu għandu jkun marbut bl-imħabba, id-dnub ikun mejjet; jekk id-diżordni ma jwassalux biex iwarrab lil Alla, id-dnub ikun venjal[94]. U għalhekk id-dnub venjal ma jtellifx il-grazzja qaddisa, il-ħbiberija ma’ Alla, l-imħabba u l-hena ta’ dejjem, għax dawna jintilfu biss bid-dnub il-mejjet.

Barra dan, jekk inqisu d-dnub mill-kastig li jkun jistħoqqlu, għal San Tumas u għad-dutturi l-oħra tal-Knisja, id-dnub il-mejjet huwa dak, li jekk ma jinħafirx, iwassal għall-kastig ta’ dejjem; waqt li d-dnub venjal hu dak li jistħoqqlu biss il-kastig taż-żmien, jiġifieri kastig għal xi żmien li wieħed jista’ jpatti għalih f’din id-dinja jew fil-purgatorju.

Jekk imbagħad inħarsu lejn il-materja tad-dnub, id-dnub, li jġib il-mewt, li jwarrab għal kollox ‘l Alla li hu l-aqwa ġid tagħna, li jbiegħed mit-triq li twassal għand Alla jew iwaqqaf il-mixi lejn Alla (b’dan il-kliem aħna soltu nfissru x’inhu dnub mejjet) hu fih innifsu xi ħaġa serja, xi ħaġa gravi. U għalhekk fit-tagħlim tal-Knisja, u fil-ħidma pastorali tagħha, fil-prattika dnub gravi u l-istess ħaġa bħal dnub mejjet.

Hawn għandna l-qofol tat-tagħlim tradizzjonali tal-Knisja, li spiss ġie mtenni bil-qawwa kollha f’dan l-aħħar Sinodu, li mhux biss wettaq kull ma għallem il-Konċilju ta’ Trento dwar l-eżistenza u n-natura tad-dnubiet mejta u dnubiet venjali[95] imma fakkar ukoll li d-dnub il-mejjet hu dak id-dnub li hu ta’ materja gravi u li min jagħmlu jkun jaf sewwa x’qiegħed jagħmel u jkollu fehma sħiħa li jagħmlu. U rridu ngħidu wkoll – kif intqal fis-Sinodu – li xi dnubiet, minħabba l-istess materja tagħhom huma fihom infushom dnubiet gravi u mejta. Dan ifisser li hemm għemil li, fih innifsu u bih innifsu (in se et per se), indipendentament miċ-ċirkustanzi li fihom isir, hu dejjem ħażin b’mod gravi minħabba l-oġġett tiegħu. Għemil bħal dan, jekk min jagħmlu jkun jagħraf biżżejjed x’qiegħed jagħmel u jkun ħieles biżżejjed biex jagħmlu, hu dejjem għemil gravi ħafna[96].

Dan it-tagħlim, li hu mibni fuq l-għaxar kmandamenti u fuq dak li jxandar il-Patt il-Qadim, daħal fil-kerygma tal-Appostli u kien it-tagħlim tal-ewwel żminijiet tal-Knisja; dan it-tagħlim il-Knisja kompliet ittennih sal-lum, u huwa tagħlim imwettaq mill-esperjenza tal-bniedem tul iż-żminijiet. Il-bniedem jaf sewwa mill-esperjenza tiegħu, huwa u miexi fit-triq tal-fidi u tal-ġustizzja li f’din id-dinja twasslu għall-għarfien u għall-imħabba ta’ Alla u għall-għaqda sħiħa miegħu fil-ħajja ta’ dejjem, li jista’ jieqaf mill-mixi tiegħu jew jista’ jaljena ruħu, iżda ma jitlifx it-triq: dan hu d-dnub venjal, li iżda ma għandniex iqisuh xi ħaġa ta’ xejn, u għalhekk xi ħaġa mhux ta’ min jagħti każ tagħha, jew qisu xi dnub bla edba importanza.

Għax il-bniedem jaf ukoll, mill-esperjenza qarsa tiegħu, li b’għemil ħieles tiegħu u b’għarfien sħiħ ta’ dak li qiegħed jagħmel, jista’ jbiddel triqtu u jaqbad triq li tmur kontra r-rieda ta’ Alla, u hekk jitbiegħed minn Alla (aversio a Deo), iwarrab mix-xirka tal-imħabba ta’ Alla, u mill-għaqda ma’ Alla mibnija fuq l-imħabba, jitbiegħed mill-għajn tal-ħajja li hu Alla, u hekk jagħżel il-mewt.

Mat-tradizzjoni kollha tal-Knisja aħna nsejħu dnub mejjet dak id-dnub li bih il-bniedem, bil-liberta’ kollha tiegħu u b’rieda sħiħa, jiċħad lil Alla, lil-liġi tiegħu, u minflok jagħżel lilu nnifsu jew xi ħaġa maħluqa li tintemm, xi ħaġa kontra r-rieda ta’ Alla (conversio ad creaturam). Dan jista’ jsir b’mod dirett u formali bħalma jiġri fid-dnubiet tal-idolatrija, l-apostasija u l-ateiżmu; imma jista’ jiġri wkoll mod ieħor, iżda daqsu, kull darba li l-bniedem ma jobdix il-kmandamenti ta’ Alla f’ħaġa gravi. Il-bniedem jagħraf li malli ma jobdix lil Alla, jikser ir-rabta li għandu ma’ Dak li jagħtih il-ħajja: hu dnub mejjet, jiġifieri għemil li bih wieħed joffendi lil Alla b’mod gravi, għemil li jispiċċa biex idur kontra l-bniedem innifsu b’qawwa kbira ta’ qerda.

Fil-laqgħat tas-Sinodu, xi isqfijiet ipproponew għażla oħra tad-dnubiet, tliet suriet ta’ dnub: dnub venjali, dnub gravi u dnub mejjet. Din it-tqassim tad-dnubiet jista’ juri li d-dnubiet gravi mhumiex kollha tal-istess gravita’. Imma jibqa’ dejjem veru li l-għażla essenzjali u deċisiva hija dik bejn id-dnub li jeqred l-imħabba u d-dnub li ma jeqridx il-ħajja tar-ruħ: mhemmx triq tan-nofs bejn ħajja u mewt.

Irridu wkoll noqgħodu attenti li ma nqisux dnub mejjet biss l-“opzjoni fundamentali” – kif qed għidu llum – kontra Alla, frażi li biha jridu jfissru att ċar u tond, espliċitu u formali ta’ stmerrija ta’ Alla u tal-proxxmu. Hemm dnub mejjet ukoll meta l-bniedem, b’fehma sħiħa u b’rieda soda, hu x’inhu għaliex, jagħżel xi ħaġa li fiha nfisha hi diżordni kbir. Għażla bħal din ġa għandha fiha nfisha stmerrija tal-liġi ta’ Alla, ċaħda tal-imħabba li Alla għandu għall-bnedmin u għall-ħolqien kollu: il-bniedem ikun qiegħed jitwarrab minn Alla u jitlef l-imħabba. Il-bniedem jista’ jibdel  l-għażla fondamentali tiegħu, u jbiddilha għal kollox, permezz ta’ atti individwali. Iva, jista’ jkun hemm kondizzjonijiet, tant komplikati u tant imħawdin mill-aspett psikoloġiku li jistgħu jinfluwenzaw il-ħtija soġġettiva tal-bniedem. Iżda m’hijiex ħaġa sewwa li, minn konsiderazzjoni tal-qasam psikloġiku, naslu biex inwaqqfu kategorija teoloġika, bħalma hi l-“opzjoni fundamentali”, jekk nifhmuha bħala għażla li tbiddel oġġettivament jew toħloq dubbji dwar id-dnub il-mejjet, kif dejjem fehmietu t-tradizzjoni tal-Knisja. Għalkemm ta’ min japprova kull sforz sinċier u għaqli biex jiftiehem aħjar il-misteru psikoloġiku u teoloġiku tad-dnub, il-Knisja, ma’ dan kollu, għandha d-dmir li tfakkar, lil dawk kollha li qegħdin jistudjaw din il-ħaġa, fil-ħtieġa li joqogħdu għal dak li tgħallimna l-Kelma t’Alla, ukoll dwar id-dnub, u dwar il-periklu li, bil-fehmiet tagħhom, jistgħu jgħinu biex ikompli jidgħajjef is-sens tad-dnub fil-ħajja tal-lum.

It-telfien tas-sens tad-dnub

18. Mill-Evanġelju, kif jinqara fix-xirka tal-Knisja, tul iż-żminijiet, il-kuxjenza nisranija kisbet sensibilta’ fina u għarfien sħiħ ta’ dik li hi l-ħmira tal-mewt li tinsab fid-dnub, sensibilita’ u għarfien li jaslu biex jintebħu b’din il-ħmira fl-eluf ta’ suriet li fihom juri ruħu d-dnub. Dan insejħulu is-sens tad-dnub.

Dan is-sens għandu l-għeruq tiegħu fil-kuxjenza morali tal-bniedem: qisu t-termometru tagħha. Hu marbut mas-sens ta’ Alla, għax ġej mill-fatt li l-bniedem iħoss li għandu relazzjoni ma’ Alla bħala l-Ħallieq tiegħu, Sidu u Missieru. Għalhekk, kif il-bniedem qatt ma’ jista’ jitlef għal kollox is-sens ta’ Alla, jew imewwet għal kollox il-kuxjenza tiegħu, hekk lanqas ma jista’ jeqred għal kollox ġo fih is-sens tad-dnub.

Iżda spiss, fil-ġrajja tal-bniedem, għal żmien ftit jew wisq twil, minħabba għadd ta’ raġunijiet, il-kuxjenza morali ta’ ħafna bnedmin tiddallam. “Nafu sewwa x’inhi l-kuxjenza?” din il-mistoqsija għamiltha sentejn ilu, meta kont nistaqsi xi nsara: “Mhux forsi minnu wkoll li l-bniedem tal-lum hu fil-periklu li l-kuxjenza tonqoslu? Li l-kuxjenza tiegħu titħassar? Li torqodlu qiesha taħt anestesija”? [97]. Hemm ħafna sinjali li qegħdin juruna li hawn dan l-“eklissi” tal-kuxjenza fi żmienna; u dan iħassibni aktar għaliex il-kuxjenza, li skont il-Konċilju hi “ċ-ċentru l-aktar moħbi u l-aktar qaddis tal-bniedem[98], għandha rabta liema bħalha mal-liberta’ tal-bniedem… għalhekk il-kuxjenza hija l-aqwa pedament tad-dinjita’ tal-bniedem fih innifsu, u fl-istess ħin ukoll, il-pedament tad-dinjita tal-bniedem fih innifsu, u fl-istess ħin ukoll, il-pedament tar-relazzjonijiet tiegħu ma’ Alla” [99]. U għalhekk bil-fors jiġri li, f’qagħda bħal din tal-lum, jiddallam ukoll is-sens ta’ Alla li għandu rabta tassew kbira mal-kuxjenza morali tal-bniedem, mat-tfittixx tal-verita’ u mal-użu b’mod responsabbli tal-liberta’. Meta tiddgħajjef il-kuxjenza, jiddallam ukoll is-sens ta’ Alla, u għalhekk jiġri li l-bniedem jitlef is-sens tad-dnub, għaliex ikun tilef il-kuxjenza tiegħu, il-kriterju hekk importanti li l-bniedem għandu fih innifsu u li fuqu jimxi. Hu għalhekk li l-Papa Piju XII mar igħid dan il-kliem li, tista’ tgħid, sar qisu qawl: “Id-dnub ta’ żmienna hu t-telfien tas-sens tad-dnub”[100].

Għaliex ġara dan fi żmienna? Jekk inqisu xi aspetti tal-kultura tal-bniedem illum, dan jista’ jgħinna biex nifhmu kif, bil-mod il-mod, beda jonqos is-sens tad-dnub, u dan ġara propju għaliex hawn kriżi tal-kuxjenza u tas-sens ta’ Alla, kif għadna kemm fissirna.

Is-“sekulariżmu”, min-natura tiegħu stess u mit-tifsira li tingħatalu, hu moviment ta’ fehmiet u ta’ mġiba, li jħaddan “umaniżmu”, li jħalli ‘l Alla barra għal kollox; dan għax kollu kemm hu medhi fil-ħidma ħa jiproduċi l-ġid, imsaħħar mill-konsumiżmu u d-divertiment, bla ebda ħsieb fit-“telfien tar-ruħ”; hu għalhekk li jidgħajjef is-sens tad-dnub. Id-dnub għalhekk isir l-aktar xi għemil li joffendi l-bniedem. U propju minn hawn tiġi dik l-esperjenza qarsa li fuqha tkellimt fl-ewwel enċiklika tiegħi: “Il-bniedem jista’ jibni dinja mingħajr Alla, imma din id-dinja fl-aħħar għad iddur kontra l-bniedem”[101]. Għax tassew, Alla hu l-bidu u l-għan ewlieni tal-bniedem, li għandu fih żerriegħa minn Alla[102]. Għalhekk hu Alla li tassew juri, u jurih b’mod l-aktar ċar, il-misteru tal-bniedem. Għalhekk hi ħaġa fiergħa taħseb li se jkun hawn xi sens ta’ dnub kontra l-bniedem u l-valuri tal-bniedem, jekk jonqos is-sens ta’ offiża lil Alla, għax dan hu s-sens veru tad-dnub.

Is-sens tad-dnub fis-soċjeta’ tal-bnedmin tal-lum qiegħed jispiċċa minħabba l-iżbalji li fihom wieħed jaqa’ bħala effett ta’ xi tagħrif miksub mix-xjenzi dwar il-bniedem. Minħabba xi fehmiet tal-psikoloġija, xi wħud, jew biex ma jagħmlux xi xkiel għal-liberta’ tal-bniedem, jaslu biex ma jammettu ebda nuqqas fil-bniedem. Jekk il-kriterji tas-soċjoloġija wieħed jużahom, bla bżonn, barra mill-qasam ta’ din ix-xjenza, jasal biex igħid – kif ġa semmejna – li kull dnub hu ħtija tas-soċjeta’ u l-individwu ma jaħtix ta’ ebda dnub li jagħmel. U ċerta antropoloġija “kulturali”, għax dejjem tkabbar l-influwenza li jista’ jkollhom fuq il-bniedem l-ambjent u l-ġrajjiet li fihom isibu ruħu – u ma nistgħux niċħdu li dawn għandhom influwenza fuq il-bniedem – tant tnaqqas ir-responsabbilta’ tal-bniedem li tasal biex tiċħadlu l-ħila li jagħmel xi għemil tassew ta’ bniedem, u għalhekk ukoll il-ħila li jagħmel xi dnub.

Is-sens tad-dnub jista’ wkoll jonqos malajr minħabba dik l-etika li ġejja minn ċertu “relativiżmu storiċistiku”, kif igħidulu. Din tista’ tkun etika li tgħid li r-regola morali hi ħaġa relativa, bla ebda valur assolut u inkondizzjonat, u għalhekk tiċħad li jista’ jkun hemm għemil li jkun fih innifsu ħażin, mingħajr ma jitqisu ċ-ċirkustanzi li fihom dak l-għemil isir. B’dak il-mod il-valur morali “jinqalbu ta’ taħt fuq” u jiġġarrfu, u “l-kwistjoni ma tkunx aktar dwar wieħed jafx x’inhuma l-prinċipji tal-morali nisranija”, imma dwar “wieħed jafx x’inhuma l-pedamenti u l-kriterji tal-imġiba morali”[103]. Dan it-taqlib kollu dejjem iwassal biex tonqos il-fehma tad-dnub, imma ħadd ma jaf min jagħmlu.

Fl-aħħarnett is-sens tad-dnub jintilef jekk wieħed jaħseb li d-dnub hu biss sentiment ta’ ħtija li jista’ jkollok, jew hu biss ksur ta’ xi regola jew preċett tal-liġi: din il-fehma żbaljata tad-dnub tista’ tiġi mit-tagħlim li jingħata liż-żgħażagħ, jew mill-mass media, jew ukoll mit-trobbija li tingħata fi ħdan il-familja.

Mela t-telfien tas-sens tad-dnub hu sura jew effett taċ-ċaħda ta’ Alla: mhux biss taċ-ċaħda ta’ Alla li nsibu fl-ateiżmu, imma wkoll fiċ-ċaħda ta Alla li hemm fis-“sekulariżmu”. Għaliex jekk id-dnub huwa l-qtugħ tar-relazzjonijiet, li bihom aħna marbutin ma’ Alla bħala wliedu, biex tul ħajjitna ma nobduhx, hu dnub mhux biss tiċħad lil Alla, imma huwa dnub ukoll tgħix qisu ma hemmx Alla, qisu qed tneħħih għal kollox mill-ħajja ta’ kuljum. Soċjeta’, b’wieħed jew l-ieħor minn dawn in-nuqqasijiet, tgħin ħafna biex bil-mod il-mod jintilef is-sens tad-dnub; u din is-sura ta’ soċjeta’ hija dik li spiss jippreżentawlna l-mass media. F’qagħda bħal din, is-sens tad-dnub jiddallam u jonqos għal ħafna raġunijiet: is-sens tad-dnub jista’ jonqos u jiddallam meta wieħed ma jammettix li jista’ jkollu xi relazzjonijiet ma’ xi ħadd ħafna ‘l fuq mid-dinja, u dan biex iħares l-awtonomija personali tiegħu, kif igħidulha; is-sens tad-dnub jista’ jonqos u jiddallam ukoll meta tiġi milqugħa xi mġiba morali għax kulħadd qiegħed jaċċettaha u taqbel mad-drawwiet taż-żmien li jkun għalkemm kull wieħed iħoss fil-kuxjenza li ma għandux jaċċettaha; is-sens tad-dnub jista’ jonqos u jiddallam ukoll meta jkun hemm qagħdiet ekonomiċi u soċjali serji ħafna, li fihom jinsabu l-kotra l-kbira tan-nies, għax dan iwassal biex iġagħlhom jaħsbu li d-dnubiet u l-iżbalji huma biss tas-soċjeta’; u fl-aħħarnett u fuq kollox is-sens tad-dnub jonqos u jiddallam, meta lil Alla ma narawhx aktar bħala Missier u Sid il-ħajja.

Barra dan, fi ħdan il-Knisja stess insibu min għandu ħsibijiet u fehmiet li bilfors se jwasslu ħa jonqos is-sens tad-dnub. Xi wħud – biex insemmu xi eżempji – qegħdin jibdlu l-esaġerazzjonijiet tal-imgħoddi ma’ esaġerazzjonijiet oħra, u minn flok li qegħdin jaraw dnubiet kullimkien, ma huma qegħdin jaraw ebda dnub imkien; minflok ħafna importanza mogħtija lill-biża’ tat-telfien ta’ dejjem, qegħdin jitkellmu fuq l-imħabba ta’ Alla b’mod li jiċħdu li jista’ jkun hemm xi kastig għad-dnub; minflok li jikkorreġġu bil-qawwa kollha kuxjenza li tkun fi żball, qegħdin juru sura ta’ rispett esaġerat għall-kuxjenza ta’ dak li jkun tant li jwassalhom biex ma jaqdux dmirhom u jgħidulu s-sewwa. U għax ma nsemmux ukoll il-kunfużjoni li qiegħda tinħoloq fil-kuxjenza ta’ ħafna nsara minħabba differenzi ta’ opinjonijiet u ta’ tagħlim teoloġiku, bil-priedki, bil-katekeżi, bil-pariri li jingħataw fid-direzzjoni spiritwali dwar ħafna kwistjonijiet ta’ morali nisranija, kwistjonijiet serji u li jitolbu għaqal kbir: ma jwassalx dan ukoll biex jonqos is-sens tad-dnub sa ma jerirdu għal kollox? U lanqas nistgħu ma nsemmux xi nuqqasijiet fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-Penitenza: bħalma hi l-ħajra ta’ xi wħud li ma jurux ċar x’iffissru għall-Knisja d-dnub u l-konverżjoni, u jqisuhom biss bħala xi għemil tal-individwi; jew, għall-kuntrarju, il-ħajra ta’ oħrajn li jeħilsu l-individwu minn kull responsabbilta’ għat-tajjeb jew għall-ħażin u jagħmel, u jaraw biss ir-responsabbilta’ tal-komunita’. Hemm ukoll il-periklu, li qatt ma twarrab għal kollox, tar-“rutina ritwali”, ta’ qrar li bih is-Sagrament jitlef it-tifsir kollu tiegħu u l-qawwa tiegħu li jsawwar il-kuxjenza tal-bniedem.

L-ewwel pass li jrid isir biex titbiegħed il-kriżi spiritwali kbira li qiegħda thedded il-bniedem tal-lum, huwa dak li jerġa’ jkollna l-veru sens tad-dnub. Dan jista’ jseħħ biss jekk il-bniedem innifsu jerġa’ lura għal dawk il-prinċipji tar-raġuni u tal-fidi li qatt ma jistgħu jinbidlu, prinċipji li l-Knisja dejjem żammet fit-tagħlim morali tagħha.

Għandna nittamaw li almenu fi ħdan id-dinja nisranija u fil-Knisja, jerġa’ jkun hemm dak is-sens veru tad-dnub li meħtieġ għas-salvazzjoni. Biex dan iseħħ jeħtieġ ikun hemm katekeżi adatta, imdawla mit-teoloġija biblika dwar il-Patt ta’ Alla mal-bnedmin; jeħtieġ li l-insara kollha jisimgħu b’attenzjoni sħiħa u b’fiduċja kbira l-Maġisteru tal-Knisja, li qatt ma tonqos iddawwal il-kuxjenzi; u jeħtieġ ukoll li ċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-Penitenza tkun aktar eżatta.

Kap II

“MYSTERIUM PIETATIS”

19. Biex nagħarfu d-dnub jeħtieġ naraw x’inhi n-natura tiegħu, li ġiet umħabbra lilna fir-rivelazzjoni tal-pjan tas-salvazzjoni: id-dnub hu l-misteru tal-ħażen – Mjsterium iniquitatis. Iżda f’dan il-pjan id-dnub la hu l-aqwa ħaġa, u wisq anqas hu r-rebbieħ. F’dan il-pjan jidher bħala dak li qiegħed jeħodha kontra prinċipju attiv ieħor li aħna nsejħulu l-misteru jew sagrament tat-tjieba – Mysterium vel sacramentum pietatis, biex nużaw il-frażi hekk sabiħa ta’ San Pawl, frażi li ġġibilna tant ħsibijiet sbieħ. Id-dnub tal-bniedem kien jirbaħ u jasal biex jeqred kollox, u l-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni ma kienx ikun sħiħ jew kien jintemm fix-xejn, kieku dan il-mysterium pietatis ma daħalx bil-qawwa kollha fil-mixi ‘l quddiem tal-ġrajja tal-bniedem, biex jegħleb id-dnub tal-bniedem.

Niltaqgħu ma’ din il-frażi f’waħda mill-ittri pastorali ta’ San Pawl, fl-ewwel ittra tiegħu lil Timotju. Il-frażi tidher meta wieħed ma kienx jistenniha, qisha daħlet bil-qawwa tal-ispirazzjoni ta’ Alla. L-Appostlu kien tkellem fit-tul, fil-messaġġ tiegħu lid-dixxiplu maħbub, dwar kif kellu jorganizza l-komunita’ (l-organizazzjoni tal-liturġija u tal-ġerarkija, li hi marbuta mal-organizazzjoni tal-liturġija); tkellem imbagħad dwar id-dmirijiet ta’ dawk li jmexxu l-komunita’ u l-aktar tad-djakni, u wara tkellem dwar kif kellu jġib ruħu Timotju fil-“Knisja ta’ Alla l-ħaj, kolonna u pedament tal-verita’”. Fl-aħħarnett, f’daqqa waħda, imma mqanqal minn ħsieb tassew għoli, fakkar dak li kellu jagħti tifsir sħiħ lil kull ma kien kiteb: “Kbir hu l-misteru tar-reliġjon tagħna”[104].

Mingħajr ma nnaqqsu xejn minn dan il-kliem, nistgħu nwessew il-ħsieb teoloġiku għoli ta’ San Pawl biex ikollna dehra aktar sħiħa tal-ħsieb teoloġiku għoli ta’ San Pawl biex ikollna dehra aktar sħiħa tal-ħidma li għandha l-verita’ mħabbra minnu fil-pjan tas-salvazzjoni. U tassew “kbir”, intennu ma’ San Pawl, tassew “kbir hu l-misteru tar-reliġjon tagħna”.

Imma x’ried igħid San Pawl b’dan il-kliem?

Hu Kristu nnifsu

20. Ifisser ħafna li San Pawl, meta ġie biex jitkellem fuq dan il-“misteru”, dak li jikteb, grammatikalment ma għaqqdux ma’ dak li kiteb qabel[105], imma niżżel biss tliet versi minn innu Kristoloġiku, li skont xi għorrief ta’ awtorita’ kbira, kien jitkanta f’komunitajiet insara Griegi.

Bil-kliem ta’ dan l-innu, mimli ħsibijiet teoloġiċi u jiddi bi ġmiel tassew nobbli, l-insara tal-ewwel mitt sena kienu jistqarru l-fidi tagħhom fil-misteru ta’ Kristu, li

  • deher fil-ġisem u ġie kostitwit mill-Ispirtu s-Santu bħala l-Ġust li jagħti ħajtu għal dawk li ma kienux ġusti;
  • deher lill-anġli, magħmul aqwa minnhom, u mxandar lill-pagani bħala dak li jwasslilhom is-salvazzjoni;
  • emmnuh fid-dinja bħala l-mibgħut mill-Missier, u mill-istess Missier meħud fil-glorja bħala l-Mulej[106].

Għalhekk il-mysterium pietatis hu l-istess misteru ta’ Kristu, Hu, fi ftit kliem, il-misteru tal-Inkarnazzjoni u tal-Fidwa, tal-Għid sħiħ ta’ Ġesu’, Iben Alla u iben Marija; il-misteru tal-passjoni u l-mewt tiegħu, tal-qawmien tiegħu mill-imwiet u tal-glorifikazzjoni tiegħu. San Pawl, huwa u jikteb il-kliem ta’ dan l-innu, ried juri bil-qawwa kollha li  dan il-misteru huwa l-prinċipju moħbi ta’ dik il-ħajja li biha l-Knisja ssir id-dar ta’ Alla għalina, jista’ jasal sal-għeruq moħbija tal-ħażen tagħha, biex iqajjem ir-ruħ, iċaqlaq ir-ruħ għall-konverżjoni ħa jifdiha u jqabbadha t-triq tar-rikonċiljazzjoni.

San Ġwann ukoll jitkellem bla tlaqliq fuq dan il-misteru, għalkemm il-mod kif hu jikteb mhux l-istess bħal dak ta’ San Pawl; dan għamlu meta kiteb: “kull min hu mwieled minn Alla ma jidnibx, imma l-Iben ta’ Alla jħarsu mid-dnub u l-ħażin ma jmissux”[107]. F’dan il-kliem ta’ San Ġwann insibu sinjal ta’ tama mibnija fuq il-wegħdiet ta’ Alla: in-nisrani għandu l-ħarsien u għandu l-qawwa meħtieġa biex ma jidnibx. Dan ma jfissirx li l-bniedem ma jistax jidneb għaliex kiseb dan bit-tjieba tiegħu jew għaliex għandu fih innifsu din il-ħajja li ma jidnibx, kif kienu jaħsbu n-njostiċi. Il-ħila ġejja mill-ħidma ta’ Alla. In-nisrani ma jidnibx, għax jagħraf lil Alla, kif San Ġwann ifakkarna f’din l-istess ittra tiegħu. Ftit qabel San Ġwann kiteb: “Kull min hu mwieled minn Alla ma jagħmilx dnub, għax iż-żerriegħa ta’ Alla tibqa’ fih”[108]. Jekk b’din “iż-żerriegħa ta’ Alla” aħna nifhmu – kif xi kommentaturi tal-Iskrittura jifhmu – ‘il Ġesu’, l-Iben ta’ Alla, nistgħu ngħidu li n-nisrani, biex ma jidnibx, irid ikollu fih lil Kristu u ‘l misteru ta’ Kristu, li hu l-mysterium pietatis.

L-isforz tan-nisrani

21. Iżda hemm aspett ieħor ta’ dan il-mysterium pietatis: bħala tweġiba għat-tjieba kollha mħabba ta’ Alla għan-nisrani, irid ikun hemm it-tjieba tan-nisrani lejn Alla. F’dan is-sens b’tjieba (eusebeia) nifhmu dik l-imġiba tan-nisrani li jwieġeb b’tjieba ta’ iben għat-tjieba ta’ Missier li Alla jurih.

F’dan is-sens, nistgħu ngħidu ma’ San Pawl: “Kbir hu l-misteru tar-reliġjon tagħna”. F’din it-tifsira wkoll, it-tjieba hija qawwa għall-konverżjoni u r-rikonċiljazzjoni, li teħodha kontra l-ħażen u d-dnub. F’dan il-każ, l-aspetti ewlenin tal-misteru ta’ Kristu huma oġġett tat-tjieba tan-nisrani, jiġifieri n-nisrani jilqa’ dan il-misteru, jikkontemplah, u jikseb minnu dik il-qawwa spiritwali li jeħtieġ biex għix skont l-Evanġelju. Huwa ukoll nistgħu ngħidu li “minn għajn ta’ qawwa spiritwali li tfawwar fir-ruħ, hu mwissi biex ma jidnibx, anzi ordnat li ma jidnibx, imma jġib ruħu “fid-dar ta’ Alla, li hi l-Knisja ta’ Alla l-ħaj”[109] bħala iben ta’ Alla.

Lejn ħajja rikonċiljata

22. Mela l-kliem tal-Iskrittura, hi u tirrivelalna l-mysterium pietatis, jiftaħ il-qalb tal-bniedem għall-konverżjoni u r-rikonċiljazzjoni: dawn il-bniedem ma għandux jifhimhom bħala xi ħaġa astratta u għolja, imma bħala valuri li jridu jinkisbu bil-fatti fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum.

Il-bnedmin ta’ żmienna wkoll, għaliex jinsabu fil-periklu li jitilfu s-sens tad-dnub u li xi kull tant huma mħajrin mill-fehma qarrieqa u xejn nisranija, li l-bniedem bħala individwu ma jidnibx, jeħtiġilhom jisimgħa, qisu qiegħed jingħad lil kull wieħed minnhom għalih waħdu, kliem San ĠwannL “Jekk ngħidu li ma għandniex dnub, inkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verita’ ma tkunx fina”[110], għax tassew “id-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-ħażin[111]”. Għalhekk kull wieħed minna hu mwissi mil-Leħen tal-Verita’ biex igħarbel il-kuxjenza tiegħu skont il-qagħda li fiha jinsab, u jistqarr li ssawwar fil-ħtija kif ngħidu fis-Salm Miserere[112]. Iżda l-bnedmin tal-lum, minkejja li huma mheddin mill-biża’ u d-disperazzjoni, jistgħu jqawwu qalbhom bil-wegħda ta’ Alla li tiftħilhom il-bieb għal rikonċiljazzjoni sħiħa.

Il-mysterium pietatis, min-naħa ta’ Alla, hu dik il-ħniena – u nerġgħu ntennuh dan – il biha hu għani Alla l-Missier u s-Sid tagħna[113]. Kif għidna fl-enċiklika dwar il-ħniena ta’ Alla[114], hi mħabba aktar qawwija mid-dnub, aktar qawwija mill-mewt. Meta nintebħu li l-imħabba ta’ Alla għalina ma tintemmx bid-dnub tagħna, ma titneħħix bl-offiżi tagħna, iżda minflok jikber it-tħassib u l-qalb kbira tiegħu għalina; meta nagħarfu li din l-imħabba waslet sal-Passjoni u l-Mewt tal-Verb ta’ Alla li aċċetta li jsir bniedem biex jifdina, billi bid-demm tiegħu jħassar il-kont tad-dejn li kien hemm kontrina: imbagħad minn qalbna joħroġ dan il-kliem aħna u nistqarru “Hekk hu: Alla hu għani bil-ħniena”; anzi “Alla hu ħniena”.

Il-mysterium pietatis hu t-triq li l-ħniena ta’ Alla fetħitilna biex naslu ħa niksbu ħajja rikonċiljata.

IT-TIELET TAQSIMA

IL-MINISTERU PASTORALI TAL-PENITENZA U

TAR-RIKONĊILJAZZJONI


Inġibu ‘l quddiem il-penitenza u r-rikonċiljazzjoni

23. Il-missjoni naturali tal-Knisja, li trid tkompli l-missjoni tal-Fidwa ta’ Ġesu’, li waqqafha, hi dik li tqanqal qlub il-bnedmin għall-konverżjoni u l-indiema biex imbagħad tagħtihom id-don tar-rikonċiljazzjoni. Dan id-dmir tal-Knisja ma taqdihx biss b’għadd żgħir ta’ affirmazzjonijiet teoretiċi, u lanqas b’xi sura ta’ ideal etiku li tqiegħed quddiem il-bniedem mingħajr ebda ħidma biex dan l-ideal iseħħ bil-fatti; dan id-dmir il-Knisja taqdih permezz ta’ ċelebrazzjonijiet ministerjali bil-għan li sseħħu tassew il-penitenza u r-rikonċiljazzjoni.

Dan il-ministeru, li bħala pedament għandu l-prinċipji tal-fidi li semmejna, għandu l-għan propju tiegħu u għandu wkoll il-mezzi xierqa biex jikseb dan il-għan tiegħu, aħna nsejħulu l-ministeru pastorali tal-penitenza u tar-rikonċiljazzjoni. Dan il-ministeru għandu l-bidu tiegħu fil-fehma tal-Knisja, u l-aktar il-ħidma pastorali tal-penitenza u tar-rikonċiljazzjoni, hu l-bniedem midneb, li tiegħu s-sultan David huwa x-xbieha tfisser ħafna. Imċanfar minn Natan il-profeta, David ma ċaħadx u ammetta l-ħtija tiegħu, u għalhekk stqarr: “Dnibt kontra l-Mulej”[115], u żied igħid: “jien nagħrafhom ħtijieti u d-dnub tiegħi dejjem quddiemi”[116], u għalhekk talab: “Roxxni bl-ilma u nissaffa, aħsilni u aktar mis-silġ nibjad”[117]; għalhekk Alla wieġbu u qallu: “Il-Mulej… ħafirlek, int ma tmutx”[118].

Il-Knisja għalhekk għandha quddiemha l-bniedem – anzi l-familja kollha tal-bnedmin – midrub mid-dnub, u milqut minnu sal-fond nett tal-eżistenza tiegħu; iżda l-bniedem hu wkoll miġbud minn xewqa, li ma jistax iżommha, li jeħles mid-dnub, u, speċjalment jekk hu nisrani, għax jaf bil-mysterium pietatis, hu żgur li Kristu l-Mulej ġa qiegħed jaħdem fih u fid-dinja kollha bil-qawwa tal-Fidwa.

Għalhekk il-missjoni tal-Knisja għar-rikonċiljazzjoni trid isseħħ skont dik ir-rabta liema bħala li torbot flimkien il-maħfra u t-tneħħija tad-dnub ta’ kull bniedem mar-rikonċiljazzjoni sħiħa u ewlenija tal-bnedmin kollha li seħħet bil-Fidwa. Din ir-rabta turina li l-konverżjoni biss tista’ ġġib rikonċiljazzjoni sħiħa ġejja mill-qalb, rikonċiljazzjoni mhux ta’ mument imma li tibqa’, rikonċiljazzjoni kull fejn hemm il-firda, għaliex id-dnub hu l-bidu ta’ kull firda – firda bejn il-bniedem u Alla li ħalqu, firdiet fil-qalb tal-bniedem u fl-istess ħajja tiegħu, firdiet bejn individwi u firdiet bejn gruppi ta’ nies, firdiet bejn il-bniedem u n-natura maħluqa minn Alla.

Ma hemmx għalfejn noqgħodu ntennu dak li ġa għidna dwar l-importanza tal-ministeru tar-rikonċiljazzjoni[119] u dwar il-ministeru pastorali tar-rikonċiljazzjoni kif tifhmu u tgħixu l-Knisja. Din il-ħidma pastorali tkun nieqsa minn aspett fondamentali tagħha u mċaħħda minn ħidma li ma tista’ qatt tħalliha, jekk b’mod ċar u sod, f’ħin waqtu u barra minn waqtu, il-Knisja ma xxandarx il-Bxara tar-rikonċiljazzjoni[120] u ma toffrix lid-dinja d-don tar-rikonċiljazzjoni. Anzi ta’ min igħid ukoll li l-importanza tal-ministeru tar-rikonċiljazzjoni tal-Knisja jrid iseħħ ukoll ‘l hemm mill-istess Knisja u jħaddan id-dinja kollha.

Għalhekk meta nitkellmu fuq il-ministeru pastorali tal-penitenza u r-rikonċiljazzjoni, inkunu qegħdin nitkellmu fuq il-ħidma kollha li l-Knisja trid tagħmel f’kull livell biex iġġib ‘il quddiem il-penitenza u r-rikonċiljazzjoni. U biex nuru dan b’mod aktar ċar, ngħidu li, aħna u nitkellmu fuq dan il-ministeru pastorali, inkunu qegħdin infakkru dawk il-ħidmiet kollha li bihom il-Knisja twassal kull bniedem, għal rasu jew flimkien ma’ oħrajn, għal dik il-penitenza vera li tqabbdu t-triq tar-rikonċiljazzjoni sħiħa, permezz tal-membri kollha tagħha u ta’ kull wieħed – saċerdoti u fidili ta’ liema ordni jew ta’ liema grad huma – u permezz tal-mezzi kollha li għandha – bil-kliem u bl-għemil, bit-tagħlim u bit-talb tagħha.

L-isqfijiet tas-Sinodi, bħala rappreżentanti ta’ ħuthom l-isqfijiet l-oħra, u bħala mexxejja tal-popli fdati lilhom, tkellmu dwar l-elementi prattiċi u konkreti ta’ dan il-ministeru pastorali. Bil-qalb kollha nagħmel bħalhom u naqbel magħhom, naqsam magħhom it-tħassib u t-tamiet tagħhom, nilqa’ kull ma ħareġ mill-istudju u l-istħarriġ tagħhom u nwettaq dak kollu li ppjanaw u għamlu. Jalla jsibu f’din it-taqsima tal-esortazzjoni appostolika tiegħi dak kollu li huma taw waqt il-laqgħat tas-Sinodu, u li hu ta’ siwi kbir; u għalhekk li b’din l-esortazzjoni tiegħi, irrid inwasslu lill-Knisja kollha.

Bi ħsiebni għalhekk nuri ċar x’inhu l-qofol tal-ministeru pastorali tal-penitenza u r-rikonċiljazzjoni, billi nuri xi jfissru dawn iż-żewġ punti:

  1.  il-mezzi li għandha l-Knisja u t-triqat li minnhom tgħaddi biex iġġib ‘il quddiem il-penitenza u r-rikonċiljazzjoni
  2. is-Sagrament tal-penitenza u r-rikonċiljazzjoni.

Kap I

KIF JIĠU ‘L QUDDIEM IL-PENITENZA U R-RIKONĊILJAZZJONI

24. Il-Knisja biex iġġib ‘il quddiem il-penitenza u r-rikonċiljazzjoni għandha żewġ mezzi ewlenin, mogħtijin lilha mill-istess Fundatur tagħha: il-katekeżi u s-sagramenti. Il-Knisja dejjem qieset li dawn iż-żewġ mezzi jaqblu sewwa mal-ħtiġijiet tal-missjoni tagħha ta’ salvazzjoni u fl-istess ħin iwieġbu tajjeb ħafna għal dak li jitolbu u jeħtieġu fir-ruħ il-bnedmin ta’ kull żmien. Dawn il-mezzi jistgħu jintużaw f’suriet u b’metodi kemm qodma u kemm ġodda, u fost dawn il-metodi ta’ min isemmi b’mod speċjali, dik is-sura li, flimkien mal-Papa Pawlu VI, nistgħu nsejħulha l-metodu tad-djalogu.

Djalogu

25. Għall-Knisja d-djalogu, b’xi mod, huwa l-mezz, jew aħjar, it-triq li tuża’ biex taqdi l-ħidma tagħha fid-dinja tal-lum.

Il-Konċilju Vatikan II igħallem li l-Knisja li, bil-qawwa tal-missjoni tagħha, iddawwal id-dinja kollha bl-aħbar tal-Evanġelju, u tgħaqqad bi spirtu wieħed il-bnedmin kollha, hi sinjal ta’ dik l-għaqda ta’ aħwa li tippermetti u tqawwi djalogu sinċier; anzi l-Konċilju jkompli jgħid li l-Knisja jeħtieġ li tkun dejjem lesta biex ikun hemm dejjem djalogu li jirnexxi bejn dawk kollha li jagħmlu “l-poplu wieħed ta’ Alla”[121], mhux biss, imma wkoll li tkun lesta tagħmel djalogu mas-soċjeta’ kollha tal-bnedmin[122].

Il-Papa ta’ qabli, Pawlu VI, tkellem fuq dan id-djalogu fl-enċiklika tiegħu Ecclesiam suam, fejn qal x’inhu u fisser sewwa “d-djalogu tas-salvazzjoni”[123].

Il-Knisja tagħmel użu mil-metodi tad-djalogu biex tmexxi aħjar il-bnedmin – kemm dawk li permezz tal-Magħmudija u tal-istqarrija tal-fidi tagħhom juru li huma membri tagħha, u kemm dawk li ma humiex membri tagħha – għall-konverżjoni u l-penitenza, b’tiġdid sħiħ u mill-fond tal-kuxjenza u tal-ħajja tagħhom, fid-dawl tal-misteru tal-fidwa u tas-salvazzjoni, li seħħ bi Kristu u ġie fdat lill-ministeru tal-Knisja. Il-veru djalogu għalhekk bħala għan ewlieni tiegħu għandu t-tiġdid ta’ kull bniedem permezz ta’ konverżjoni fir-ruħ u penitenza: dan dejjem iseħħ b’rispett kbir tal-kuxjenza ta’ kull wieħed, b’sabar liema bħalu, u pass pass għax jitolbu l-kondizjonijiet tal-lum.

Id-djalogu pastorali għar-rikonċiljazzjoni llum ukoll għadu d-dmir ewlieni tal-Knisja f’kull qasam u f’kull grad.

U l-ewwelnett il-Knisja tfittex iġġib ‘il quddiem id-djalogu ekumeniku jiġifieri djalogu bejn il-knejjes u l-kommunitajiet ekklesjali li jistqarru l-fidi tagħhom fi Kristu l-Iben ta’ Alla li hu waħdu l-Feddej; u d-djalogu mal-komunitajiet l-oħra tal-bnedmin li qegħdin ifittxu lil Alla u jixtiequ jkunu f’xirka miegħu.

Bħala pedament għal dan id-djalogu mal-knejjes l-oħra jeħtieġ ikun hemm sforz sinċier ta’ djalogu, dejjem sejjer u dejjem jiġġedded, fi ħdan l-istess Knisja Kattolika; dan hu meħtieġ biex id-djalogu mal-knejjes l-oħra jidher li hu sinċier u se jagħti l-frott tiegħu. Il-Knisja Kattolika taf li, min-natura tagħha stess, hi s-sagrament tax-xirka universali tal-imħabba[124], iżda taf li fi ħdanha stess jeżistu tentazzjonijiet li jistgħu jwasslu għall-firda.

L-istedina ħerqana u soda li għamel il-Papa ta’ qabli, meta kien qiegħed joqrob il-Ġublew tas-sena 1975[125], għandha wkoll il-qawwa tagħha għaż-żmien tal-lum. Biex jintrebaħ il-ġlied u biex it-tensjonijiet li soltu jinqalgħu ‘l hawn u ‘l hemm fil-Knisja ma jkunux ta’ ħsara għall-għaqda tal-Knisja, jeħtieġ li aħna lkoll inkunu naqblu fina nfusna mal-Kelma ta’ Alla unwarrbu fil-ġenb il-fehmiet soġġettivi tagħna, biex infittxu l-verita’ fejn tassew tinsab, jiġifieri fl-istess Kelma ta’ Alla u fil-veru tifsir tagħha kif jagħtih il-Maġisteru tal-Knisja. Hu f’dan il-mod li għandna nfittxu li nkunu lesti li nisimgħu ‘l xulxin u nirrispettew ‘il xulxin, li ma niġġudikaw malajr lill-oħrajn, u nistabru b’ħadd ieħor, li ma nħallux li l-fidi tagħna, li għandha tgħaqqadna, tkun tiddependi minn fehmiet jew minn suriet ta’ mġiba ta’ dan iż-żmien jew minn xi għażliet ideoloġiċi li jwasslu għall-firdiet fostna: din hija s-sura ta’ djalogu sinċier li jeħtieġ li jkun hemm dejjem fi ħdan il-Knisja. Hi ħaġa ċara li djalogu li ma jagħtix każ tal-Maġisteru tal-Knisja u ma u ma jaċċettahx, ma jistax ikollu dawn il-kwalitajiet u ma jistax iwassal għar-rikonċiljazzjoni.

Il-Knisja Kattolika, meta tħabrek biex tassew tfittex il-għaqda sħiħa fi ħdanha stess, tkun tista’ mbagħad tistieden għar-rikonċiljazzjoni – kif ġa ilha li għamlet – il-knejjes insara l-oħra li magħhom ma hemmx xirka sħiħa, u lir-reliġjonijiet l-oħra mhux insara, u wkoll lil dawk li bis-sinċerita’ kollha qegħdin ifittxu lil Alla.

Fid-dawl tal-Konċilju u tal-Maġisteru tal-Papiet ta’ qabli, li minn għandhom ksibt wirt għażiż, li qiegħed nagħmel ħilti biex inħarsu u nwettqu, nistgħu ngħidu li l-Knisja Kattolika, fl-oqsma kollha tagħha, intrabtet li tmexxi ‘l quddiem id-djalogu ekumeniku, mingħajr ebda ottimiżmu żejjed, iżda wkoll mingħajr ebda nuqqas ta’ fiduċja fl-oħrajn, u mingħajr skużi u telf ta’ żmien. Il-prinċipji ewlenin li l-Knisja trid tħares f’din is-sura ta’ djalogu huma, min-naħa l-waħda, il-persważjoni li ekumeniżmu spiritwali biss – jiġifieri ekumeniżmu mibni fuq it-talb flimkien u fuq l-obbedjenza ta’ kulħadd lill-Mulej wieħed – jista’ jgħin biex tingħata tweġiba sinċiera u serja għal kull ħaġ’oħra li titlob il-ħidma ekumenika[126]; min-naħa l-oħra, il-persważjoni li ċertu ireniżmu ħafif f’dak li għandu x’jaqsam mat-tagħlim tal-Knisja, u l-aktar mad-dommi tal-fidi, jista’ forsi jwassal għal sura ta’ għaqda flimkien: imma għaqda bħal din tkun superfiċjali li ma ddumx wisq, u mhux dik l-għaqda sħiħa li tibqa’ u li kulħadd jixtieq. Naslu għal din l-għaqda biss, meta Alla fil-providenza tiegħu jkun iridha; iżda biex dan jinkiseb, il-Knisja Kattolika, min-naħa tagħha, taf li għandha tkun dejjem miftuħa u lesta biex tagħraf “il-ġid kollu verament nisrani li jinsab fost l-aħwa mifrudin, ġid li ġej mill-wirt li hu ta’ kulħadd”[127]; taf ukoll li bħala pedament ta’ djalogu sinċier u effettiv għandha turi ċar x’inhi l-qagħda tagħha, qagħda li trid tkun taqbel b’fedelta’ sħiħa mal-fidi li tħaddan u tfisser skont it-tradizzjoni ta’ dejjem tal-Maġisteru tagħha. Minkejja l-biża’ ta’ qtigħ il-qalb u minkejja xi telf ta’ żmien li ma tistax teħles minnu (biża’ u telf ta’ żmien li ma jintrebħux b’aġir temerarju), il-Knisja Kattolika, flimkien ma’ l-aħwa l-insara l-oħra, tkompli tfittex it-triq tal-għaqda, u djalogu sinċier ma dawk kollha li jħaddnu reliġjonijiet oħra. Jalla dan id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet iwassal biex tintrebaħ kull sura ta’ ostilita’, ta’ biża’ minn xulxin, ta’ kundanna ta’ xulxin, ta’ tagħjir ukoll ta’ xulxin; din hi l-ewwel kondizzjoni meħtieġa biex almenu jseħħ ftehim dwar fidi f’Alla wieħed u dwar il-ħajja ta’ dejjem u r-ruħ li ma tmut qatt. Jalla l-Mulej jagħtina li almenu d-djalogu ekumeniku jwassal għar-rikonċiljazzjoni dwar dak kollu li fuqu jaqblu l-knejjes insara kollha: il-fidi f’Ġesu’ Kristu l-Iben ta’ Alla, li sar bniedem, Feddej u Mulej, is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, l-istudju tar-Rivelazzjoni, u l-Magħmudija.

Il-Knisja daqskemm tista’ tassew iġġib fi ħdanha ftehim sħiħ – unitas in varietate – daqskemm tista’ tidher bħala xhud u bħala qaddejja umli ta’ rikonċiljazzjoni għall-knejjes l-oħra u għall-komunitajiet ekklesjali, u għar-reliġjonijiet l-oħra wkoll, daqshekk ieħor issir, fi kliem Santu Wistin, “dinja rikonċiljata[128]. Imbagħad tista’ tkun fid-dinja u għad-dinja sinjal ta’ rikonċiljazzjoni.

Il-Knisja tagħraf kemm hi serja l-qagħda li nħolqot minħabba firdiet u gwerer, u x’theddida kbira hemm illum mhux biss għall-ftehim u għall-għaqda bejn in-nazzjonijiet, imma wkoll għall-istess ħajja fid-dinja; ugħalhekk tħoss li għandha tagħti l-għajnuna kollha tagħha biex jintrebħu l-firdiet u jissaħħaħ il-ftehim.

Dan huwa djalogu komplikat u delikat ħafna, u l-Knisja daħlet għalih, l-aktar permezz tal-ħidma tas-Santa Sede u tal-ħafna organiżmi tagħha. Is-Santa Sede tipprova tuża’ l-awtorita’ tagħha mal-mexxejja tan-nazzjonijiet u mal-kapijiet tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, jew tipprova tissieħeb fi djalogu magħhom jew tħeġġiġhom għal djalogu bejniethom favur ir-rikonċiljazzjoni, fost tant ġlied u tilwim, dan il-Knisja ma tagħmlux għal xi għan li għandha f’moħha jew għal xi interessi moħbija – għax il-Knisja ma għandhiex ħwejjeġ bħal dawn – imma “għall-ħerqa li għandha għall-ġid tal-bnedmin”[129]: dan tagħmlu billi tqiegħed għas-servizz tal-għaqda u tal-paċi l-istituti li għandha u l-awtorita’ tagħha, li ma hawnx oħrajn bħalhom. Dan tagħmlu għax hi żgura li, “kif biex ikun hemm gwerra jrid ikun hemm tnejn kontra xulxin”, hekk ukoll, “biex ikun hemm il-paċi, jeħtieġ li jkun hemm tnejn li jintrabtu bejniethom, u hu dan ikun tassew djalogu għall-paċi”[130].

Fid-djalogu għar-rikonċiljazzjoni, il-Knisja tinqeda wkoll bl-awtorita’ u l-uffiċċju tal-isqfijiet tagħha, kemm bl-awtorita’ u bl-uffiċċju li kull wieħed għandu fil-knisja propja tiegħu, u kemm bl-awtorita’ u l-uffiċċju li għandhom magħqudin flimkien fil-Konferenzi episkopali, bl-għajnuna tas-saċerdoti tagħhom u ta’ dawk kollha li jiffurmaw il-komunitajiet insara. Huma jaqdu dan id-dmir tagħhom bir-reqqa kollha kull meta jġibu ‘l quddiem dan id-djalogu tant meħtieġ, u jgħidu x’għandu jsir biex ikun hemm rikonċiljazzjoni nisranija u paċi fost il-bnedmin. Magħqudin mar-ragħajja tagħhom, il-lajċi “bħala qasam propju tagħhom għax-xandir tal-Evanġelju għandhom il-qasam wiesgħa ħafna u komplkat tal-ħajja politika, ekonomika u soċjali… u l-qasam tal-ħajja internazzjonali”[131]; għalhekk huma msejħin biex jimpenjaw ruħhom direttament f’dan id-djalogu għar-rikonċiljazzjoni u jħabirku għalih. Bil-lajċi wkoll il-Knisja taqdi l-missjoni tagħha ta’ rikonċiljazzjoni.

Għalhekk it-tiġdid tal-qlub, li jseħħ permezz tal-konverżjoni u tal-penitenza, hu l-ewwel ħaġa meħtieġa u jrid ikun il-pedament sod li fuqu jista’ jseħħ kull tiġdid soċjali u l-paċi bejn in-nazzjonijiet.

Jonqos ngħidu li, għall-Knisja u għal-membri tagħha, id-djalogu, hi liema hi s-sura tiegħu (għax jista’ jkun hemm suriet ta’ djalogu differenti ħafna minn xulxin, għax il-kelma għandha tifsir analoġiku), ma jista qatt jiġi ‘l quddiem, jekk min qed jieħu sehem fih ma jimpurtah xejn mill-verita’; iżda’ għall-kuntrarju, il-verita’ trid tingħad dejjem, bil-kalma kollha u b’rispett sħiħ għall-intelliġenza u għall-kuxjenza tal-oħrajn. Id-djalogu tar-rikonċiljazzjoni ma jista’ qatt jieħu l-post tat-tħabbir tal-verita’ tal-Evanġelju jew inaqqasha: l-għan ewlieni tat-tħabbir tal-verita’ tal-Evanġelju hu l-konverżjoni tal-midneb u x-xirka ma’ Kristu għandha ħa sseħħ il-ħidma pastorali tagħha għar-rikonċiljazzjoni, jiġifieri l-katekeżi u l-penitenza.

Il-katekeżi

26. Fil-qasam kbir li fih il-Knisja trid taqdi l-ħidma tagħha permezz ta’ djalogu, il-qadi tal-ministeru tal-penitenza u tar-rikonċiljazzjoni fost il-membri tal-ġisem ta’ Knisja, iseħħ l-aktar permezz ta’ katekeżi adatta dwar żewġ veritajiet li jintagħżlu minn xulxin iżda huma marbutin sħiħ ma’ xulxin, żewġ veritjiet li l-isqfijiet fis-Sinodu tawhom importanza speċjali tant li semmewhom f’xi wħud mill-Propositiones li għamlu fl-aħħar: dawn iż-żewġ veritajiet huma l-penitenza u r-rikonċiljazzjoni. Il-katekeżi hija l-ewwel mezz li jrid jintuża.

F’din ir-rakkomandazzjoni f’waqtha tas-Sinodu hemm prinċipju fondamentali: il-ħidma pastorali ma tmurx kontra t-tagħlim tad-duttrina, u l-ħidma pastorali ma tistax tiġi ‘l quddiem jekk ma jkollhiex l-għajnuna tat-tagħlim tad-duttrina, għaliex mid-duttrina l-ħidma pastorali tikseb il-ħajja essenzjali u l-qawwa vera tagħha. Issa jekk il-Knisja hi tassew “kolonna u pedament tal-verita’”[132], u fid-dinja hi qisha Omm u Għalliema, kif jista’ jkun ma taqdix l-uffiċċju li tgħallem il-verita’, li hi t-triq tal-ħajja?

L-ewwel ħaġa li wieħed jistenna mir-ragħajja tal-Knisja hi katekeżi ta’ rikonċiljazzjoni. Din ma tistax issir jekk ma tkunx mibnija fuq it-tagħlim tal-Iskrittura u l-aktar tat-Testment il-Ġdid, dwar il-ħtieġa li jseħħ mill-ġdid il-Patt ma’ Alla fi Kristu, li fdiena u ħabbibna mal-Missier; fid-dawl ta’ din ix-xirka u ta’ din il-ħbiberija ġdida, qisha ħierġa minnhom, tidher il-ħtieġa tal-ħbiberija mill-ġdid mal-aħwa, ukoll jekk, biex dan iseħħ, titħalla għal wara l-offerta tas-sagrifiċċju[133]. Ġesu’ jinsisti ħafna fuq din ir-rikonċiljazzjoni bejn l-aħwa: bħal meta jħeġġeġ biex wieħed idawwar ħaddu x-xellug meta jaqla’ daqqa ta’ ħarta fuq il-lemin, jew iħeġġeġ biex wieħed jagħti l-mantar lil min jitolbu l-libsa[134], jew meta jgħallem il-liġi tal-maħfra u jgħid li wieħed jinħafrulu ħtijietu daqskemm hu jaħfer lil min hu ħati għalih[135], jew meta jordna li għandna naħfru wkoll l-għedewwa tagħna[136], jew meta jgħid li għandna naħfru sebgħa u sebgħin darba[137], jiġifieri, dejjem. Jekk iseħħu dawn il-kondizzjonijiet, u dawn il-kondizzjonijiet jisgħu iseħħu biss fi klima tassew evanġelika, imbagħad jista’ jkun hemm tassew rikonċiljazzjoni bejn bniedem u ieħor, bejn familja u oħra, bejn kommunitajiet, nazzjonijiet u popli. Minn dan it-tagħlim tal-Iskrittura fuq ir-rikonċiljazzjoni toħroġ waħedha katekeżi teoloġika li tħaddan fiha wkoll elementi ta’ psikoloġija, soċjoloġija u ta’ xjenzi oħra li jistgħu jiċċaraw xi qagħda, biex problema tkun tista’ tiftiehem sewwa, jew biex twassal min qiegħed jisma’ jew jaqra għal deċiżjonijiet sodi.

Mir-ragħajja tal-Knisja wieħed jistenna wkoll katekeżi penitenzjali, katekeżi dwar il-penitenza. Hawn ukoll it-tagħlim irid jiġi mill-għana kollu li nsibu mħabbar fil-Kotba Mqaddsa. Dan it-tħabbir dwar il-penitenza juri , l-qawwa tagħha l-aktar bħala konverżjoni, kelma li biha nippruvaw infissru l-kelma griega metanoia[138] li letteralment tfisser tħalli r-ruħ tinqaleb ta’ taħt fuq biex iddur lejn Alla. Madankollu dawn iż-żewġ elementi prinċipali nsibuhom fil-parabbola tal-Iben li ntilef u nstab: “id-dħul fih innifsu”[139] u l-fehma li jerġa’ lura għand missieru. Ma jista’ jkun hemm ebda rikonċiljazzjoni mingħajr dawn iż-żewġ elementi, ewlenin, li l-katekeżi trid tfisser b’fehmiet ċari u bi kliem adatt, għaż-żmien li jkollhom u għall-kondizzjonijiet kulturali, morali u soċjali ta’ dawk li qed jiġu katekizzati.

Dan hi l-ewwel valur tal-penitenza li jwassal għat-tieni wieħed: il-penitenza tfisser ukoll li wieħed jisgħobbih. Dawn iż-żewġ tifsiriet ta’ metanoia jidhru minn dak it-tagħlim hekk mimli tifsir ta’ Kristu: “Jekk ħuk jindem (jiġifieri jerġa’ lura lejk), aħfirlu; u jekk jonqsok seba’ darbiet f’ġurnata u jdur lejk seba’ darbiet u jgħidlek: “Jisgħobbija’ aħfirlu”[140]. Katekeżi tajna tid turi li l-penitenza, l-istess bħall-konverżjoni, m’hijiex xi sentiment superfiċjali, imma vera bidla fir-ruħ[141].

It-tielet valur li nsibu fil-penitenza hu l-wiri minn barra tas-sentimenti ta’ konverżjoni u ta’ penitenza li għandna kemm semmejna: dan ifisser tagħmel penitenza. Dan it-tifsir malajr nistgħu narawh fl-istess kelma metanoia, fit-tifsir li jagħtina San Ġwann Battista skont is-Sinottiċi. Tagħmel penitenza tfisser fuq kollox iġġib dik il-għaqda li jkunu tfarrku bid-dnub, u tbiddel ir-rotta wkoll jekk dan jitlob ċaħda minnek.

Ma jistax ikun li ma ssirx katekeżi tassew sħiħa u adatta fi żmien bħal tagħna, meta l-fehmiet l-aktar imxerrda tal-psikoloġija u tal-imġiba soċjali tant huma kuntrarji għat-tliet valuri li għadna kemm semmejna: il-bniedem tal-lum, milli jidher, aktar minn dak ta’ żminijiet oħra, ma tantx jasal malajr, u ħafna kontra qalbu jasal, biex jammetti l-iżbalji tiegħu u jerġa’ lura ħa jibda triqtu mill-ġdid wara li jbiddel ir-rotta; milli jidher il-bniedem tal-lum mhux lest li jgħid lilu nnifsu “Nindem” jew “Jisgħobbini” qisu li min-natural tiegħu stess u b’mod li ma tistax tirbħu, il-bniedem tal-lum qed jiċħad kull ma jfisser penitenza, fis-sens ta’ xi ċaħda li jaċċetta bil-qalb ħa jpatti għad-dnub. Għalhekk ngħidu li d-dixxiplina  penitenzjali tal-Knisja, li minn xi żmien ‘il hawn ġiet imtaffija, ma tistax tiġi mwarrba għal kollox bla ma tagħmel ħsara kbira kemm fil-ħajja tar-ruħ tan-nisrani u tal-kommunita’ ekklesjali u kemm lill-ħila tagħhom ħa jxerrdu spirtu missjunarju madwarhom. Mhux ftit drabi jiġri li nies mhux insara jistagħġbu kemm jonqsu li jagħtu xhieda ta’ penitenza d-dixxipli ta’ Kristu. Madankollu, hi ħaġa ċara li l-penitenza nisranija tkun tassew vera, jekk tkun ġejja mill-imħabba u mhux biss mill-biża’; jekk tkun sforz sinċier ħa jissallab “il-bniedem il-qadim” biex bil-qawwa ta’ Kristu jitwieled “il-niedem il-ġdid”: jekk timxi fuq l-eżempju ta’ Kristu, li, għalkemm kien bla ħtija, għażel it-triq tal-faqar u tas-sabar, u l-ħajja ta’ ċaħda u (nistgħu ngħiduha wkoll) ta’ penitenza.

Hu mistenni li mar-Ragħajja tal-erwieħ – kif wissa s-Sinodu – tingħata katekeżi dwar il-kuxjenza u dwar il-formazzjoni tal-kuxjenza. Dan ukoll hu suġġett igħodd ħafna għal dan iż-żmien, għaliex mit-taqlib li għaddejja minnu l-kultura ta’ żmienna, spiss ħafna dan is-santwarju li jinsab ġewwa l-bniedem, fil-fond ta’ qalbu, il-kuxjenza, qed jiġi attakkat, imġarrab, imħawwad u mdallam. Biex tingħata katekeżi għaqlija dwar il-kuxjenza, wieħed jista’ jsib tagħrif ta’ siwi kbir kemm fit-tagħlim tad-dutturi tal-Knisja u kemm fit-teoloġija tal-Konċilju Vatikan II, u, b’mod speċjali, fiż-żewġ dokumenti dwar il-Knisja fiż-żminijiet tal-lum[142] u dwar il-liberta’ reliġjuża[143]. Dwar dan tkellem spiss ukoll il-Papa Pawlu VI biex juri x’inhi n-natura u x’inhi l-ħidma tal-kuxjenza fil-ħajja tagħna[144]. U jiena wkoll, fuq il-passi tiegħu, ma nitlifx okkażjoni li fiha nitfa’ dawl fuq dan l-element hekk għoli tal-kobor u tad-dinjita’ tal-bniedem[145], fuq din is-sura ta’ “sens morali li jwassalna biex nagħżlu dak li hu tajjeb minn dak li hu ħażin”, – sura ta’ għajn tar-ruħ, qawwa tar-ruħ biex tara, kif inkunu nistgħu mmexxu l-passi tagħna fit-triq it-tajba; dan għamiltu waqt li nsistejt li tingħata formazzjoni nisranija lill-kuxjenza tagħna, biex “ma ssirx qawwa li teqred in-natura vera tal-bniedem bħala persuna, meta għandha tkun dak il-post qaddis fejn Alla juri ‘l bniedem il-ġid veru tiegħu”[146].

Mir-Ragħajja tal-erwieħ hu mistenni wkoll li jagħtu katekeżi fuq problemi oħra tar-rikonċiljazzjoni, għalkemm dawn huma inqas importanti:

  • fuq is-sens tad-dnub li, kif għidna, naqas mhux ftit fost in-nies tagħna;
  • fuq it-tiġrib u t-tentazzjonijiet. Il-Mulej Ġesu’ stess, l-Iben ta’ Alla, “kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub”[147] u ried li jiġġarrab mix-Xitan[148] biex jurina li, bħalu, id-dixxipli tiegħu se jkunu mġarrbin u hekk jurihom kif iġibu ruħhom fit-tiġrib. Min jitlob ‘l Missier biex ma jiġġarrabx aktar milli jiflaħ[149] u biex ma jidħolx fit-tiġrib[150], min ma jfittixx l-okkażżjoni tad-dnub, jekk jiġi mġarrab, ma jfissirx li minnufih dineb, imma aktar ifisser li ngħatatlu l-okkażjoni ħa jikber fil-fedelta’ u fil-konsistenza miegħu nnifsu billi jkun umli u jgħasses fuqu nnifsu;
  • dwar is-sawm li magħmul skont is-sura ta’ dari jew fis-suriet tal-lum, jista’ jkun sinjal ta’ konverżjoni, penitenza u ċaħda tiegħek innifsek flimkien ma’ rabta’ ma’ Kristu msallab u solidarjeta’ wkoll ma’ dawk li qed ibatu l-ġuħ u qegħdin isofru;
  • dwar il-karita’ li tista’ tkun mezz biex wieħed juri l-imħabba li għandu bil-fatti, billi jaqsam dak li għandu ma’ min hu mġarrab bil-faqar.
  • dwar ir-rabta sħiħa li hemm bejn l-isforzi kollha li jsiru biex jiġu megħluba l-firdiet fid-dinja u x-xirka sħiħa ma’ Alla u mal-bnedmin, li hu l-għan li l-Knisja trid tilħaq fl-aħħar tad-dinja;
  • dwar il-kondizzjonijiet li fil-fatt huma meħtieġa biex isseħħ ir-rikonċiljazzjoni fil-familji, fis-soċjeta’ u fl-istrutturi soċjali, u, b’mod speċjali, biex iseħħu l-erba’ rikonċiljazzjonijiet li jridu jsewwu l-erba’ firdiet kbar tad-dinja: rikonċiljazzjonijiet tal-bniedem ma’ Alla, tal-bniedem miegħu innifsu, tal-bnedmin bejniethom, tal-bniedem mal-ħolqien kollu.

Il-Knisja ma tista’ qatt tieqaf, mingħajr ma tagħmel ħsara kbira lill-messaġġ fondamentali tagħha, tagħti katekeżi sħiħa dwar dawk li l-insara tradizzjonalment isejħulhom l-erba’ novissimi tal-bniedem, jiġifieri l-mewt, il-gudizzju (partikolari u universali), l-infern u l-ġenna. F’kultura, li qiegħda tfittex iżżomm il-bnidem ħsiebu biss f’ħajja f’din id-dinja, ftit jew wisq, jirnexxilu jagħmel xi ħaġa, ir-ragħajja tal-erwieħ huma mistennija jagħtu katekeżi li turi b’fidi ċerta, li hemm ħajja oħra wara din u jfissruha sewwa, li ‘l hemm mill-binien misterjużi tal-mewt hemm żmien jew ta’ hena u rabta ma’ Alla għal dejjem jew żmien ta’ kastig għal dejjem. Biss, fid-dawl ta’ dawn il-veritajiet tal-aħħar, wieħed jista’ jara tassew x’inhu d-dnub, u jħoss ruħu mbuttat sewwa għall-penitenza u r-rikonċiljazzjoni.

Lir-ragħajja tal-erwieħ, ħerqana għas-salvazzjoni ta’ dawk fdati lilhom u kapaċi jsibu l-mezzi adatti li jeħtieġu, ma jonqsulhomx l-okkażjonijiet li jagħtu katekeżi sħiħa u varjata fuq in-novissimi waqt li jqisu l-kultura u l-formazzjoni reliġjuża (li jistgħu jkunu ta’ kemm-il sura) ta’ dawk li jridu jgħallmu. Dawn l-okkażjonijiet jiġuhom mill-qari tal-Iskrittura, miċ-ċelebrazzjoni tas-sagrifiċċju tal-Ewkaristija u tas-sagramenti l-oħra, u miċ-ċirkostanzi wkoll li fihom jiġu ċelebrati. Jista’ jkun hemm ukoll għall-istess għan inizjattivi, bħalma huma l-predikazzjoni, il-lezzjonijiet, id-diskussjonijiet, il-laqgħat jew il-korsijiet ta’ kultura reliġjuża, u inizjattivi oħra, kif ġa qiegħed isir f’ħafna postijiet. Hawn irrid insemmi l-importanza u s-siwi ta’ dik is-sura ta’ katekeżi li hi l-missjoni, sura ġejja mill-qedem. Jekk il-missjoni tiġi adattata għall-ħtiġijiet speċjali ta’ żmienna, illum tkun tiswa daqs kemm tiswa fl-imgħoddi: tkun għajnuna tassew tiswa għat-tagħlim tal-fidi wkoll fil-qasam tal-penitenza u r-rikonċiljazzjoni.

Minħabba l-importanza li għandha r-rikonċiljazzjoni, li tiġi mill-konverżjoni, fil-qasam tar-relazzjonijiet tal-bnedmin bejniethom, u tal-ħajja tagħhom fil-livelli kollha tas-soċjeta’, inkluż dak internazzjonali, ma jistax jonqos il-kontribut li jiswa ħafna tad-duttrina soċjali tal-Knisja. It-tagħlim f’waqtu u eżatt tal-Papiet ta’ qabli, ibda mill-Papa Ljun XIII, u l-kontribut kbir li tat il-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et Spes tal-Konċilju Vatikan II u dak ta’ għadd ta’ Konferenzi Episkopali, imqanqlin miċ-ċirkostanzi partikulari tal-pajjiż tagħhom, kollha flimkien, jagħmlu ġabra kbira ta’ tagħlim sod, dwar il-ħafna ħtiġijiet tal-ħajja tas-soċjeta’ tal-bnedmin, u tar-relazzjonijiet bejniethom tal-bnedmin, tal-familja, tal-gruppi fl-oqsma propji tagħhom, tal-istruttura stess ta’ soċjeta’ li trid tkun taqbel ma’ dik il-liġi morali li hi l-pedament taċ-ċivilta’ tal-bniedem.       

Dan it-tagħlim tal-Knisja, kif jarah kulħadd, hu mibni fuq il-mod kif il-Knisja tħares, fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, lejn id-drittijiet u d-dmirijiet ta’ kull bniedem, tal-familja, tal-komunita’ tal-bnedmin, lejn il-valur tal-liberta’ u d-dimensjoni tal-ġustizzja, lejn il-primat tal-imħabba, lejn id-dinjita’ tal-bniedem, lejn dak li jitlob il-ġid ta’ kulħadd, li għandu jkun l-għan tal-politika u tal-ekonomija. F’dawn il-prinċipji fondamentali tal-Maġisteru soċjali tal-Knisja, li jwettqu u jtennu l-fehmiet universali tar-raġuni u tal-kuxjenza tal-popli kollha, timbena, fil-qofol tagħha, it-tama ta’ soluzzjoni paċifika ta’ tant problemi soċjali u, fl-aħħar mill-aħħar, tar-riċonċiljazzjoni tal-bnedmin kollha bejniethom.

Is-Sagramenti

27. Mezz ieħor ta’ tagħlim, imwaqqaf minn Alla, u li għandha l-Knisja għall-ħidma pastorali tagħha ta’ penitenza u r-rikonċiljazzjoni, huma s-Sagramenti.

Fil-qawwa misterjuża tas-Sagramenti, hekk għonja b’simboli u tagħlim, nistgħu naraw aspett li mhux dejjem infissruh ċar biżżejjed: kull Sagrament, barra l-grazzja propja tiegħu, hu sinjal ukoll ta’ penitenza u rikonċiljazzjoni, u għalhekk jista’ jiġri li wieħed, f’kull Sagrament, jista’ jitqanqal biex igħix il-penitenza u r-rikonċiljazzjoni.

Il-Magħmudija hi ħasil ta’ salvazzjoni li – kif għallem San Pietru – mhuwiex l-istess ħaġa bħal “tindif mill-ħmieġ tal-ġisem, imma talba lil Alla ħierġa minn kuxjenza safja”[151]. Hi mewt u difna u qawmien ma’ Kristu, mejjet, midfun u rxoxt[152]. Hi don tal-Ispirtu s-Santu permezz ta’ Kristu[153]. Iżda dan l-element ewlieni u essenzjali tal-Magħmudija nisranija, ma jneħħix, imma jagħni, l-element ta’ penitenza li kien jinsab fil-Magħmudija, li biha Ġesu’ tgħammed minn Ġwanni l-Battista biex “itemm is-sewwa kollu”[154]: att ta’ konverżjoni u twaqqif mill-ġdid ta’ ordni ġust ta’ relazzjonijiet ma’ Alla, ħbiberija mill-ġdid ma’ Alla, bit-tneħħija tad-dnub tan-nisel u, bħala konsegwenza ta’ dan, bid-dħul fix-xirka ta’ dawk kolha li tħabbu mill-ġdid.

Il-Griżma wkoll, għax twettaq il-Magħmudija, u hi mal-Magħmudija Sagrament għad-dħul fil-ħajja nisranija, hija u tagħti l-milja tal-Ispirtu s-Santu u twassal għall-kobor sħiħ fil-ħajja nisranija, tfisser u ġġib, b’dan il-mod stess, konverżjoni aqwa tal-qalb, u raġuni aktar qawwija u aktar intima għaliex wieħed għandu jkun membru tal-istess xirka ta’ dawk li tħabbu mill-ġdid, li hi l-Knisja ta’ Kristu.

Id-definizzjoni li jagħti Santu Wistin tal-Ewkaristija: sagrament ta’ tjieba, sinjal ta’ għaqda u rabta ta’ mħabba[155] turi b’mod tassew ċar il-qdusija li sseħħ f’kull bniedem (pietas) u r-rikonċiljazzjoni li sseħħ fil-komunita’ (unitas et caritas) li joħorġu minn natura stess tas-sagrifiċċju tal-Ewkaristija, bħala t-tiġdid, bla tixrid ta’ demm, tas-sagrifiċċju ta’ Kristu, għajn ta’ salvazzjoni u rikonċiljazzjoni għall-bnedmin kollha. Iżda jeħtieġ niftakru li l-Knisja, bil-fidi tagħha f’dan is-Sagrament hekk għażiż, tgħallem li ebda nisrani, li jaf li hu ħati ta’ dnub mejjet, ma jista’ jitqarben qabel jaqla’ l-maħfra ta’ Alla. Kif insibu miktub fl-istruzzjoni Eucharisticum mysterium, approvata mill-Papa Pawlu VI, istruzzjoni li biha twettaq it-tagħlim tal-Konċilju Tridentin, l-insara għandhom jitgħallmu jaraw l-Ewkaristija wkoll “bħala rimedju għall-ħelsien mill-ħtijiet żgħar ta’ kuljum u bħala ħarsien mid-dnubiet mejta” u jitgħallmu jagħmlu użu tajjeb mill-partijiet penitenzjali tal-liturġija tal-Quddiesa. Lil dawk li jridu jitqarbnu, wieħed għandu jfakkarhom bil-kmandament: “Jagħarbel lilu nnifsu sewwa kull bniedem” (I Kor 11,28). Skont id-drawwa tal-Knisja, kull bniedem jeħtieġlu jagħrbel lilu nnifsu sewwa, għaliex ebda bniedem, li jaf li għamel dnub mejjet, għalkemm iħoss li hu niedem, ma għandu jersaq għall-Ewkaristija qabel ma jkun resaq għas-sagrament tal-penitenza. U jekk jeħtieġlu jitqarben u ma hemmx saċerdoti biżżejjed għalih biex iqerr, irid jagħmel att ta’ ndiema perfetta”[156].

Is-Sagrament tal-Ordni, bħala għan, għandu li jagħti lill-Knisja ragħajja li mhux biss ikunu għalliema u mexxejja, imma biex ikunu wkoll xhieda tal-għaqda fil-Knisja u jġibuha bil-ħidma tagħhom, bennejja tal-familja ta’ Alla, difensuri u qaddejja tax-xirka ta’ din il-familja kontra kull theddida ta’ firda jew tixrid li jistgħu jinqalgħu.

Is-Sagrament taż-żwieġ, li jerfa’ ‘l fuq l-imħabba tal-bniedem bil-qawwa tal-grazzja, hu sinjal tal-imħabba ta’ Kristu għall-Knisja u tar-rebħa wkoll li jagħti lill-miżżewġin fuq kull qawwa li tħassar jew teqred l-imħabba, hekk li l-familja li sseħħ b’dan is-Sagrament issir sinjal ukoll tal-Knisja rikonċiljata, li ġġib ir-rikonċiljazzjoni lil dinja rikonċiljata fl-istrutturi u l-istituzzjonijiet kollha tagħha.

Is-Sagrament tal-morda, fl-istess sabar tal-mard u tax-xjuħija u, l-aktar, fl-aħħar siegħa tan-nisrani fid-dinja, hu sinjal ta’ konverżjoni definitiva lejn il-Mulej u ta’ aċċettazzjoni sħiħa tat-tbatija u tal-mewt bħala penitenza għad-dnubiet. U hekk isseħħ rikonċiljazzjoni sħiħa mal-Missier.

Iżda fost is-Sagramenti hemm wieħed, li, għalkemm spiss jissejjaħ sagrament tal-qrar, għax fih wieħed iqerr dnubietu, ikun aħjar jekk jissejjaħ is-Sagrament tal-penitenza “per antonomasia”, kif jgħidu, għax hekk hu verament, u għalhekk hu s-Sagrament tal-konverżjoni u tar-rikonċiljazzjoni.

L-aħħar Sinodu tkellem fit-tul fuq dan is-Sagrament minħabba l-importanza li għandu għar-rikonċiljazzjoni.

Kap II

IS-SAGRAMENT TAL-PENITENZA U TAR-RIKONĊILJAZZJONI

28. Tul iż-żmien kollu tiegħu u f’kull pass tiegħi ‘l quddiem, is-Sinodu ħaseb sewwa u b’attenzjoni kbira fuq dan is-sinjal sagramentali li juri u fl-istess ħin iġib il-penitenza u r-rikonċiljazzjoni. Iżda f’dan is-Sagrament ma nsibux kull ma hemm x’jingħad dwar il-konverżjoni u r-rikonċiljazzjoni. Sa mill-ewwel żminijiet tagħha l-Knisja kienet taf b’ħafna suriet ta’ penitenza u għamlet użu minnhom: xi wħud minn dawn is-suriet huma liturġiċi jew “paraliturġiċi” u ma’ dawn ngħoddu r-riti penitenzjali tal-Quddiesa, iċ-ċelebrazzjonijiet li bihom tintalab il-ħniena u l-maħfra ta’ Alla, u l-pellegrinaġġi; suriet oħrajn huma axxetiċi, u fost dawn hemm is-sawm. Iżda fost l-għemejjel kollha ta’ penitenza mhemmx ieħor li għandu tifsira aħjar, ma hemmx ieħor li jinkseb b’mod aqwa l-effett tiegħu bl-għajnuna ta’ Alla, ma hemmx ieħor li jikseb b’mod aqwa l-effett tiegħu bl-għajnuna ta’ Alla, ma hemmx ieħor għoli u fl-istess ħin aktar faċli biex tiċċelebrah daqs is-Sagrament tal-Penitenza.

Sa minn żmien it-thejjija tas-Sinodu, u mbagħad fil-ħafna interventi li saru tul iż-żmien waqt li kien qiegħed jiġi ċelebrat, fil-laqgħat tal-gruppi u fil-Propositiones tal-aħħar, is-Sinodu ta importanza kbira lid-dikjarazzjoni li ġiet imtennija ta’ spiss, għalkemm mhux dejjem bl-istess qawwa, li tgħid: Is-Sagrament tal-Penitenza għaddej minn kriżi, u għaraf li verament kien hemm din il-kriżi. Is-Sinodu talab ukoll li jsir studju teoloġiku, storiku, psikoloġiku, soċjoloġiku u ġuridiku sewwa dwar il-penitenza in ġenerali u b’mod speċjali, dwar is-Sagrament tal-penitenza. Is-Sinodu ried li, b’din il-ħidma kollha, jara sewwa għaliex kien hemm din il-kriżi u x’għandu jsir biex tintrebaħ, għall-ġid tal-familja kollha tal-bnedmin. Il-Knisja għalhekk rat is-Sinodu jwettaqilha l-fidi tagħha dwar is-Sagrament tal-Penitenza, li bih kull nisrani u l-komunita’ kollha tal-insara jkunu żguri mill-maħfra, bil-qawwa tad-Demm ta’ Kristu li fdiena.

Jaqbel li tiġġedded din il-fidi u tiġi mtennija mill-ġdid f’dan il-waqt, meta tista’ tiddgħajjef, titlef xi ħaġa mis-sħuħija tagħha, jew tiġi mwarrba x’imkien fid-dell fejn ma tidhirx u ma tissemmax aktar, imhedda kif inhi mill-kriżi li semmejna f’dak li jidher negattiv fiha. Is-Sagrament tal-Qrar min-naħa hu mhedded għaliex il-kuxjenza morali u reliġjuża tal-insara qiegħda tiddallam, għaliex qiegħed jonqos is-sens tad-dnub, għaliex qiegħed jiġi mgħawweġ it-tifsir veru tal-indiema, għaliex ftit hemm ħajra għall-ħajja tassew nisranija; min-naħa l-oħra hemm dik il-mentalita’, xi kull tant imxerrda mhux ħażin, li żżomm li l-maħfra tista’ tinkiseb direttament mingħand Alla, qisha xi ħaġa tas-soltu, bla bżonn li wieħed jersaq għas-Sagrament tar-rikonċiljazzjoni, u hemm id-drawwa ta’ qrar, bla ebda ħeġġa u bla ebda ħajra vera, drawwa forsi ġejja minn fehma qarrieqa u żbaljata dwar l-effetti tas-Sagrament.

Jixraq għalhekk nitkellem fuq id-dimensjonijiet ewlenin ta’ dan is-Sagrament hekk kbir.

“Dawk li taħfrulhom dnubiethom”

29. Il-Kotba tal-Patt il-Qadim u tal-Patt il-Ġdid jagħtuna l-aqwa u l-ewwel tagħrif dwar il-ħnienau l-maħfra ta’ Alla. Fis-Salmi u fil-kotba tal-Profeti, insibu, forsi spiss ħafna, il-Mulej imsejjaħ ħanin, u dan kontra dik il-fehma, imtennija kemm-il darba, li Alla, fil-Patt il-Qadim, hu fuq kollox, Alla sever li jikkastiga. Fis-Salmi, biex insemmu eżempju, niltaqgħu ma’ diskors twil kollu għerf, ispirat mit-tradizzjoni tal-Esodu, li jfakkar it-tjieba u l-ħniena ta’ Alla mal-poplu tiegħu. Dan l-għemil, għalkemm deskritt b’mod antropomorfiku, hu forsi wieħed mill-aqwa tħabbiriet tal-ħniena ta’ Alla fil-Patt il-Qadim. Biżżejjed insemmu:

“Iżda hu kien iħenn u jaħfrihom il-ħtija,

ma kienx jasal biex jeqridhom;

ħafna drabi kien iżomm il-korla,

ma kienx jixgħel qilltu kollha,

Kien jiftakar li bnedmin huma,

bħal żiffa li tgħaddi u ma terġax lura”[157]

Fil-milja taż-żminijiet l-Iben ta’ Alla ġie bħala Ħaruf li jneħħi u jitgħabba bid-dnub tad-dinja[158] u deher bħala dak li għandu s-setgħa jagħmel ħaqq[159] u jaħfer id-dnubiet[160], għax ma ġiex biex jikkundanna imma biex jaħfer u jsalva[161].

Din is-setgħa għall-maħfra tad-dnubiet, Ġesu’, bl-Ispirtu s-Santu, ta lil bnedmin, li setgħu jaqgħu fid-dnub, taha lill-Appostli tiegħu: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”[162]. Din hi waħda mill-aqwa ħwejjeġ ġodda tal-Evanġelju! Ġesu’ jagħti lill-Appostli setgħa li – kif dejjem fehmet il-Knisja sa mill-ewwel żminijiet tagħha – kellha tgħaddi għand dawk li ġew warajhom, li mingħand l-istess Appostli rċevew il-missjoni u r-responsabbilta’ li jkomplu l-ħidma tagħhom ta’ ħabbara tal-Evanġelju u ministri tal-missjoni ta’ Kristu għas-salvazzjoni tagħna.

Minn dan jidher il-kobor kollu ta’ dak li hu l-ministru tas-Sagrament tal-Penitenza, li, bi drawwa qadima ħafna, hu msejjaħ konfessur.

Is-saċerdot, bħala ministru tal-Penitenza, l-istess bħal meta jkun jagħmel, jagħmlu in persona Christi. Kristu li hu preżenti permezz tas-saċerdot, u li permezz tas-saċerdot jagħti l-maħfra tad-dnubiet, hu dak Kristu li jidher bħala ħu l-bniedem[163] il-Qassis il-Kbir, ħanin u fidil, li jagħder[164], ir-ragħaj li jfittex in-nagħġa li ntilfitlu[165], it-tabib li jfejjaq u jfarraġ[166], l-imgħallem waħdieni li jgħallem il-verita’ u juri t-triq li twassal għand il-Missier[167], l-imħallef tal-ħajjin u tal-mejtin[168] li ma jagħmilx ħaqq biss skont ma jidher [169].

Dan żgur hu wieħed mill-ministeri tas-saċerdot, l-aktar tqal u jeħtieġu għaqal kbir, ta’ ħafna taħbit u ta’ responsabbiltajiet kbar, imma hu wkoll wieħed mill-isbaħ ministeri tas-saċerdot, ministeru li jagħti sodisfazzjonijiet kbar; għalhekk, jiena u nqis ukoll ir-rakkomandazzjoni ħerqana li għamilli s-Sinodu , qatt ma se nieqaf inħeġġeġ lil ħuti l-isqfijiet u lis-saċerdoti biex dan il-ministeru jaqduh bil-fedelta’ u bir-reqqa kollha[170]. Quddiem il-kuxjenza ta’ kull nisrani, li, bil-biża’ kollha iżda bil-fiduċja wkoll jiftaħlu beraħ il-kuxjenza tiegħu, il-konfessur hu msejjaħ biex jaqdi ministeru tassew għoli, il-ministeru tal-penitenza u tar-rikonċiljazzjoni tal-bniedem: jiġifieri hu msejjaħ biex jagħraf in-nuqqasijiet u l-waqgħat ta’ wieħed nisrani, biex iqis x’rieda għandu li jintrefa’ minn fejn waqa’ u x’sforzi qiegħed jagħmel għal dan, biex jara x’ħidma qiegħed jagħmel f’qalbu l-Ispirtu li jqaddes, biex iħabbarlu l-maħfra li Alla biss tista’ jagħtih, u biex “jiċċelebra” miegħu l-ħbiberija mill-ġdid mal-Missier, imfissra hekk tajjeb fil-parabbola tal-Iben il-ħali, biex ireġġa’ lura l-midneb meħlus minn dnubietu għax-xirka tal-aħwa fil-Knisja, biex iwissih bħala missier, issa li hu niedem, bi kliem sod ta’ ħbiberija li jwettquh f’qalbu u jgħidlu: “Tidnibx aktar”[171].

Biex konfessur jaqdi bir-reqqa kollha dan il-ministeru jeħtieġ ikollu dawn il-kwalitajiet umani: irid ikun bniedem bil-għaqal, mhux ta’ ħafna kliem żejjed, kapaċi jagħraf x’inu l-bniedem, sod fl-imġiba tiegħu, iżda kollu tjieba u ħlewwa. Jeħtieġ ikollu thejjija serja u eżatta, mhux nieqsa imma sħiħa u mibnija tajjeb, fl-oqsma kollha tat-teoloġija, fil-pedagoġija, fil-psikjatrija, fil-metodoloġija tad-djalogu u, fuq kollox, irid ikun jaf sewwa l-Kelma ta’ Alla u kapaċi jwassalha. Iżda jeħtieġ ħafna wkoll li hu jkun igħix ħajja spiritwali qawwija u sinċiera. Biex imexxi lill-oħrajn fit-triq tal-perfezzjoni, il-ministru tal-Penitenza jrid ikun hu l-ewwel wieħed li jkun miexi f’din it-triq u, bil-fatti aktar milli b’ħafna diskors, irid jagħti xhieda li qiegħed igħix tassew ħaġġa ta’ talb, ħajja mżejna bil-virtujiet evanġeliċi, kemm teologali u kemm morali, ħajja ta’ rabta’ għar-rieda ta’ Alla, ta’ mħabba għall-Knisja u ta’ rabta’ sħiħa mal-Maġisteru tagħha.

Dawnil-kwalitajiet kollha, dawn il-virtujiet insara, din il-ħila pastorali ma jiġux waħedhom, u lanqas jinkisbu bla taħbit kbir. Kull saċerdot għandu jiġi mhejji għall-ministeru tal-penitenza sagramentali sa minn meta jkun għadu s-Seminarju, fejn barra mill-istudju tat-teoloġija dommatika, morali, spiritwali u pastorali (li kollha flimkien jagħmlu teoloġija waħda), irid jistudja wkoll dawk il-materji li għandhom x’jaqsmu mal-bniedem, mal-metodoloġija tad-djalogu u l-aktar tad-djalogu pastorali, jiġifieri ta’ kif għandu jġib ruħu man-nies fil-ħidma pastorali tiegħu. Imbagħad jeħtieġlu min imexxih u jgħinu fil-bidu ta’ din il-ħidma tiegħu. Għandu mbagħad dejjem ifittex li jtejjeb lilu nnifsu u jżomm ruħu aġġornat skont iż-żminijiet billi jkompli jistudja bil-għaqal kollu. X’għana ta’ grazzja u ta’ ħajja vera, li xxerred ma’ kullimkien dija spiritwali, ikollha l-Knisja kieku kull saċerdot iħabrek biex qatt ma jonqos, minħabba traskuraġni jew raġunijiet oħra, li jiltaqa’ mal-insara fil-post tal-qrar! Kemm għandu, aktar u aktar iħabrek, biex qatt ma jersaq iqarar nieqes mit-thejjija meħtieġa jew minn dawk il-kwalitajiet spiritwali u pastorali li jinħtiġulu.

Ma jistax ikun għalhekk li hawn ma niftakrux fl-eżempji tassew tal-għaġeb ta’ ħajja ta’ talb u ta’ tjieba, li jagħtunaxi appostli kbar tal-qrar, bħalma kienu San Ġwann Nepomuċenu, San Ġwann Marija Vianney, San Ġużepp Cafasso, San Leopoldu ta’ Castronuovo, biex insemmu biss dawk l-aktar magħrufin, fost il-Qaddisin tal-Knisja. Imma nixtieq nagħti ġieh ukoll lil dik il-kotra kbira ta’ konfessuri qaddisa, li tagħhom bilkemm nafu l-isem u li wasslu għas-salvazzjoni li tant nies, li minn għandhom kisbu l-għajnuna għall-konverżjoni, għall-ġlieda kontra d-dnub u t-tentazzjonijiet, għall-mixi ‘l quddiem fil-ħajja tar-ruħ, u fl-aħħarnett għall-qdusija. U anqas naħsibha darbtejn biex ngħid li fost il-ħafna Qaddisin kbar tas-sema, ħafna minnhom bdew it-triq tal-qdusija mill-konfessinarju, u, magħhom, mill-post tal-qrar ħareġ ukoll il-wirt spiritwali tal-Knisja, u l-istess ċivilta’ li nbniet bi spirtu nisrani! Nagħtu ġieh mela lil din il-kotra siekta ta’ ħutna, li bil-ministeru tas-Sagrament tal-Penitenza, qdew mill-aħjar u għadhom jaqdu sal-lum il-kawża tar-rikonċiljazzjoni.

Is-Sagrament tal-maħfra

30. Għax ingħaraf kemm jiswa dan il-ministeru u minħabba s-setgħa tal-maħfra tad-dnubiet li Kristu ta lill-Appostli u lil dawk li ġew warajhom, il-Knisja, bil-mod il-mod, bdiet tintebaħ bis-sinjal tal-maħfra li jingħata permezz tas-Sagrament tal-Penitenza. Dan ifisser li aħna żguri li Kristu stess għamel is-Sagrament speċjali għall-maħfra tad-dnubiet u għar-rikonċiljazzjoni u fdah lill-Knisja, bħala don tat-tjieba tiegħu u tal-imħabba tiegħu għall-bnedmin kollha[172].

Iċ-ċelebrazzjoni u l-forma ta’ dan is-Sagrament tul iż-żminijiet kellhom proċess twil ta’ żvilupp, kif jixhdulna s-Sagramentarji antiki, il-Konċilji u s-Sinodi tal-isqfijiet, il-predikazzjonijiet ta’ Missirijiet il-Knisja u t-tagħlim tad-Dutturi tagħha. Iżda dwar in-natura tas-Sagrament il-Knisja minn dejjem kienet żgura, b’ċertezza soda li qatt ma tbiddlet, li Kristu ried li l-maħfra tingħata lil kull wieħed permezz tal-assoluzzjoni sagramentali mogħtija mill-ministru tal-Penitenza; din iċ-ċertezza tal-Knisja hi mwettqa kemm mill-Konċilju Tridentin[173] u kemm mill-Konċilju Vatikan II: “Dawk li jersqu għas-Sagrament tal-Penitenza, bil-ħniena ta’ Alla, jiksbu maħfra għall-offiża li saritlu, u fl-istess ħin jiġu rikonċiljati mal-Knisja li huma dabru bi dnubiethom, u li ħabirket għall-konverżjoni tagħhom bl-imħabba, bl-eżempju u bit-talb”[174]. U bħala element essenzjali tal-fidi dwar il-qawwa u l-għan tas-Sagrament tal-Penitenza, jeħtieġ intennu din: is-Salvatur tagħna Ġesu’ Kristu waqqaf is-Sagrament tal-Penitenza fil-Knisja tiegħu biex l-insara li jaqgħu fid-dnub wara l-Magħmudija jerġgħu jiksbu l-grazzja u jinħabbu mill-ġdid ma’ Alla[175].

Il-fidi tal-Knisja f’dan is-Sagrament tal-Penienza tħaddan xi veritajiet oħra fondamentali li mhux ta’ min jinsihom. Ir-rit tas-Sagrament tal-Penitenza, fl-iżvilupp tiegħu tul iż-żmien u fit-tibdiliet li seħħu fis-sura taċ-ċelebrazzjoni tiegħu, dejjem ħares dawn il-veritajiet u wriehom b’mod ċar. Meta l-Konċilju Vatikan II ordna t-tiġdid ta’ dan ir-rit, ried li dawn il-veritajiet jidhru b’mod aktar ċar fir-riti[176]; dan seħħ fl-Ordni l-ġdid għall-Penitenza[177]. F’dan l-Ordni hemm it-tagħlim sħiħ tat-tradizzjoni, li nsibu fil-Konċilju Tridentin, iżda mifrud miċ-ċirkustanzi storiċi ta’ dak iż-żmien (fi żmien il-Konċilju Tridentin kien sar sforz kbir biex jiġi mfisser it-tagħlim veru tal-Knisja minħabba l-iżbalji kbar li kienu xterdu dak iż-żmien dwar it-tagħlim veru tal-Knisja) u mfisser, bil-fedelta’ kollha, bi kliem aktar adatt għaż-żminijiet tagħna.

Xi fehmiet fondamentali

31. Dawn il-veritajiet li għadna kemm semmejna, li ġew imtennija bil-qawwa kollha u b’mod tassew ċar tul is-Sinodu, u li dehru wkoll fil-Propositiones, nistgħu niġbruhom f’dawn il-konvinzjonijiet li ġejjin: madwar dawn il-konvinzjonijiet jinġabar kull ma tgħid il-Knisja kattolika dwar is-Sagrament tal-Penitenza.

  1. L-ewwel konvinzjoni hi din: Is-Sagrament tal-Penitenza huwa t-triq li minnha kulħadd irid igħaddi, bħala regola, biex jikseb il-maħfra u jitneħħewlu d-dnubiet gravi li jkun għamel wara l-Magħmudija. Il-Mulej , u l-opra tiegħu għas-salvazzjoni, bl-ebda mod ma huma marbutin ma’ sinjal sagramentali b’mod tali li ma jistgħux, f’ebda żmien u f’ebda qasam tal-istorja tas-salvazzjoni, iwettqu l-ħidma tagħhom barra u ‘l fuq mis-Sagramenti. Iżda fl-iskola tal-fidi nitgħallmu li l-istess Salvatur ried u ordna li s-Sagramenti umli u għeżież tal-fidi jkunu l-mezzi ordinarji li bihom tassew taslilna u taħdem fina l-qawwa tiegħu għas-salvazzjoni. Għalhekk ikun iġib ruħu ta’ iblah u ta’ prużuntuż min, minn rajh b’kapriċċ, ifittex li jgħaddi mingħajr dawn il-mezzi ta’ grazzja u salvazzjoni li l-Mulej tana, u mbagħad, jippretendi li jkollu l-maħfra bla ma jersaq lejn is-Sagrament li Kristu waqqaf biex tingħatalna l-maħfra ta’ dnubietna. It-tiġdid tar-rit li seħħ wara l-Konċilju, bl-ebda mod ma jippermetti xi ħolma jew bidla bħal din. Fil-ħsieb tal-Knisja, ir-rit ġdid kellu u għandu jgħin biex kull wieħed minna jitħeġġeġ, b’ħeġġa ġdida u qawwija, ħa niġġeddu fl-imġiba ta’ ruħna, jiġifieri ħa nħabirku biex nifhmu aktar fil-fond x’inhi n-natura tas-Sagrament tal-Penitenza, biex naċċettawh b’fidi aktar sħiħa, u mhux b’ħafna qtigħ il-qalb imma b’fiduċja kbira; biex nersqu aktar ta’ spiss għal dan is-Sagrament, kollu kemm hu mimli bl-imħabba kollha ħniena tal-Mulej.
  2. It-tieni konvinzjoni hi dwar x’jagħmel is-Sagrament tal-Penitenza f’dawk li jersqu lejh. Dan is-Sagrament, skont fehma tradizzjonali antika, għandu sura ta’ kawża f’qorti, imma ta’ kawża quddiem tribunal ta’ ġustizzja iebsa u sħiħa, qorti li ma tistax tqabbilha mal-qrati tal-bnedmin ħlief biss b’mod analoġiku[178] għaliex fil-qrar huwa l-midneb innifsu li jistqarr dnubietu u jikxef x’inhi l-qagħda tiegħu bħala bniedem midneb; hu l-midneb innifsu li jintrabat li jiċħad id-dnub u jirbħu; hu l-midneb innifsu li jaċċetta l-kastig (il-penitenza sagarmentali) li jagħtih il-konfessur, u jirċievi l-assoluzzjoni minn għandu.

Hija u taħseb fuq il-qadi tal-ministeru ta’ dan is-Sagrament, il-Knisja tħoss u tilmaħ li barra s-sura ta’ kawża f’qorti, kif għadna kemm fissirna, is-Sagrament għandu wkoll sura terapeutika jew mediċinali. Dan irridu norbtuh mal-fatt li spiss fl-Evanġelju Kristu jidher bħala tabib[179], u l-ħidma tiegħu sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja ġiet imsejħa “duwa ta’ salvazzjoni”. “Infejjaq irrid, mhux nixli” qal Santu Wistin meta tkellem dwar il-qadi tal-ministeru pastorali tal-penitenza[180]; hu mħabba d-duwa tal-qrar li d-dnub ma jwassalx għad-disperazzjoni[181]. Hu għalhekk li r-rit tal-Penitenza juri dan is-Sagrament bħala duwa[182], ħaġa li forsi l-bnedmin tal-lum jifhmuha aktar malajr, la darba dak l l-aktar jaraw fid-dnub hu l-iżball u li d-dnub juri l-aktar x’hemm dgħajjef u nieqes fil-bniedem.

Iż-żewġ fehmiet li semmejna, sew dak li l-qrar hu tribunal tal-ħniena u sew li hu post ta’ fejqan għar-ruħ, jitolbu li wieħed ikun jaf sewwa x’hemm fil-fond tal-qalb tal-bniedem biex jista’ jiġġudikah u jaħfirlu, ifejqu u jagħtih saħħtu. Il-penitent għalhekk irid jakkuża ruħu b’mod sinċier u sħiħ, u dan hu meħtieġ mhux biss għal xi raġuni axxetika (jiġifieri bħala att ta’ umilta’ u ta’ mortifikazzjoni) imma wkoll għaliex dan titolbu l-istess natura tas-Sagrament.

  1. It-tielet konvinzjoni li rrid ninsisti fuqha hi dwar dak kollu li bih iseħħ is-sinjal sagramentali tal-maħfra u r-rikonċiljazzjoni. Kull ma jrid jagħmel il-penitent fil-qrar m’għandux l-istess valur, iżda kull ħaġa li jrid jagħmel hi meħtieġa jew biex is-Sagrament ikun jiswa, jew biex ikun sħiħ, jew biex ikun ta’ ġid.

L-ewwel ħaġa li hi għal kollox meħtieġa fil-penitent hi kuxjenza retta u ċara. Il-bniedem ma jistax jasal li jkollu ndiema vera u sinċiera, sakemm ma jagħrafx li d-dnub li għamel ma jaqbilx ma’ dak li tgħidlu r-regola morali li hemm minquxa fil-fond ta’ qalbu[183]; sakemm ma jagħrafx li dan il-kuntrast fih innifsu ġarrbu b’mod pesonali u responsabbli; sakemm jasal biex igħid mhux biss li “dan dnub”, imma wkoll “jiena dnibt”; sakemm ma jammettix li d-dnub ġab firda fil-kuxjenza tiegħu, li laqtitu lilu nnifsu kollu kemm hu u firditu minn Alla u minn ħutu. Is-sinjal sagramentali li juri b’mod ċar x’inhi l-qagħda tal-kuxjenza, hu dak l-għemil li tradizzjonalment jissejjaħ l-eżami tal-kuxjenza, għemil li qatt ma għandu jkun stħarriġ psikoloġiku tiegħek innifsek b’ħafna biża’ u qtigħ il-qalb, imma biss tqabbil sinċier u bil-kalma kollha, ta’ għemilek ma’ dak li tgħid il-liġi morali mnaqqxa f’qalbek, mar-regoli li jagħti l-Evanġelju kif tfissirhomlna l-Knisja, ma’ Kristu nnifsu li hu l-Imgħallem tagħna u eżempju għalina, li jsejħilna għat-tjieba u l-perfezzjoni[184].

Iżda l-għemil essenzjali tal-penitent f’dan is-Sagrament hu s-sogħba li juriha fiċ-ċaħda tad-dnub b’fehma sħiħa li qatt aktar ma jerġa’ jagħmlu[185], għall-imħabba ta’ Alla, li mill-ġdid titwieled fih bil-penitenza. F’dan is-sens is-sogħba hi l-bidu tal-konverżjoni, qisha r-ruħ tagħha, jiġifieri hi dik il-bidla, li l-Evanġelju jsejjaħ metanoia, u li twassal il-bniedem lura għand Alla, bħala l-iben il-ħali li rieġa lura lejn missieru, u li fis-Sagrament tal-penitenza tidher bħala sinjal li twassal l-attrizjoni għall-perfezzjoni. Għalhekk “il-verita’ tal-penitenza tiddependi minn din is-sogħba tal-qalb”[186].

Waqt li niftakru f’dak kollu li l-Knisja, ispirata mill-Kelma ta’ Alla, tgħallem dwar is-sogħba, irrid hawn ninsisti fuq aspett wieħed ta’ dan it-tagħlim, aspett, li għandna nagħarfuh aħjar u nżommuh dejjem quddiem għajnejna. Kemm-il darba l-konverżjoni u s-sogħba nqisuhom f’dak li jitolbu fihom infushom (u f’dan kulħadd jaqbel) u fil-mortifikazzjoni li jġagħluna nagħmlu minħabba l-bidla radikali li jridu jagħmlu fina; imma tkun ħaġa tajba jekk niftakru u nintebħu li l-konverżjoni u s-sogħba huma aktar għemil li jqarrabna lejn il-qdusija ta’ Alla, li jwassalna biex insibu l-verita’ fina nfusna, imqallba u mħawda mid-dnub, li jagħtina l-ħelsien fil-fond ta’ qalbna u għalhekk iwassalna biex niksbu dak il-hena li konna tlifna, l-hena tas-salvazzjoni[187] dak il-hena li l-kotra tal-bnedmin ta’ żmienna ma jafux igawdu.

Minn dan nifhmu għaliex sa mill-ewwel żminijiet tagħha, il-Knisja, b’rabta sħiħa mal-Appostli u ma’ Kristu, dejjem riedet li fis-sagramentali tal-Penitenza jkun hemm l-akkuża tad-dnubiet. Dan tidher ħaġa tant importanti li, sa minn mijjiet ta’ snin ilu, dan is-Sagrament hu magħruf, u għadu sal-lum, magħruf bħala qrar. L-istqarrija tad-dnubiet hi meħtieġa l-ewwelnett biex il-konfessur, bħala mħallef fis-Sagrament tal-qrar, jasal biex ikun jaf il-midneb, biex ikun jista’ jqis il-gravita’ ta’ dnubietu u kemm hu sogħbien u, bħala tabib, ikun jaf il-qagħda tal-marid biex ifejqu u jagħtih saħħtu. Iżda l-istqarrija tad-dnubiet għandha wkoll il-valur ta’ sinjal: sinjal tal-laqgħa tal-midneb mat-talb tal-Knisja fil-persuna tal-ministru, sinjal li bih wieħed juri ruħu bħala midneb quddiem Alla u quddiem il-Knisja, sinjal li bih wieħed jara x’inhu fih innifsu quddiem Alla. L-istqarrija tad-dnubiet ma tistax għalhekk titqies bħala xi ħelsien psikoloġiku tiegħek innifsek, għalkemm l-istqarrija tad-dnubiet hi tweġiba għall-ħtieġa naturali u leġittima li jista’ jkollu l-bniedem li jiftaħ qalbu ma’ xi ħadd, ħtieġa li tinsab fil-qalb ta’ kull bniedem; l-istqarrija tad-dnubiet hi att liturġiku, att solenni minħabba l-qawwa li tqanqal għalih, att umli u żgħir fil-kobor tat-tifsir tiegħu. Hi l-għemil tal-iben il-ħati li jerġa’ lura għand il-Missier li jilqgħu bil-bewsa tas-sliem; hi l-għemil ta’ fedelta’ u ta’ qawwa; hi att li bih, ‘l hemm mid-dnub, wieħed jafda lilu nnifsu għall-ħniena ta’ dak li se jaħfirlu[188]. Minn dan nifhmu għaliex l-istqarrija tad-dnubiet trid tkun, bħala regola, għemil ta’ kull wieħed waħdu, u mhux ta’ kulħadd flimkien, kif id-dnub hu għemil ta’ bniedem waħdu, għemil kollu kemm hu personali. Iżda fl-istess waqt, l-istqarrija tad-dnubiet b’xi mod toħroġ id-dnubiet mill-fond tal-qalb fejn jinsabu moħbija, u hekk ma jibqgħux b’xi mod tal-midneb waħdu: b’hekk l-istqarrija tad-dnubiet turi wkoll l-aspett soċjali tagħha, għaliex, permezz tal-ministru tal-Penitenza, il-komunita’ tal-Knisja, midruba bid-dnub, terġa’ fi ħdanha l-midneb, niedem u maħfur.

Element ieħor meħtieġ fis-Sagrament tal-Penitenza għandu x’jaqsam mal-konfessur, bħala mħallef u tabib, xhieda ta’ Alla l-Missier, li jilqa’ dak li reġa’ lura u jaħfirlu: din hi l-assoluzzjoni. Il-kliem li bih tingħata, u l-għemil li hu msieħeb mal-kliem, kemm fl-Ordni antik u kemm fl-Ordni l-ġdid tal-Penitenza, huma sempliċi ħafna imma kbar fit-tifsir tagħhom. Il-formola sagramentali: “Jiena naħfirlek”, it-tqegħid tal-idejn u s-sinjal tas-salib fuq il-penitent huma xhieda li f’dak il-waqt stess il-midneb, sogħbien u niedem, riesaq jiltaqa’ mal-qawwa u l-ħniena ta’ Alla. Hu l-waqt li fih it-Trinita’ twieġeb lill-penitent u hi ħdejh biex tneħħilu d-dnub tiegħu u terġa’ tagħtih l-innoċenza tiegħu, u l-waqt li tingħatalu l-qawwa li ssalva tal-Passjoni, il-Mewt u tal-Qawmien ta’ Kristu mill-mewt, bħala “l-ħniena aktar qawwija mid-dnub”, kif konna fissirnieha fl-enċiklika Għani fil-Ħniena. Alla hu dak li dejjem l-aktar li jiġi offiż bid-dnub – “Kontrih biss jiena dnibt” – u Alla biss jista’ jaħfru d-dnub. Għalhekk l-assoluzzjoni li s-saċerdot, bħala ministru tal-maħfra, minkejja li hu wkoll midneb, jagħti lill-penitent, hi sinjal effikaċi tal-ħidma ta’ Alla f’kull assoluzzjoni, u wkoll sinjal tal-“qawwa” mill-“mewt tar-ruħ”, li jiġġedded kull darba li jiġi ċelebrat is-Sagrament tal-Penitenza. Il-fidi mbagħad tista’ twettaq li dak il-ħin stess kull dnub jinħafer u jitneħħa bil-qawwa misterjuża tal-Feddej.

L-aħħar att hu t-tpattija li ttemm is-sinjal sagramentali tal-Penitenza. F’xi postijiet it-tpattija li l-midneb, li ġa kiseb il-maħfra u ħa l-assolouzzjoni jaċċetta li jagħmel wara l-assoluzzjoni, tissejjaħ penitenza. Xi tfisser din it-tpattija li ssir, din il-penitenza li wieħed jagħmel? Żgur m’hijiex il-ħlas tad-dnub li nħafer jew tal-maħfra li ngħatat: ebda ħlas tal-bniedem ma jista’ jkun daqs dak li l-bniedem ikun kiseb, jiġifieri l-frott tad-Demm għażiż ta’ Kristu. L-għemil ta’ tpattija – li għandu jkollu tifsir aqwa minn dak li jfisser – juri xi ħaġa ta’ siwi kbir: juri l-impenn personali li bih in-nisrani jintabat quddiem Alla fis-Sagrament tal-Penitenza li jibda ħajja ġdida (għalhekk ma għandux ikun biss xi talbiet li wieħed igħid, imma għandu jkun aktar għemil ta’ qima, mħabba, ħniena u tpattija); ifisser ukoll li l-midneb li qala’ l-maħfra jista’ jgħaqqad il-mortifikazzjoni tar-ruħ u tal-ġisem, li talab jew almenu aċċetta, mal-istess Passjoni ta’ Ġesu’ li qalgħetlu l-maħfra; igħallem ukoll li wara l-assoluzzjoni fin-nisrani għad fadal xi dlam, li ġej mill-ġerħa tad-dnub, min-nuqqas ta’ perfezzjoni fl-imħabba li wasslet għall-indiema, u għaliex il-fakultajiet tar-ruħ għadhom dgħajfa, għax fihom għad fadal xi tinġis tad-dnub, li dejjem irid jitneħħa permezz tal-mortifikazzjoni. Dan tfisser tpattija umli u sinċiera[189].

  1. Fadal issa li nitkellmu ftit fil-qasir fuq konvinzjonijiet oħra importanti dwar is-Sagrament tal-Penitenza.

Jaqbel li l-ewwelnett ngħidu li ma hemm xejn aktar personali u intimu mis-Sagrament tal-Penitenza, fejn il-midneb jieqaf quddiem Alla, waħdu, bil-ħtija tiegħu u bil-penitenza tiegħu, bis-sogħba u bil-fiduċja tiegħu. Ħadd ma jista’ jindem minn floku, ħadd ma jista’ jitlob il-maħfra f’ismu. Kif il-bniedem hu waħdu mad-dnub tiegħu, nistgħu narawh b’mod tassew traġiku f’Kajin, bid-dnub “jissajja wara biebu” kif naqraw fil-Ġenesi, u bis-sinjal li Alla għamillu fuq ġbinu[190]; jew f’David imċanfar mill-profeta Natan[191]; jew fl-iben il-ħali, meta ntebaħ bil-qagħda li fiha waqa’ wara li tbiegħed mingħand missieru, u ddeċieda li jerġa lura għandu[192]: dan kollu jseħħ bejn Alla u l-bniedem waħdu. Iżda l-anqas nistgħu niċħdu d-dimensjoni soċjali ta’ dan is-Sagrament fejn il-Knisja kollha – il-Knisja militanti, il-Knisja fil-purgatorju, u l-Knisja fil-glorja tas-sema – tgħin il-midneb u terġa’ tilqgħu fi ħdanha, aktar u aktar għaliex il-Knisja kollha ġarrbet il-ġerħa u l-offiża tad-dnub tiegħu. Is-saċerdot, ministru tal-Penitenza, hu għalhekk, permezz tal-ministeru tiegħu, qisu xhud u legat tad-dimensjoni ekklesjali tas-Sagrament. Hawn għandna żewġ aspetti tas-Sagrament li jikkompletaw lil xulxin: l-individwalita’ tas-Sagrament u d-dimensjoni ekklesjali tiegħu. It-tiġdid li biż-żmien sar fis-Sagrament, u l-aktar l-Ordni għall-Penitenza approvat mill-Papa Pawlu VI ippruvaw jagħtu lil dawn iż-żewġ aspetti l-importanza tagħhom, u jagħtuhom tifsir aqwa fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament.

  • Imbagħad jeħtieġ ngħidu li l-frott l-aktar għażiż tal-maħfra, li tinkiseb fis-Sagrament tal-Penitenza hu propju l-ħbiberija mill-ġdid ma’ Alla, li sseħħ fil-fond tal-qalb tal-iben li ntilef u reġa’ nstab, kif hu kull bniedem niedem. Jeħtieġ ngħidu wkoll li din ir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla tagħti wkoll il-bidu, biex ngħidu hekk, għal rikonċiljazzjonijiet oħra, li bihom jitfejqu firdiet oħra, frott tad-dnub: il-midneb li kiseb il-maħfra, jerġa’ jitħabbeb miegħu innifsu fil-fond ta’ qalbu fejn hu tassew dak li hu, u jerġa’ jikseb fih innifsu l-verita’ tiegħu nnifsu; jitħabbeb mill-ġdid mal-aħwa li b’xi mod kien offendihom u ġarrabhom bid-dnub tiegħu; jitħabbeb mill-ġdid mal-Knisja; jitħabbeb mill-ġdid mal-ħolqien kollu.

Huwa u jagħraf dan kollu, il-penitent, mat-tmiem taċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament, iħoss ruħu mixgħul b’ħajr lil Alla għad-don tal-ħniena li qala’, ħajr li l-Knisja tħeġġu biex jagħmel.

Kull post fejn isir il-Qrar hu post imbierek u tal-ogħla ġieh: minn hemm bit-tiġrif tal-ħitan tal-firda, joħroġ, imġedded u safi, il-bniedem rikonċiljat – id-dinja rikonċiljata!

  • Fl-aħħarnett inħoss li għandi ngħid l-aħħar kelma li tolqot lilna s-saċerdoti kollha, bħala ministri tas-Sagrament tal-Penitenza: minnu aħna wkoll nistgħu – u għandna – niksbu l-ġid. Il-ħajja spiritwali u pastorali tas-saċerdot, l-istess bħall-ħajja tal-aħwa l-lajċi u r-reliġjużi, tiddependi ħafna milli nersqu, spiss u bil-għaqal kollu, għas-Sagrament tal-Penitenza[193]. Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, il-ministeru tas-Sagramenti l-oħra, il-ħeġġa pastorali, ir-relazzjonijiet mal-fidili, ix-xirka mal-aħwa, il-kooperazzjoni mal-isqof, il-ħajja ta’ talb: fi ftit kliem, il-ħajja kollha tas-saċerdot tikseb żgur ħsara, jekk hu jonqos, jew minħabba t-traskuraġni jew minħabba xi raġuni oħra, li jersaq għas-Sagrament tal-penitenza b’mod regolari, imqanqal minn fidi vera u minn devozzjoni xierqa. Saċerdot li ma jqerrx dnubietu jew iqerrhom ħażin, iġarrab ħsara fil-fatt li “hu saċerdot” u fil-fatt li “hu msejjaħ biex jaqdi l-ministeru ta’ saċerdot”, u b’dan tintebaħ ukoll il-komunita’, li tagħha hu l-ministru.

Inżid ukoll li saċerdot, biex ikun ministru tajjeb u effikaċi tas-Sagrament tal-penitenza, jeħtieġlu jersaq lejn din l-għajn tal-grazzja u tal-qdusija li tinsab f’dan is-Sagrament. Aħna s-saċerdoti, mill-esperjenza tagħna stess, nistgħu ngħidu, li daqskemm aħna noqgħodu attenti li nersqu għas-Sagrament tal-Penitenza u nersqu ta’ spiss u b’dispożizzjoni tajba, daqshekk ieħor naqdu aħjar il-ministeru tagħna fis-Sagrament tal-Penitenza u nagħmlu l-ġid lill-penitenti. Għall-kuntrarju mbagħad, dan il-ministeru tagħna jitlef ħafna mill-qawwa tiegħu jekk aħna nittraskuraw li nkunu penitenti tajba. Din hi l-loġika ta’ dan is-Sagrament kbir, li jistieden lilna lkoll, Saċerdoti ta’ Kristu, biex niġġeddu dwar il-qrar personali tagħna.

Din l-esperjenza personali ta’ kull wieħed minna fil-qrar hi, u għandha tkun, illum mezz li jimbuttana biex naqdu l-ministeru tal-Penitenza dejjem, bil-għaqal, bis-sabar, u bil-ħeġġa kollha: għal dan il-ministeru aħna obbligati mis-saċerdozju u l-vokazzjoni tagħna għax biha aħna ministri u ragħajja taż ħutna. Permezz ta’ din l-esortazzjoni għalhekk nixtieq inwissi s-saċerdoti kollha tad-dinja, u b’mod speċjali lil ħuti fl-Episkopat u l-kappillani, biex, bil-ħila kollha tagħhom iħabirku ħalli l-insara jersqu ta’ spiss għal dan is-Sagrament; għal dan iridu jużaw il-mezzi kollha li għandhom li huma ta’ siwi, u jfittxu t-triqat kollha ħa jwasslu lill-għadd kemm jista’ jkun kbir tal-aħwa “l-grazzja li ġiet mogħtija lilna” permezz tal-Penitenza li nħabbu mill-ġdid ma’ Alla fi Kristu kull ruħ u d-dinja kolha.

Il-forom taċ-ċelebrazzjoni

32. Skont id-direttivi tal-Konċilju Vatikan II, l-Ordni għall-Penitenza għandu tliet riti li, waqt li jżommu bla mittiefsa l-elementi essenzjali tas-Sagrament, jippermettu li s-Sagrament tal-Penitenza jiġi adattat skont x’ikunu ċ-ċirkostanzi pastorali.

L-ewwel forma – ir-rikonċiljazzjoni tal-penitenti wieħed wieħed – hi waħedha s-sura ordinarja u normali taċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament u ma huwiex permess li tiġi traskurata jew titħalla li tintesa. It-tieni forma – ir-rikonċiljazzjoni ta’ ħafna penitenti flimkien iżda bi qrara u assoluzzjoni wieħed wieħed – hi tajba ħafna fit-thejjija tagħha biex turi aħjar l-aspett komunitarju tas-Sagrament, iżda hi bħall-ewwel forma f’dak li hu l-qofol tas-Sagrament, il-qrara u l-assoluzzjoni wieħed wieħed, u għalhekk tista’ titqies daqs l-ewwel sura bħala forma normali tar-rit. Għall-kuntrarju, it-tielet forma – ir-rikonċiljazzjoni ta’ ħafna penitenti bi qrara u assoluzzjoni ġenerali – minnha nfisha hi ċelebrazzjoni eċċezzjonali, u għalhekk mhux permess li wieħed jagħżilha, minn rajh meta jrid, iżda għandha regolamenti speċjali.

L-ewwel forma twassal biex wieħed jara s-siwi ta’ dawk l-aspetti l-aktar personali – u l-aktar essenzjali – tal-mixja penitenzjali. Id-djalogu bejn il-konfessur u l-penitent, u l-elementi l-oħra kollha flimkien (is-silta mill-Iskrittura, l-għażla tal-penitenza eċċ.) huma elementi li jagħmluha aktar taqbel mal-qagħda vera tal-penitent. Naraw kemm jiswew dawn l-elementi meta nqisu għaliex in-nisrani jersaq għas-Sagrament tal-Penitenza: il-ħtieġa ta’ rikonċiljazzjoni personali tiegħu ma’ Alla u ta’ ħbiberija mill-ġdid miegħu biex jikseb il-grazzja li jkun tilef; il-ħtieġa li jkun jaf huwiex miexi sewwa fit-triq tar-ruħ, u, xi kull tant, għajnuna biex jagħraf, f’ħin waqtu, x’inhi l-vokazzjoni tiegħu; spiss ukoll il-ħtieġa u x-xewqa li jkollu li joħroġ minn qagħda ta’ apatija spiritwali jew ta’ kriżi reliġjuża. Imbagħad ukoll, minħabba s-sura personali tagħha, l-ewwel forma ta’ ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-Penitenza malajr tista’ tingħaqad ma’ ħaġ’oħra li għalkemm m’hijiex bħalha, faċilment tista’ tissieħeb magħha: id-direzzjoni spiritwali. Jidher għalhekk ċar li fl-ewwel forma taċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament, id-deċiżjoni u l-impenn personali jispikkaw u għandhom l-għajnuna kollha li jeħtieġu.

It-tieni forma taċ-ċelebrazzjoni, propju minħabba n-natura komunitarja tagħha u l-mod kif tiġi ċelebrata, turi ċerti aspetti ta’ importanza kbira: is-smigħ tal-Kelma t’Alla, minn kulħadd flimkien, għandha qawwa speċjali, li ma nsibuhiex fil-qari tagħha, magħmul minn wieħed waħdu, u turi aħjar in-natura ekklesjali tal-konverżjoni u r-rikonċiljazzjoni. Ikollha tifsir aqwa skont iż-żminijiet tas-sena liturġika, u meta tintrabat ma’ ġrajjiet pastorali importanti. Biżżejjed infakkru hawn li għal din iċ-ċelebrazzjoni hu meħtieġ li jkun hemm għadd biżżejjed ta’ konfessuri.

Hi ħaġa naturali għalhekk li, meta wieħed jiġi biex jagħżel liema forma ta’ ċelebrazzjoni se juża mit-tnejn li semmejna, għandu jfitex biss il-ġid spiritwali li jista’ jinkiseb mill-ħarsien tad-dixxiplina penitenzjali tal-Knisja u mhux ifittex xi gost personali jew biss xi okkażżjoni li tinqala’ jew jaqla’.

Jeħtieġ li wieħed jiftakar ukoll li, biex f’din il-ħaġa jkun hemm tmexxija spiritwali u pastorali xierqa, jeħtieġ li wieħed ikompli jagħti importanza għall-qrar ukoll tad-dnubiet venjali biss, u jħajjar lill-insara biex jersqu jqerru wkoll meta għandhom biss dnubiet venjali xi jqerru, kif  tixhdilna t-tradizzjoni dottrinali tal-Knisja u kif hi d-drawwa minn mijiet ta’ snin.

Għalkemm il-Knisja taf u tgħallem li d-dnubiet venjali jinħafru wkoll b’ħafna manjieri oħra – nistgħu nsemmu għemejjel ta’ ndiema, ta’ mħabba, ta’ penitenza u t-talb – iżda qatt ma tieqaf tfakkar lil kulħadd bl-għan speċjali li jinkiseb fis-Sagrament ukoll bil-qrar ta’ dnubiet venjali biss. Il-qrr ta’ spiss – li għalih huma obbligati xi gruppi ta’ nsara – iwettaq il-fehma li d-dnubiet venjali wkoll joffendu lil Alla u jagħmlu ġerħa fil-Knisja, il-Ġisem ta’ Kristu, u ċ-ċelebrazzjoni ta’ spiss tas-Sagrament tal-Penitenza, għal dawn l-insara, hi okkażżjoni biex “kemm jista’ jkun jixxiebhu ma’ Kristu u jwieġbu b’aktar attenzjoni għal-leħen tal-Ispirtu”[194]. Ta’ min isemmi mbagħad li fuq kollox il-grazzja propja taċ-ċelbrazzjoni sagramentali għandha qawwa kbira biex tfejjaq u tqaċċat l-istess għeruq tad-dnub.

Il-mod kif issir iċ-ċelebrazzjoni għandu jkun imħares sewwa[195] speċjalment fejn tidħol l-importanza tal-Kelma ta’ Alla li għandha tinqara’ tiġi mfakkra, tiġi mfissra, lill-insara u mal-insara, meta dan jista’ jsir u jkun jaqbel, għax dan igħin ħafna biex jagħti ħajja lis-Sagrament, u jbiegħed il-periklu li, bir-ripetizzjoni ta’ spiss tal-formoli taċ-ċelebrazzjoni, is-Sagrament issir ħaġa ta’ rutina, li wieħed jagħmel biex ikun għamilha, għax hekk soltu jagħmel. Anzi l-penitent għandu jkollu kull għajnuna biex jifhem li hu għaddej minn ġrajja ta’ salvazzjoni li tista’ tqajjem fih ħeġġa ġdida ta’ ħajja u sliem tassew. Meta wieħed irid li ssir ċelebrazzjoni xierqa tas-Sagrament, fost affarijiet oħra, għandu jara li f’kull knisja jkun hemm ħinijiet apposta għaċ-ċelebrazzjoni tal-Penitenza biex l-insara, u l-aktar it-tfal u ż-żgħażagħ, jitgħallmu jħarsu dawn il-ħinijiet bħala regola ħlief f’xi każ ta’ ħtieġa kbira, meta r-ragħaj tal-erwieħ għandu jkun dejjem lest biex jilqa’ bil-qalb lil kull min imur ifittxu.

Iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament b’assoluzzjoni ġenerali

3. Fl-Ordni liturġiku l-ġdid, u fil-Kodiċi l-ġdid tal-liġi tal-Knisja[196] insibu l-kondizzjonijiet meħtieġa biex jista’ jiġi ċelebrat ir-rit tar-rikonċiljazzjoni ta’ ħafna penitenti bi qrara u assoluzzjoni ġenerali. In-normi u r-regolamenti li hemm dwar din il-ħaġa, frott ta’ ħsieb fit-tul u meqjus, għandhom jiġu milqugħin u mħarsa, mingħajr ma tingħatalhom ebda tifsira arbitrarja u addoċċ.

Jaqbel li naħsbu aktar fil-fond dwar ir-raġunijiet għaliex għandha tiġi wżata l-x’inhuma r-raġunijet li jippermettu li wieħed jagħmel użu mit-tielet forma taċ-ċelebrazzjoni. L-ewwel raġuni li l-fedelta’ għar-rieda ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, imwassla lilna mit-tagħlim tal-Knisja, u l-obbedjenza għal-liġijiet tal-Knisja. F’waħda mill-Propositiones, is-Sinodu wettaq it-tagħlim qatt mibdul li l-Knisja ħadet minn tradizzjoni antika ħafna u l-liġijiet l bihom il-Knisja ikkodifikat din id-drawwa antika tal-penitenza: il-qrara sħiħa u ta’ kull dnub, minn kull midneb waħdu, bl-assoluzzjoni ta’ kull wieħed, hi s-sura ordinarja li biha n-nisrani, li jagħraf li hu midneb, jitħabbeb mill-ġdid ma’ Alla u mal-Knisja. Minn dan it-twettiq tat-tagħlim tal-Knisja jidher ċar li kull dnub mejjet dejjem għandna nistqarruh biċ-ċirkostanzi kollha li juru l-gravita’ tiegħu f’qrara għal rasna.

Raġuni oħra hija raġuni pastorali. Jekk hu minnu li, jekk ikun hemm iċ-ċirkostanzi mitlubin mid-dixxiplina kanonika tal-Knisja, tista’ tintuża t-tielet forma taċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-penitenza, wieħed ma għandux jinsa li din it-tielet forma ma tista’ qatt tkun il-forma ordinarja taċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament u lanqas qatt ma tista’ u ma għandha tintuża – u dan tennih is-Sinodu – jekk mhux ħlief f’okkażżjonijiet ta’ ħtieġa kbira: f’dan il-każ ukoll jibqa’ l-obbligu li wieħed iqerr id-dnubiet mejta wieħed wieħed, qabel ma jersaq għall-assoluzzjoni ġenerali oħra. Għalhekk l-isqof biss, fid-djoċesi tiegħu, jista’ jgħid hemmx tassew il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qrara u assoluzzjoni ġenerali, iffissati mil-liġi kanonika, u għandu jiddeċiedi dan, bir-responsabbilta’ kollha tal-kuxjenza tiegħu (graviter onerata conscientia), b’rispett sħiħ għal-liġi u għall-prattika tal-Knisja, waqt li jżomm quddiem għajnejh ukoll il-kriterji u d-direttivi miftehmin mal-isqfijiet l-oħra tal-Konferenza Episkopali, skont it-tagħrif dottrinali u pastorali li ġie mfisser aktar ‘il fuq. Trid tkun il-ħerqa pastorali wkoll li tgħid liema huma u tiggarantixxi l-kondizzjonijiet meħtieġa biex it-tielet forma taċ-ċelebrazzjoni tagħti dak il-frott spiritwali, li għalih ġiet istitwita. L-użu tat-tielet forma taċ-ċelebrazzjoni, f’każijiet eċċezzjonali, lanqas għandha twassal biex jitnaqqas is-siwi taż-żewġ forom l-oħra jew biex jitneħħew għal kollox, u lanqas hu permess li tintuża t-tielet forma flok waħda mit-tnejn l-oħra: mhux imħollija f’idejn ir-ragħajja tal-erwieħ u f’idejn il-fidili l-għażla bejn dawn it-tliet forom ta’ ċelebrazzjoni, skont ma jidhrilhom huma liema hi l-aktar f’waqtha. Ir-ragħajja tal-erwieħ huma fid-dmir li jagħmlu ħafif għall-insara l-qrar individwali, biex l-insara jkunu jistgħu jagħmlu qrara sħiħa, li għalihom m’hijiex biss dmir imma wkoll dritt, li wieħed ma jistax iwarrbu jew iċaħħad minnu, ħlief f’każ ta’ ħtieġa għar-ruħ. Għall-insara t-tielet forma taċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament tgħabbihom bid-dmir li jħarsu l-kondizzjonijiet kollha li jirregolawha, dik ukoll li ma jersqux darba oħra għall-assoluzzjoni ġenerali, qabel ma jkunu qerru d-dnubiet gravi kollha tagħhom wieħed wieħed, qrara li għandha ssir malli jista’ jkun, minnufih. Is-saċerdot, qabel jagħti l-assoluzzjoni ġenerali, għandu jwissi u jgħallem lill-insara dwar din ir-regola u dan l-obbligu.

B’din it-twissija dwar it-tagħlim u l-liġi tal-Knisja nixtieq inqanqal f’kulħadd sentiment ħaj ta’ x’inhuma d-dmirijiet propji tiegħu, sentiment li jrid imexxina meta għandna f’idejna xi ħaġa qaddisa bħalma huma l-kuxjenzi tal-insara li, bis-Sagramenti, mhumiex ħaġa tagħna u għalhekk ma għandniex inħalluhom f’qagħda li fiha wieħed ma jafx x’jaqbad jagħmel, f’qagħda mħawda. Il-ħwejjeġ qaddisa – nerġa’ ntenni – huma s-Sagramenti u l-kuxjenzi, li jitolbu minna li naqduhom fil-verita’. Hu għalhekk hemm il-liġi tal-Knisja.

Xi każi delikati

34. Jidhirli li hawn għandi nsemmi wkoll, għalkemm fil-qasir ħafna, xi każijiet pastorali li dwarhom tkellem is-Sinodu, sa fejn seta’, u qishom ukoll f’waħda mill-Propositiones. Qed nitkellem fuq il-kondizzjonijiet, il-lum mhux ftit, li fihom isibu ruħhom l-insara li jixtiequ jkomplu jgħixu ħajja sagramentali, iżda minħabba l-qagħda personali tagħhom, dan ma jistgħux jagħmluh, għaliex din il-qagħda tmur kontra d-dmirijiet li bihom minn rajhom intrabtu quddiem Alla u quddiem il-Knisja. Dawn huma kondizzjonijiet verament tqal u kważi ma tistax toħroġ minnhom.

Ma kinux ftit, waqt is-Sinodu, l-interventi li wrew x’kienet il-fehma ġenerali tal-isqfijiet tas-Sinodu: dawn insistew li hemm żewġ prinċipji, it-tnejn ta importanza kbira f’dawn il-każi, li jinsabu flimkien u qed jinfluwenzaw lil xulxin. L-ewwel prinċipju hu prinċipju tal-mogħdrija u tal-ħniena li jwassal il-Knisja, hija u tkompli l-missjoni ta’ Kristu, għax ma tridx il-mewt tal-midneb imma li jindem u jgħix[197], għax ma tridx tikser qasba mġelġla u lanqas titfi musbieħ inemnem[198], biex tħabrek, sa fejn jista’ jkun, ħa turi lil dawn l-insara t-triq li twassalhom lura lejn Alla u lejn ir-rikonċiljazzjoni miegħu. It-tieni prinċipju tal-verita’ u tal-konsistenza li twassal il-Knisja biex ma sejjaħx tajjeb li hu ħażin, u ħażin dak li hu tajjeb. Skont dawn iż-żewġ prinċipji, li jikkompletaw lil xulxin, il-Knisja ma tistax ma tħeġġiġc lil uliedha li jinsabu f’dawn il-qagħdiet ta’ biki, biex ifittxu triqat oħra li jwassluhom għall-ħniena ta’ Alla, flok it-triq tas-Sagramenti Mqaddsa, u speċjalment tas-Sagramenti tal-Penitenza u tal-Ewkaristija, sakemm ma jkollhomx id-dispżizzjonijiet meħtieġa.

Dwar din il-ħaġa, li tnikket lili wkoll fil-fond tal-qalb tiegħi ta’ Ragħaj tal-erwieħ, deherli li għandi nitkellem b’mod ċar ħafna fl-Eżortazzjoni Familiaris consortio dwar dawk li reġgħu żżewġu wara divorzju[199] u dwar dawk l-insara li b’xi mod qegħdin igħixu ħajja mhux skont il-liġi.

Fl-istess ħin inħoss li għandi nħeġġeġ, flimkien mal-istess Sinodu, lill-komunitajiet ekklesjali, u l-ewwelnett lill-isqfijiet, biex jagħmlu, kull ma jistgħu, ħa jgħinu dawk is-saċerdoti li tbiegħdu mid-dmirijiet għoljin li huma aċċettaw fl-ordinazzjoni tagħhom, u jinsabu f’qagħdiet mhux skont il-liġi. Ebda wieħed minn dawn ħutna ma għandu jħoss li l-Knisja abbandunatu.

It-tjieba ta’ omm li turi l-Knisja, l-għajnuna li jagħtu dawk id-devozzjonijiet li mhumiex Sagramenti, l-isforz sinċier li wieħed jagħmel biex iżomm ruħu f’kuntatt ma’ Alla, is-smigħ tal-Quddies, l-attijiet tal-fidi, tat-tama, tal-imħabba u tal-indiema magħmulin b’mod l-aktar perfett, jistgħu jhejju t-triq għal rikonċiljazzjoni sħiħa, li sseħħ fil-waqt ma jistgħux iħarsu l-kondizzjonijiet kollha u mhumiex f’qagħda li jistgħu jagħmlu dak li jitlob minnhom is-Sagrament tal-Penitenza.

XEWQAT TAL-AĦĦAR

35. Fi tmiem dan id-dokument inħoss fiha u nixtieq intenni lilkom ilkoll l-eżortazzjoni appostolika li l-ewwwel isqof ta’ Ruma, fi żminijiet tassew imwiegħra tal-bidu tal-Knisja, għamel lill-“magħżulin minn qabel skont il-ħsieb ta’ Alla… li jinsabu mxerrda bħala pellegrini”[200]: “kunu lkoll fehma waħda, ħossu għal xulxin, inħabbu bħal aħwa b’qalb ħanina u umli”. L-Appostli jwissihom biex ikunu lkoll “fehma waħda”, u minnufih isemmilhom dawk id-dnubiet kontra l-għaqda u s-sliem li għandhom jaħarbu: “la troddux deni b’deni jew tagħjir b’tagħjir: iżda għall-kuntrarju wieġbu bil-barka tagħkom, għax għal dan intom kontu msejħa biex tkunu werrieta tal-barka”. U temm kliemu bi kliem li jqawwi l-qalb: “Min jista’ jagħmlilkom il-ħsara jekk intom ħerqana għat-tajjeb?”[201]

Nixtieq għalhekk ngħaqqad kliem din l-eżortazzjoni, miktuba fi żminijiet mhux inqas imwiegħra, mal-kliem tal-eżortazzjoni tal-Prinċep tal-Appostli, li kien l-ewwel wieħed li qagħad fuq il-kattedra tal-Knisja ta’ Ruma, bħala xhud ta’ Kristu u ragħaj tal-Knisja, li “tippresiedi bl-imħabba” quddiem id-dinja kollha. Ħaġa waħda mal-isqfijiet, is-suċċessuri tal-Appostli, u mfarraġ mill-ħsieb ta’ ħafna minnho m, miġburin flimkien, fis-Sinodu biex jitkellmu dwar ir-rikonċiljazzjoni u l-problemi tagħha, nixtieq naqsam magħkom, dak li bl-istess spirtu s-sajjied tal-Galilija qal lil ħutna fil-fidi, hekk magħqudin magħna għalkemm fi żminijiet hekk imbegħda: “kunu lkoll fehma waħda… la troddux deni b’deni… kunu ħerqana għat-tajjeb”[202]. U żied igħid: “Aħjar tbati għax tkun għamilt it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin”[203].

Dan l-ordni hu kollu kemm hu mimli kliem li San Pietru kien sama’ mingħand Ġesu’ u ħsibijiet li jinsabu fil-“bxara t-tajba” tiegħu: dawn huma: il-kmandament ġdid tal-imħabba għal xulxin, ix-xewqa ħerqana u d-dmir li tinżamm il-għaqda, il-ħniena u s-sabar fil-persekuzzjoni minħabba l-ġustizzja, it-tpattija bil-ġid għad-deni li jsir, il-maħfra tal-ħtijiet, u l-imħabba tal-għedewwa. F’dan il-kliem u f’dawn il-ħsibijiet hemm miġbura l-prinċipji ewlenin u n-natura traxendentali tal-etika nisranija, jew aħjar id-duttrina spiritwali tal-Patt il-Ġdid fi Kristu Ġesu’.

Lill-Missier, għani bil-ħniena, lill-Iben li sar bniedem biex jifdina u iħabbibna mill-ġdid, u lill-Ispirtu s-Santu għajn ta’ għaqda u sliem, nafda din is-sejħa tiegħi, ta’ missier u ragħaj, għall-penitenza u r-rikonċiljazzjoni. Jalla t-Trinita’ qaddisa u miqjuma tagħmel li tinbet fil-Knisja u fid-dinja din iż-żerriegħa żgħira li f’dan il-waqt qiegħed niżra’ fl-art tajba ta’ tant qlub tal-bnedmin.

U, biex mhux wara ħafna żmien ikollna frott kotran, nitlobkom ilkoll biex flimkien miegħi tħarsu lejn il-Qalb ta’ Ġesu’ li hi sinjal ċar tal-ħniena ta’ Alla, għax hu “ħallas għal dnubietna” u huwa “s-sliem u l-paċi tagħna”[204], biex ikollna dik il-qawwa fir-ruħ ħa nobogħdu d-dnub u nduru lejn Alla fejn insibu dik it-tjieba li hi t-tweġiba kollha mħabba ta’ Alla għall-indiema tal-bniedem.

Nitlobkom ukoll biex, flimkien miegħi wkoll, tmorru bil-ħsieb lejn il-Qalb bla tebgħa ta’ Marija, Omm Ġesu’, li fiha “seħħet il-ħbiberija mill-ġdid ta’ Alla mal-familja kollha tal-bnedmin… intemmet il-ħidma tar-rikonċiljazzjoni għaliex lilha ngħatatilha l-milja tal-grazzja bis-saħħa tas-sagrifiċċju ta’ Kristu”[205]. Marija saret tassew sieħba ma’ Alla fl-opra tal-fidwa għaliex kienet Omm Alla[206].

F’idejn din l-Omm, li bil-“fiat” tagħha tat bidu għall-milja taż-żminijiet, li fihom seħħet ir-rikonċiljazzjoni tal-bnedmin ma’ Alla, permezz ta’ Kristu, lill-Qalb bla tebgħa tagħha – għat-tieni darba fdajna li din il-Qalb għażiża l-familja kollha tal-bnedmin, imġarrba mid-dnub u minn tant ġlied u nkwiet – nafdaw issa, b’mod speċjali, din il-fehma tagħna: li bit-talb tagħha l-bnedmin kollha jsibu t-triq tal-konverżjoni u jibdew mexjin fiha, għax din it-triq biss tista’ twassalhom għal rikonċiljazzjoni sħiħa.

U fl-aħħarnett lilkom ilkoll li fl-ispirtu tax-xirka tal-Knisja, b’obbedjenza u fedelta’[207] se tilqgħu t-twissijiet, il-pariri u d-direttivi li jinsabu f’dan id-dokument, u se tħabirku biex tagħmluhom b’ħidma pastorali ħajja, b’għajnuna għalikom, minn qalbi nagħtikom il-barka appostolika tiegħi.

Ruma, minn San Pietru, fit-2 ta’ Diċembru, l-ewwel Ħadd tal-Avvent, tas-sena 1984, fis-seba’ sena tal-pontifikat.

Joannes Paulus PP II

Test Malti meħud mill-Bullettin tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Nru 45. 1985

Ħajr lil Ms Shirley Pace tat-typing


[1] Mk 1,15.

[2] Ara d-diskors tal-Papa Ġwann Pawlu II fil-ftuħ tat-tielet konferenza ġenerali ta’ l-isqfijiet tal-Amerka Latina, III, 1-7; AAS 71 (1979) PP. 198-204.

[3] Kemm hu minnu li d-dinja hi “mfarrka” narawh mill-opri ta’ tant kittieba, insara u mhumiex, li huma x-xhieda tal-qagħda tal-biki ta’ żmienna.

[4] Ara l-Kost. Gaudium et  Spes tal-Konċ. Vat. II dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum, 43-44; id-digriet Presbyterorum Ordinas dwar il-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri, 12; l-enċiklika Ecclesiam suam tal-Papa Pawlu VI. AAS 56 (1964) PP. 609-659.

[5] Dwar firdiet fil-ġisem tal-Knisja kiteb, bi kliem jaħraq, fl-ewwel żminijiet tal-Knisja, l-Appostlu San Pawl fil-bidu tal-ewwel ittra lill-Korintin 10-16. Lill-insara ta’ Korintu wkoll, ftit snin wara, kiteb San Klement Papa biex iċanfarhom għall-firdiet li kien hemm fosthom; ara Epist. Ad Corinthios, III, VI, LVII Patres Apostolici, ediz. Funk, I, 103-109, 171-173. Mill-kitba ta’ Missirijiet il-Knisja nafu li l-libsa ta’ Kristu meħjuta biċċa waħda u mhux imqatta’ biċċiet mis-suldati saret xbieha ta’ l-għaqda tal-Knisja: ara S. Ċiprijan De Ecclesiae unitate, 7, CCL 3/1; S. Wistin, In Ioan. Evang. tract, 118, 34, CCL 36, 656s; S. Beda l-venerabbli, In Marci evang. exposito, IV, 15, CCL 120-630; In Lucae evang. expositio VI, 23, CCL 120, 4/3; In S. Ioan. evang. expositio, 19, PL 92, 911s.

[6] L-Enċiklika Pacem in terris li hi t-testment spiritwali tal-Papa Ġwanni XXIII (AAC 55 (1963), pp.257-304) spiss titqies bħala “dokument soċjali” u “messaġġ politiku”, u dan hu minnu jekk dawn iż-żewġ frażi neħduhom fis-sens wiesgħa tagħhom. Kif jidher ċar aktar minn għoxrin sena wara li ġiet pubblikata, l-enċiklika aktar minn pjan strateġiku biex il-bnedmin u n-nazzjonijiet jgħixu flimkien fis-sliem, hi twissija kollha ħeġġa biex tfakkar dawk il-valuri għoljin li mingħajrhom il-paċi fid-dinja hija biss ħolma fiergħa. Wieħed minn dawn il-valuri hu propju r-rikonċiljazzjoni bejn il-bnedmin, u l-Papa Ġwanni XXIII spiss tkellem fuqha. Dwar Pawlu VI biżżejjed infakkru li, meta stieden il-Knisja u d-dinja ħa jiċċelebraw il-Ġublew tas-sena 1975, xtaq li l-għan ewlieni ta’ din iċ-ċelebrazzjoni jkun “tiġdid u rikonċiljazzjoni”. Lanqas nistgħu ninsew il-katekeżi tiegħu dwar dan is-suġġett, katekeżi li hu ta wkoll biex ifisser sewwa x’ried li jkun il-Ġublew.

[7] “Barra dan irridu nifhmu sewwa li dan iż-żmien speċjali li fih l-insara kollha huma mistiedna biex igħixu aktar fil-fond is-sejħa tagħhom għall-ħbiberija mal-Missier fl-Iben, jilħaq il-milja tiegħu biss jekk iwassal lil kull wieħed u waħda minna ħalli mill-ġdid jingħata għat-tħabrik għar-rikonċiljazzjoni, mhux biss bejn dawk kollha li huma dixxipli tal-Mulej, imma wkoll bejn l-irġiel u n-nisa kollha tad-dinja”. Dan ktibt fl-ittra bis-siġill tiegħi li biha ħabbart Ġublew universali fiċ-ċentinarju tal-Fidwa tal-bniedem Litt. post. sub plumbo datae, Aperite portas Redemptori, 3, AAS 75 (1983) p. 93; Bulletin tal-Arċidjoċesi m. 36 (1983-84) p. 322.

[8] Is-suġġett tas-Sinodu kien eżattament  Ir-rikonċiljazzjoni u l-penitenza fil-missjoni tal-Knisja.

[9] Ara Mt 4, 17; Mk 1.15.

[10] Ara Lq 3.8.

[11] Ara Mt 16, 24-26; Mk 8, 34-36; Lq 9, 23-25.

[12] Ara Ef 4,23s.

[13] Ara I Kor 3, 1-20.

[14] Ara Kol 3,1s.

[15] “Nitlobkom f’isem Kristu: Agħmlu ħbieb ma’ Alla!” 2 Kor 5,20.

[16] “Niftaħru wkoll f’Alla b’Sidna Ġesu’ Kristu li permezz tiegħu ksibna din il-ħbiberija” Rum 5,11; ara Kol 1,20.

[17] Il-Konċilju Vatikan II innota dan: “Tabilħaqq il-ħafna nuqqas ta’ ekwilibrju li jinsab fid-dinja tal-lum huwa magħqud ma’ dak in-nuqqas ta’ ekwilibrju fondamentali li għandu egħruq fil-qalb tal-bniedem. Għaliex waqt li min-naħa waħda bħala maħluq iħoss li għandu ħafna limitazzjonijiet, min-naħa l-oħra li ma għandux limiti fix-xewqat tiegħu u li hu msejjaħ għal ħajja ogħla. Miġbud minn ħafna xewqat, huwa dejjem imġiegħel jagħżel xi waħda minnhom u jiċċaħħad  mill-oħrajn. Dak li hu agħar, għaliex dgħajjef u midneb, mhux rarament jagħmel dak li kieku ma jridx u jħalli dak li kieku jixtieq jagħmel (ara Rum 7, 14s). Għalhekk fih innifsu jħoss bħal xi ħaġa li tqassmu, li minnha jqum ukoll ħafna tilwimgravi fis-soċjeta’” (Kost. Apost. Gaudium et Spes dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum, 10).

[18] 18. Ara Kol 1, 19s..

[19] Ara l-enċiklika Dives in misericordia, 5-6, AAS 72 (1980) pp. 1193-1199.

[20] Ara Lq 15, 11-32.

[21] . Il-Ktieb ta’ Ġona b’mod tal-għaġeb minn qabel ħafna żmien jiddeskrivi din il-parti tal-parabbola. Id-dnub ta’ Ġona hu li “tnikket ħafna u nkorla, għaliex Alla wera ruħu bħala Alla ħanin u jagħder, tqil biex jinkorla, kollu tjieba u jisgħob bih għad-deni: ġietu ħasra mis-siġra tar-riġnu li f’lejl wieħed marret u ma setax jifhem kif Alla ħafer lil Ninwe.” Ara Ġona, 4.

[22] Rum 5, 10s;   ara Kol 1, 20-22.

[23] 2 Kor 5, 18.20.  

[24] Ġw. 11, 52.

[25]Ara Kol 1, 20.

[26] Ara Sir 44, 17.

[27] Ara Ef 2, 14.

[28] It-tielet Talba Ewkaristika.

[29] Ara Mt 5, 23s.

[30] Mt 27, 46;  Mk 15, 34;  Salm 22 (21),2.

[31] Ara Ef 2, 14-16.

[32] S. Ljun il-Kbir, Tractatus 63 (De Passione Domini 13), 6, CCL 138/A.

[33] 2 Kor 5,18s.

[34] Kost. Domm. Lumen gentium, 1.

[35] “Il-Knisja min-natura tagħha stess iġġib dejjem ir-rikonċiljazzjoni, għaliex tagħti lill-oħrajn id-don li hi stess irċeviet, jiġifieri d-don tal-maħfra u l-għaqda ħaġa waħda ma’ Alla”. Fid-diskors tal-Papa Ġwann Pawlu II f’Liverpool fl-20 ta’ Mejju 1982, 3:Insegnamenti V, 2 (1983), p. 1992.

[36] Ara Atti 15,2-33.

[37] Ara l-esortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi, 13, AAS 68 1976, p. 12s..

[38] Ara l-esortazzjoni appostolika tal-Papa Ġwann Pawlu II Catechesi tradendae,24. AAS 71 (1979), p. 1297.

[39] Ara l-enċiklika Ecclesiam suam tal-Papa Pawlu VI, AAS 56 (1964), pp. 609-659.

[40] 2 Kor 5,20.

[41] Ara I Ġw. 4,8.

[42] Ara Għerf 11, 23-26;  Ġen 1,27;  Salm 8,4-8.

[43] Ara Għerf 2,24.

[44] Ara Ġen 3,12s;  4,1-16.

[45] Ara Ef 2,4.

[46] Ara Ef 1,10.  

[47] Ġw. 13,34.  

[48] Ara Kost. Past. Gaudium et Spes dwar il-Knisja fid-dinja tal-lu, 38.  

[49] Ara Mk 1,15.

[50] Ara 2 Kor 5,20.  

[51] Ara Ef 2,14-16.

[52] Ara Santu Wistin, De civitate Dei, XXII, 17, CCL 48, 835S; San Tumas d’Aquino Summa Theologiae, III, q. 64, art. 2 ad 3 um.

[53] Ara d-diskors tal-Papa Pawlu VI f’għeluq it-tielet sessjoni tal-Konċilju Vatikan II, 21 ta’ Novembru 1964, AAS 56 (1964) pp.1015-1018.

[54] Kost. domm. Lumen gentium, 39.

[55] Id-digriet dwar l-ekumeniżmu Unitatis redintegratio, 4.

[56] I Ġw. 1,8-9.

[57] I Ġw. 3,20; ara r-riferenza li għamilt għal dan il-pass fid-diskors tiegħi waqt l-udjenza ġenerali tal-14 ta’ Marzu, 1984: Insegnamenti VII, 1 (1984), p.683.

[58] Ara 2 Sam 11-12.

[59] Ara Salm 50 (51), 3-4.

[60] Ara Lq 18,18 u 21.

[61] Lettere, Firenze 1970, I, p.3s; Il Dialogo della Divina Providenza Ruma 1980, passim.

[62] Ara Rum 3,23-26.

[63] Ara Ef 1,18.

[64] Ara Ġen 11,1-9.

[65] Ara Salm 127 (126),1.

[66] Ara 2 Tes 2,7.

[67] Ara Rum 7,7-25; Ef 2,2; 6,12.

[68] It-terminoloġija li nsibu fil-verżjoni Griega tas-LXX u fit-Testment il-Ġdid tfisser ħafna. Il-kelma l-aktar użata biex tfisser id-dnub hi hamartia flimkien mal-klieml-ieħor li joħroġ minnha. Il-kelma tfisser nuqqas ftit jew wisq gravi kontra xi norma jew xi liġi jew kontra xi persuna, u wkoll kontra xi alla. Id-dnub jissejjaħ ukoll adiki, hawn il-kelma tfisser li tagħmel dak li mhux ġust. Insibu wkoll il-kelma parabasis (ksur ta’ xi regola jew kmandament) u asebeia (nuqqas ta’ qima għal Alla), u fehmiet oħra bħal dawn li kollha flimkien juruna x’inhu d-dnub.

[69] Ġen 3,5: “…issiru bħal allat li jafu t-tajjeb u l-ħażin”; ara wkoll il-vers 22.

[70] Ara Ġen 3,12.

[71] Ara Ġen 4,2-16.

[72] Il-frażi hi mill-kitba bil-franċiż ta’ Elisabeth Leseur, Journal et pensees de chaque jour, Pariġi 1918, p.31.

[73] Ara Mt 22,39;  Mk 12,31;  Lq 10,27s.

[74] Ara l-istruzzjoni tal-Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi dwar xi aspetti tat-Teoloġija tal-Liberazzjoni Libertatis nuntius, 6 ta’ Awissu 1984, IV, 14-15, AAS 76 (1984), pp. 885s; Bulletin tal-Arċidjoċesi, n. 43 (1983-84) p. 789ss.

[75] Ara Num 15,30.

[76] Ara Lev. 18,26-30.

[77] Ara Lev. 19,4.

[78] Ara Lev. 20-1-7.

[79] Ara Es 21,17.

[80] Ara Lev. 4,2ss; 5,1ss; Num 15, 22-29.

[81] Ara Mt 5,28;  12,31s;  15,19;  Mk 3,28-30;  Rum 1,29-31;  Gak 4.

[82] Ara Mt 3,17;  15, 1-10;  Mk 10, 19;  Lq 18,20.

[83] Ara I Ġw. 5,16s.

[84] Ara Ġw. 17,3.

[85] Ara I Ġw. 2,22.

[86] Ara I Ġw. 5,21.

[87] Ara I Ġw. 5,16-21.

[88] Ara Mt 12,31s.

[89] San Tumas d’Aquino, Summa Theologiae, II-II, q.14,  aa 1-3.

[90] Ara I Ġw 3,20.

[91] San Tumas d’Aquino, Summa Theologiae, II-II, q.14,  a.3 ad 1 um.

[92] Ara Fil 2,12.

[93] Ara Santu Wistin, De spiritu et littera, XXVII, CSEL, 60, p. 202s; Enarr. Im ps. 39,22. CCL 38, p. 441; Enchiridion ad Laurentium de fide, spe et caritate, XIX, 71, CCL 46, p. 88; In Ioan. evang. tract. 12, 3, 14, CCL 26 p. 129.

[94] San Tumas d’Aquino, Summa Theologiae, II-II, q. 72, a.5.

[95] Ara Konċilju ta’ Trento, Sess. VI De iustificatione kap II u l-kan. 23, 25, 27: Conciliorum Oecumenicorum decreta, Bologna 1973, pp. 671. 680s. (DS 1573, 1575, 1577).

[96] Ara Konċ. ta’ Trento, Sess. VI De iustificatione kap XV: Conciliorum Oecumenicorum decreta, edit. Ċit. P. 677 (DS 1544).

[97] Mid-diskors waqt l-Angelus tal-Papa Ġwann Pawlu II nhar l-14 ta’ Marzu 1982: Insegnamenti V, 1 (1982), p. 860.

[98] Kost. past. Gaudium et Spes dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum, 16.

[99] Mid-diskors waqt l-Angelus tal-Papa Ġwann Pawlu II nhar l-14 ta’ Marzu 1982: Insegnamenti V, 1 (1982), p. 860.

[100] Mill-messaġġ bir-radju tal-Papa Piju XII lill-Kungress Kateketiku Nazzjonali tal-Istati Uniti, li sar f’Boston (26 ta’ Ottubru 1946): Discorsi e Radiomessaggi, VIII (1946), p. 288.

[101] Ara l-enċiklika Redemptor hominis tal-Papa Ġwann Pawlu II, 15: AAS 71 (1979), p. 286-289.

[102] Ara l-Kost, past. Gaudium et Spes dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum, 3; ara I Ġw. 3,9.

[103] Ara d-diskors tal-Papa Ġwanni Pawlu II lill-isqfijiet tal-lvant ta’ Franza nhar l-1 ta’ April 1982: Insegnamenti V. 1 (1982), p. 1081.

[104] 1 Tim3,15s.

[105] Il-pass joħloq ftit tad-diffikulta’ għal min jaqrah, għaliex il-pronom relativ li bih tibda s-silta msemmija ma jaqbilx grammatikalment mal-kelma mysterion fil-ġeneri. Xi manuskritti taż-żminijiet l-aktar qrib lejna għamlu korrezzjoni fit-test biex ikun eżatt grammatikalment iżda San Pawl kellu biss il-ħsieb iżid ma’ kliemu test meqjum li għalih kien ifisser ħafna.

[106] Il-komunita’ tal-ewwel insara tfisser il-fidi tagħha fi Kristu msallab u glorifikat, miqjum mill-anġli u l-Mulej. Iżda l-frażi li l-aktar tolqtok fis-silta hi: “deher fil-ġisem”: “il-misteru kbir” hu li “l-Iben ta’ Alla sar bniedem”.

[107] I Ġw. 5,18s.

[108] I Ġw. 3,9.

[109] I Tim 3,15.

[110] I Ġw. 1,8.

[111] I Ġw. 5,19.

[112] Ara Salm 51 (50), 5.

[113] Ara Ef 2,4.

[114] Ara l-enċiklika Dives in misericordia, 8, 15: AAS 72 (1980) p. 1203-1207, 1231.

[115] 2 Sam 12,13.

[116] Salm 51(50),3.

[117] Salm 51(50),7.

[118] 2 Sam 1.13.

[119] Ara 2 Kor 5,18.

[120] Ara 2 Kor 5,19.

[121] Kost. past. Gaudium et Spes dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum, 92.

[122] Digriet Christus Dominus dwar l-uffiċċju pastorali tal-isqfijiet fil-Knisja 13; dikjarazzjoni dwar l-edukazzjoni nisranija Gravissimum educationis, 8; digriet Ad Gentes dwar il-ħidma missjunarja tal-Knisja, 11-12.

[123] Ara l-enċiklika Eclesiam suam, tal-Papa Pawlu VI, 111: ASS 56 (1964) pp. 639-659.

[124] Ara Kost. domm. Lumen gentium 1, 9, 13.

[125] Ara l-esortazzjoni appostolika tal-Papa Pawlu VI Paterna cum benevolentia, AAS 67 (1975) pp. 5-23.

[126] Ara d-digriet Unitatis redintegration dwar l-ekumeniżmu, 7-8.

[127] ibid. 4.

[128] Santu Wistin, Psermo 96, 7: PL38, 598.

[129] Diskors tal-Papa Ġwann Pawlu II lill-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditat lis-S. Sede nhar il-15 ta’ Jannar 1983, 4, 6, 11; AAS 75 (1983), pp. 376, 378s, 381.

[130] Omelija tal-Papa Ġwann Pawlu II fil-Quddiesa għal Jum il-Paċi 1983: Insegnamenti, vi, 1 (1983) p. 7.

[131] Eżortazzjoni appostolika tal-Papa Pawlu VI Evangelii muntiandi 70 AAS 68 (1976), pp. 59s.

[132] 1 Tim 3, 25.

[133] Ara Mt 5, 23s.

[134] Ara Mt 5, 38-40.

[135] Ara Mt 6, 12.

[136] Ara Mt 5, 43s.

[137] Ara Mt 18, 21s.

[138] Ara Mk 1,4.14;  Mt 3,2;  4,17;  Lq 3,8.

[139] Ara Lq 15,17.

[140] Lq 17,3s.

[141] Ara Mt 3,2;  Mk 1,2-6;  Lq 3,1-6.

[142] Ara Kost. apost. Gaudium et Spes dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum 6, 16, 19, 26, 31, 48.

[143] Ara d-dikjarazzjoni Dignitatis humanae dwar il-liberta’ tal-bniedem, 2, 3, 4.

[144] Ara fost ħafna diskorsi, dak li sar fl-udjenza ġenerali tat-28 ta’ Marzu 1973: Insegnamenti XI (1973), p. 294s; dak tat-8 ta’ Awwissu 1973: Insegnamenti ibid p. 772s; dak tat-13 ta’ Marzu 1974: Insegnamenti XII (1974) p. 230s; dak tat-8 ta’ Mejju 1974; Insegnamenti ibid. p.402; dak tat-12 ta’ Frar 1975; Insegnamenti ibid. p. 290ss; dak tat-13 ta’ Lulju 1977: Insegnamenti XV (1977) p. 710ss.

[145] Ara d-diskors tal-Papa Ġwann Pawlu II waqt l-Angelus tas-17 ta’ Marzu 1982: Insegnamenti 1 (1982) p. 860s.

[146] Ara d-diskors tal-Papa Ġwann Pawlu II fl-udjenza ġenerali tas-7 ta’ Awwissu 1983, 1-3 Insegnamenti VI, 2 (1983) p. 256s.

[147] Lhud 4,15.

[148] Ara Mt 4,1-11;  Mk 1,12s;  Lq 4,1-13.

[149] Ara I Kor 10,13.

[150] Ara Mt 6,13;  Mk 11,4.

[151] I Piet. 3,21.

[152] Ara Rum. 3,21.

[153] Ara Mt 3,11;  Lq 3,16;  Ġw 1,33;  Atti 1,5; 11,16.

[154] Ara Mt 3,15.

[155] Santu Wistin In Ioan. Evang. tract. 26,13: CCL 36, 266.

[156] S. Kong. Tar-Riti, istruzzjoni dwar l-Ewkaristija Eucharisticum mysterium (25 ta’ Mejju, 1967), 35; AAS 69 (1967) p. 560s.

[157] Salm 78 (77), 38s.

[158] Ara Ġw. 1, 19;  Is 53, 7-12.

[159] Ara Ġw. 5, 27.

[160] Ara Mt 9,2-7;  Lq 5, 18-25; 7, 47-49; 2, 3-12.

[161] Ara Ġw. 3,17.

[162] Ġw. 20,22;  Mt 18,18;  ara wkoll San Pietru Mt 16,19. Il-Beatu Isakk tal-monasteru ta’ Stella, f’wieħed mid-siskorsi tiegħu jagħfas ħafna fuq fix-xirka li hemm bejn Kristu u l-Knisja tiegħu fil-maħfra tad-dnubiet. “Il-Knisja xejn ma tista’ taħfer mingħajr Kristu, u Kristu ma jrid jaħfer xejn mingħajr il-Knisja. Il-Knisja ma tistax taħfer xejn ħlief lil min hu niedem, ħlief jiġifieri ‘l dak li Kristu messu bil-grazzja tiegħu. Kristu ma jridx li tinħafer xi ħaġa lil min ikasbarb il-Knisja” Sermo II in dominica post Epiphaniam I: PL 194, 1729.

[163] Ara Mt 12,49s;  Mk 3,33s;  Lq 8,20s;  Rum 8,29: “l-kbir fost ħutu”.

[164] Ara Lh 2,17; 4,15.

[165] Ara Mt. 18,12s;  Lq 15,4-6.

[166] Ara Lq 5,31s.

[167] Ara Mt 22,16.

[168] Ara Atti 10,42.

[169] Ara Ġw. 8,16.

[170] Ara d-diskors lill-penitenzieri tal-bażiliki patrijarkali ta’ Ruma u lill-konfessuri f’għeluq il-Ġublew tal-Fidwa, fid-9 ta’ Lulju 1984: Oss. Romano, 9-10 Lulju 1984.

[171] Ara Ġw. 8,11.

[172] Ara Tit 3,4.

[173] Ara Konċ. ta’ Trento, sess. XIV De Sacramento Poenitentiae, kap 1, kan. 1: Conciliorum Oecumenicorum decreta, ed. cit. p. 103s. 711 (DS 1668-1670, 1701).

[174] Lumen Gentium, 11,

[175]  Ara Konċ. ta’ Trento, sess. XIV De Sacramento Poenitentiae, kap 1, kan. 1: Conciliorum Oecumenicorum decreta, ed. cit. p. 103s. 711 (DS 1668-1670, 1701).

[176] Ara kost. Sacrosanctum Concilium dwar il-Liturġija mqaddsa 72.

[177] Ara Rituale Romanum ex Decreto Sacrosanti Concilii Oecumenici Vatican II instauratum, auctoritate Pauli VI, promulgatum. Ordo Paenitentiae, Typis polyglottis Vaticanis, 1974.

[178] Il-Konċilju ta’ Trento juża’ frażi ftit imdgħajfa: “ad instar actus iudicialis” sess. XIV De Sacramento Paenitentiae, cap. VI: Conciliorum Oecumenicorum decreta, ed. Cit. p. 707; DS 1685), biex juri sewwa d-differenza li hemm bejn it-tribunal tal-qrar u l-qrati tal-bnedmin. Ir-rut il-ġdid tal-Penitenza jsemmi dan fin-nri. 6b u 10a.

[179] Ara Lq. 5,31s: “Mhux dawk li huma f’saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda” u jtemm kliemu billi jgħid: “Jien… ġejt insejjaħ… lill-midinbin għall-indiema”;  Lq 9,2: “Bagħathom ixandru s-Saltna ta’ Alla u jfejqu l-morda”. Id-dehra ta’ Kristu-tabib dawl ġdid li jolqtok jekk tqabbilha mal-figura tal-“Qaddej ta’ Jaħweh” li dwaru Isaija ħabbar li

                              refa’ fuqu l-mard tagħna

                              tgħabba bin-niket tagħna

u li “bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna” (Is 53,4s).

[180] Santu Wistin, Sermo 82,8; Pl 38, 511

[181]

[182] Ara Ordo Paenitentiae, 6c.

[183] Il-pagani, bħal Sofokle (Antigone, vv. 450-460), u Aristotele (Rethor, I, 15, 137a-b) kienu jammettu li hemm normi morali “ġejjin mill-allat” u li huma “minn dejjem” minquxin fil-fond tal-qalb tal-bniedem.

[184] Fuq din il-ħidma tal-kuxjenza, ara x’għidt fludjenza ġenerali tal-14 ta’ Marzu 1984: Insegnamenti VII, 1 (1984) p. 683.

[185] Ara Konċ. ta’ Trento, sess. XIV De Sacramento Paenitentiae, kap IV De contritione: Conciliorum Oecumenicorum decreta, ed. cit. p. 705 (DS 1676-1677). Kif hu magħruf minn kulħadd biex wieħed jersaq għas-Sagrament tal-Penitenza biżżejjed li jkollu l-attrizzjoni, jiġifieri indiema perfetta, ġejja aktar mill-biża’ milli mill-imħabba; imma fis-Sagrament, il-penitent, bil-ħidma tal-grazzja li jirċievi, “ex attrito fit contritus”, u għaliex il-Penitenza tassew taħdem biex twassal għall-konverżjoni fl-imħabba lil min jersaq għall-qrar did-dispozizzjonijiet meħtieġa. Ara Konċ. ta’ Trento, ibid, ed. cit p. 705 (DS 1678).

[186] Ordo Paenitentiae, 6a.

[187] Ara Salm 51 (50), 14.

[188] Dwar dawn l-aspetti kollha tal-Penitenza, kollha fondamentali, tkellimt fl-udjenza ġenerali tad-19 ta’ Mejju, 1982: Insegnamenti V, 2 (1982) p. 1758s; tat-28 ta’ Frar 1979: Insegnamenti II (1979) p. 475-478; tal-21 ta’ Marzu 1984: Insegnamenti VII, 1 (1984) pp. 720-722. Infakkar imbagħad fil-Kodiċi tal-Liġi kanonika dwar il-post fejn isir il-qrar u dwar il-konfessinarji (Kan. 964, 2-3).

[189] Tkellimt fil-qasir fuq dan fl-udjenza ġenerali tas-7 ta’ Marzu 1984: Insegnamenti VII, 1 (1984), pp. 631-633.

[190] Ara Ġen. 4,7.15.

[191] Ara 2 Sam 12.

[192] Ara Lq 15,17-21.

[193] Ara d-digriet Presbyterorum Ordinis dwar il-ministeru u l-ħajja saċerdotali, 18.

[194] Ordo Paenitentiae, 7b.

[195] Ara Ordo Paenitentiae, 17.

[196] Kan. 961-963.

[197] Ara Ez 18,23.

[198] Ara Is  42,3;  Mt 12,20.

[199] Ara l-eżortazzjoni appostolika Familiaris consortio, 84; AAS 74 (1982) pp. 184-186.

[200] Ara I Piet 1,1s;  3.8.

[201] I Piet 3,9.13.

[202] I Piet 3,8.9.13.

[203] I Piet 3,17.

[204] Litanija tal-Qalb ta’ Ġesu’; ara I Ġw. 2,2;  Ef 2,14  Rum 3,25;  5,11.

[205] Diskors tal-Papa Ġwann Pawlu II fl-udjenza ġenerali tas-7 ta’ Diċembru 1983, 2: Insegnamenti VI, 2 (1983), p. 1264.

[206] Diskors fl-udjenza ġenerali tal-4 ta’ Jannar 1984: Insegnamenti VII,1 pp. 16-18.

[207] Ara Rum 1,5;  16,26.

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.