Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej. Sena A

Minn D. Edward Vella

Fil-ħajja tagħna ikollna nagħmlu diversi għażliet: huwa interessanti ħafna li aktar ma xi ħaġa tkun importanti għalina aktar inkunu lesti li nagħmlu sagrifiċċji għaliha. Allura dak li nagħżlu u dak li nħallu barra jgħid xi ħaġa importanti dwarna; jgħid mhux biss x’inhu importanti għalina fil-ħajja iżda fuq kollox jgħid min aħna. Kemm hu għalhekk importanti li nieqfu u nirriflettu dwar l-għażliet tagħna. Il-profeta Iżaija fl-ewwel qari, għaliex aċċetta li jwassal il-Kelma ta’ Alla u kienet importanti ħafna għalih kien lest li jbati għaliha. Dan kien lest li jagħmlu għax għalih Alla kien jiġi l-ewwel u qabel kollox, u hu aċċetta l-missjoni li Alla afdalu f’idejh għad li ma kienetx waħda faċli. 

Il-Mulej għax ħabbna mhux biss kien lest li jagħmel xi sagrifiċċju għalina, mhux biss kien lest li jmut għalina iżda kien lest li jagħti ħajtu għalina fuq is-salib kif għadna kemm smajna. San Pawl fit-tieni qari tal-lum qalilna: ‘…xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir, sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.’ Kemm niżbaljaw aħna meta din il-ħaġa neħduha forgranted, kemm niżbaljaw meta naħsbu li dan huwa xi rigal li wieħed jista’ jew ma jaċċettahx jew forsi jekk jaċċettah ipoġġih fuq xi xkaffa jew f’xi rokna ta’ ħajtu biex forsi meta jkollu aptit imur iġibu! Kemm inkunu boloħ meta naħsbu li l-ħajja, il-mewt u l-qawmien tal-Mulej Ġesù huma xi kumdità li wieħed jista’ jgħaddi għaliha. Mingħajr il-ħajja, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù aħna ma nistgħux ħlief ngħixu ħajja bla sens, ħajja moħlija fil-ħafna affarijiet ta’ din id-dinja li jgħaddu u jtiru mar-riħ u aħna bħalhom.

Huwa Ġesù u Ġesù biss li setgħa jieħu fuqu id-dnub tagħna biex jeqred il-ħakma distruttiva tiegħu fuqna; huwa Ġesù u Ġesù biss li ried jieħu fuqu it-tbatija kollha tagħna biex minn kundanna ta’ velenu li jeqred jagħmel minnha mediċina li ssalva lilna u lil ħafna oħrajn permezz tagħna; huwa f’Ġesù u f’Ġesù biss li niskopru x’rigal sabiħ u imprezzabli hija l-ħajja rigal ta’ Alla, li permezz tiegħu aħna nsiru ħaġa waħda mal-istess ħajja tiegħu.

Jekk Alla jrid, ser nagħtu bidu għall-aktar ġimgħa importanti fis-sena liturġika u fil-ħajja tan-nisrani. Il-Ġimgħa Mqaddsa hija l-mument li fih ningħaqdu ma’ Kristu fit-twaqqif tal-Ewkaristija, fil-passjoni, mewt u l-qawmien tiegħu. Din hi l-Mogħdija tal-Mulej, li huwa jseħibna fiha permezz tal-Misteru tal-Għid u permezz tas-sagramenti. Għalhekk, bħala nsara, l-impenn tagħna li nieħdu sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet għandu jkun turija tal-Fidi tagħna f’Ġesù, u ta’ xhieda li f’ħajjitna l-ewwel post huwa tiegħU. Dan huwa mument speċjali ta’ grazzja, li Alla jrid jagħtihulna b’xejn, jekk aħna verament inkunu rridu u nkunu disposti li nilqgħuh. Wieħed mill-aqwa modi li bih aħna lil Alla nuruh ix-xewqa tagħna li jseħibna fil-misteru ta’ Kristu hija qrara ppreparata u sinċiera; nisrani li jieħu l-mixja tal-Fidi tiegħu bis-sinċerità, jiftaħ qalbu għall-grazzja tal-Maħfra permezz tas-sagrament tal-qrar.

Għalhekk nixtieq nagħmel sejħa mħeġġa biex nieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid, jiġifieri dik ta’ Ħamis ix-Xirka fejn infakkru l-aħħar ċena tal-Mulej li fiha hu jaħslilhom saqajhom u jwaqqaf l-Ewkaristija, il-Ġimgħa l-Kbira li fiha ningħaqdu mal-offerta ta’ Ġesù fuq is-salib, u fuq kollox il-Velja tal-Għid li fiha niċċelebraw flimkien bħala familja ta’ Fidi l-aktar mument importanti għalina, dan il-mument mhux biss huwa l-aktar importanti, iżda huwa dak li jagħti sens lil kull ċelebrazzjoni oħra. Nisrani li ma jagħmilx ħiltu kollha biex jieħu sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ma jistax isejjaħ lilu nnifsu nirani ta’ veru. Għalhekk ejjew bħala familja ta’ Fidi ningħaqdu lkoll flimkien bejnietna u mal-Mulej biex miegħu nagħmlu l-aktar vjaġġ importanti tal-ħajja tagħna jiġifieri il-Mogħdija tal-Mulej mit-tbatija u mewt għall-milja tal-ħajja.

Nitolbuk Mulej agħtina l-grazzja li quddiem is-salib tiegħek ma nieqfu qatt nistagħġbu  sa fejn kienet kapaċi tasal l-imħabba tal-Missier għalina wliedu, li biex jeħlisna mill-agħar skjavitù kien lest li joffri lil Ibnu l-għażiż. Għenna Mulej biex qatt ma nidraw din ix-xena hekk li ma tibqax importanti f’ħajjitna, iżda agħtina l-grazzja li qatt ma nieqfu nikkontemplawk fil-glorja tas-salib tiegħek u tagħna. Ammen.