Il-Papa f’Santa Marta: F’nofs storja ta’ mħabba

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 24 ta’ April 2013: Il-Knisja hija storja ta’ mħabba u aħna nagħmlu parti minnha. Imma proprju minħabba dan, meta tagħti wisq importanza lill-organizzazzjoni, meta uffiċċji u burokraziji jassumu dimensjoni preponderanti, il-Knisja titlef il-vera sustanza tagħha u tissogra li tinbidel f’sempliċi organizzazzjoni non-governattiva. L-istorja ta’ mħabba li għaliha l-Papa Franġisku rrefera waqt il-quddiesa ċċelebrata nhar l-Erbgħa filgħodu, 24 ta’ April 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, hija proprju dik tal-maternità tal-Knisja. Huwa qal li din hija maternità li tikber u tinfirex fiż-żmien u li għadha ma spiċċatx, imbuttata kif inhi mhux minn qawwiet umani, imma mill-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

Bħas-soltu l-Papa kkummenta l-qari tal-jum, meħudin mill-Atti tal-Appostli(12, 24-13, 5) u mill-Evanġelju ta’ Ġwanni (12, 44-50).  Huwa nnota li l-ewwel qari jibda b’dan il-kliem: ‘F’dawk il-jiem, il-Kelma ta’ Alla kienet tikber u tinfirex.’ Huwa proprju l-bidu tal-Knisja, meta tikber u tinfirex ma’ kullimkien fid-dinja kollha. Fatt li, spjega l-Papa, xi ħadd jista’ jasal jivvaluta f’termini kwantitattivi, waqt li jieħu gost għaliex b’dan il-mod isiru iktar ‘proseliti’ u jingħaqdu iktar ‘soċi’ għall-impriża. Anzi, naslu saħansitra biex nagħmlu pattijiet biex nikbru.

Għall-kuntrarju, kompla jgħid il-Papa, it-triq li Ġesù ried għall-Knisja tiegħu hija oħra: hija t-triq tad-diffikultà, it-triq tas-salib, it-triq tal-persekuzzjonijiet.  U wkoll dan iġegħilna naħsbu: Imma x’inhi din il-Knisja tagħna? Għaliex tidher li donnha mhix impriża umana, imma xi ħaġa oħra.  Il-Papa kompla li t-tweġiba għal din il-mistoqsija tinsab għal darb’oħra fl-Evanġelju li fih Ġesù jgħidilna: ‘Min jemmen fija, ma jemminx fija imma jemmen f’Dak li bagħatni.’ Il-Papa spjega li Kristu wkoll kien mibgħut, kien il-mibgħut ta’ xi ħadd ieħor! Mela, meta jindika l-programm ta’ ħajja – il-mod kif ngħixu – lit-tnax-il Appostlu, dan jagħmlu mhux minnu nnifsu imma minn Dak li bagħtu.

Huwa l-bidu tal-Knisja li, qal il-Papa, jibda hemm, fil-qalb tal-Missier, li kellu din l-idea. Huwa kompla li ma kienx jaf jekk kellux idea, iżda l-Missier kellu mħabba u beda din l-istorja ta’ mħabba, din l-istorja ta’ mħabba hekk twila fiż-żminijiet u li għadha ma ntemmitx. Aħna, nisa u rġiel tal-Knisja, ninsabu f’nofs storja ta’ mħabba, żied jgħid Franġisku. Kull wieħed minna huwa ħolqa f’din il-katina ta’ mħabba. U jekk dan ma nifhmuhx, ma nifhmu xejn dwar x’inhi l-Knisja. Hija storja ta’ mħabba.

Mill-bqija, fakkar il-Papa, dan jgħidu Ġesù stess: ‘L-ikbar kmandament huwa dan: l-imħabba.’ Fih jinsabu l-Knisja, il-Liġi, il-profeti. Imma l-Knisja ma tikbirx bil-qawwa umana. Anzi, uħud mill-Insara żbaljaw għal raġunijiet storiċi. Żbaljaw it-triq: bnew eżerċti; għamlu gwerer ta’ reliġjon. Imma dik hija storja oħra, li mhix din l-istorja ta’ mħabba. Ukoll aħna nitgħallmu bl-iżbalji tagħna kif tmur l-istorja ta’ mħabba. Imma allura, nistaqsu, kif tikber il-Knisja? Ġesù qal dan bl-iktar mod sempliċi: bħaż-żerriegħa tas-senapa, bħall-ħmira fid-dqiq, bla ħoss. Il-Knisja – biex ngħiduha – tikber minn taħt, bil-mod. U meta tiftaħar bil-kwantità tagħha, tal-organizzazzjoni u tal-uffiċċji u ssir ftit jew wisq burokratika, il-Knisja titlef is-sustanza ewlenija tagħha u tkun fil-periklu li tinbidel f’ong. U l-Knisja mhix ong. Hija storja ta’ mħabba.

Imbagħad, waqt li dar fuq dawk preżenti, il-Qdusija Tiegħu spjega li kollox huwa meħtieġ: l-uffiċċji huma meħtieġa, imma huma meħtieġa sa ċertu punt. Jiġifieri mhux ta’ għajnuna għal din l-istorja ta’ mħabba meta l-organizzazzjoni tieħu l-ewwel post, l-imħabba taqa’, u l-Knisja, miskina, issir ong. Din mhix it-triq.

Imma kif isir dan il-kobor tal-Knisja?,  reġa’ staqsa l-Qdusija Tiegħu. Mhux permezz tal-militari, bħal dak il-kap ta’ stat li staqsa kemm eżerċti għandu l-Papa.  Huwa rrepeta li l-Knisja ma tikbirx bl-eżerċtu tagħha.  Il-qawwa tagħha huwa l-Ispirtu s-Santu, l-imħabba. Proprju l-Missier jibgħat lill-Iben u l-Iben jagħtina l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex nikbru, biex inkomplu mexjin ’il quddiem.

Mela l-Knisja mhix organizzazzjoni, imma hija omm. U waqt li nnota l-preżenza ta’ tant ommijiet għall-quddiesa, hu stess antiċipa t-tweġiba tagħhom: ‘Le: jiena l-omm!’ U l-Knisja hija omm. U aħna, bil-qawwa tal-Ispirtu, ilkoll flimkien, aħna familja fil-Knisja li hija ommna. Hekk wieħed jista’ jasal li jispjega dan l-ewwel qari: ‘Il-Kelma ta’ Alla kienet tikber u tinfirex.’ Tikber hekk. Hekk tispjega dak li jgħid Ġesù: ‘Min jemmen fija, ma jemminx fija imma jemmen f’Dak li bagħatni’:  il-Missier li beda din l-istorja ta’ mħabba.

Il-Papa għalaq l-omelija tiegħu billi ħeġġeġ lil dawk preżenti jitolbu lill-Madonna, li hija omm, għall-grazzja tal-ferħ spiritwali li nimxu f’din l-istorja ta’ mħabba.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: