Il-Papa f’Santa Marta: Ġesù ma jeskludi lil ħadd

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 8 ta’ Mejju 2013: Ġesù ma jeskludi lil ħadd:  bena pontijiet mhux ħitan. Il-messaġġ tiegħu ta’ fidwa huwa għal kulħadd. Dalgħodu, l-Erbgħa 8 ta’ Mejju 2013, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, il-Papa Franġisku waqaf fuq l-atteġġjament tal-evanġelizzatur tajjeb: miftuħ għal kulħadd, lest jisma’ lil kulħadd, mingħajr esklużjoni.

Huwa nnota li, fortunatament, issa huwa żmien tajjeb fil-ħajja tal-Knisja: dawn l-aħħar ħamsin sena, sittin sena, huma żmien sabiħ. Dan għaliex, qal il-Papa, huwa jiftakar li meta kien tifel kien jisma’ fil-familji Kattoliċi, ukoll f’dik tiegħu: ‘Le, fid-dar tagħhom ma nistgħux immorru, għaliex għall-Knisja mhumiex miżżewġin.’ Kienet qisha esklużjoni. Le, ma stajtx tmur! Jew għax kienu soċjalisti, jew għax kienu atei, ma konniex nistgħu mmorru. Illum, għall-grazzja t’Alla, dan ma ngħiduhx.

L-eżempju propost mill-Papa kien dak tal-Appostlu Pawlu li fl-Atti tal-Appostli (17, 15-22 – 18, 1) iħabbar lil Ġesù Kristu fost l-adoraturi tal-idoli.  L-importanti hu, skont il-Papa, il-mod li bih dan jagħmlu.  Huwa ma jgħidx: ‘Idolatri, se tmorru l-infern,’ imma jfittex li jasal għal qalbhom. Mhux jikkundanna mill-bidu, imma jfittex id-djalogu.  Pawlu huwa papà, bennej ta’ pontijiet. Huwa ma riedx isir bennej ta’ ħitan. Trid tibni l-pontijiet biex tħabbar l-Evanġelju. Dan huwa l-atteġġjament ta’ Pawlu f’Ateni: li jistabbilixxi pont għal qalbhom, biex imbagħad jagħmel pass iktar u jħabbar lil Ġesù Kristu.

Pawlu huwa kuraġġuż u dan iġegħilna naħsbu dwar l-atteġġjament tan-Nisrani. Nisrani hemm bżonn li jħabbar lil Ġesù Kristu b’tali mod li Ġesù Kristu jiġi aċċettat, milqugħ, mhux rifjutat. Mill-bqija t-tħabbir tal-verità jiddependi mill-Ispirtu s-Santu. Ġesù jgħidilna fl-Evanġelju tallum (Ġwanni, 16, 12-15): ‘Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, jiggwidakom lejn il-verità kollha.’ Pawlu ma jgħidx lin-nies ta’ Ateni: ‘Din hija l-enċiklopedija tal-verità. Studjaw din u jkollkom il-verità!’

Il-verità, mela, ma tidħolx f’enċiklopedija; hija pjuttost il-laqgħa mas-somma verità: Ġesù, il-verità l-kbira. Il-Papa wissa li ħadd ma hu padrun tal-verità u l-verità ma tistax tamministraha skont kif tixtieq int. Ma tistax tistrumentalizzaha, lanqas biex tiddefendi lilek innifsek. U iktar.  L-Appostlu Pietru jgħidilna: ‘Intom tridu tagħtu kont tat-tama tagħkom.’ Iva, imma hija ħaġa tagħti kont tal-proprja tama u hija ħaġ’oħra li tgħid: ‘Aħna għandna l-verità: din hi! Jekk intom ma taċċettawhiex, dabbru raskom.’ Pawlu segwa l-atteġġjament ta’ Ġesù, li tkellem ma’ kulħadd: sema’ lis-samaritana, iddjaloga mas-samaritana; mar għall-pranzu mal-fariżej, mal-midinbin, mal-pubblikani, mad-dutturi tal-liġi. Ġesù sema’ lil kulħadd u meta lissen kelma ta’ kundanna, kien biss fl-aħhar, meta ma kienx hemm iktar x’seta’ jagħmel.

Imma Pawlu huwa wkoll konxju li kellu jevanġelizza, mhux jagħmel il-proseliti. Il-Knisja ma tikbirx bil-proselitiżmu – dan qalu Benedittu XVI – imma tikber bl-attrazzjoni, bix-xhieda, bil-predikazzjoni. Fl-aħħar nett, Pawlu jaġixxi hekk għaliex kien sikur, sikur minn Ġesù Kristu. Ma kienx jiddubita mill-Mulej tiegħu. L-Insara li jibżgħu jagħmlu l-pontijiet u li jippreferu jibnu l-ħitan, huma Nsara li mhumiex sikuri mill-fidi tagħhom, mhumiex sikuri dwar Ġesù Kristu, u jiddefendu lilhom infushom billi jibnu l-ħitan.

Pawlu jgħallem liema għandha tkun il-mixja tal-evanġelizzazzjoni li għandha tkun segwita b’kuraġġ. U meta l-Knisja titlef dan il-kuraġġ appostoliku, issir Knisja wieqfa. Ordnata, sabiħa, kollox sabiħ, imma bla fertilità, għaliex tilfet il-kuraġġ li tmur fil-periferiji, hawn fejn hawn tant persuni vittmi tal-idolatrija, tal-mondanità, tal-ħsieb dgħajjef.  U jekk dak li jwaqqaf huwa l-biża’ li niżbaljaw, hemm bżonn naħsbu li nistgħu nqumu u nkomplu navvanzaw. Dawk li ma jimxux sabiex ma jiżbaljawx, temm il-Papa Franġisku, jagħmlu żball ferm iktar gravi.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: