It-Tlieta, 7 ta’ Mejju 2013: Il-ferħ u l-qawwa tas-sabar nisrani jirrendu l-bniedem iktar żaġħżugħ u jgħinuh biex jaċċetta u jgħix bis-sabar it-tribulazzjonijiet u d-diffikultajiet tal-ħajja. Dan fakkru l-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa ċcelebrata dalgħodu, it-Tlieta 7 ta’ Mejju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, li għaliha, fost l-oħrajn, ħadu sehem grupp ta’ kollaboraturi tal-Fabbrika ta’ San Pietru u tal-Mużew tat-Teżor tal-Bażilika ta’ San Pietru.
Il-qari tal-jum, meħud mill-Atti tal-Appostli (16, 22-24) u mill-Evanġelju ta’ Ġwanni (16, 5-11), offra l-okkażjoni lill-Papa li jipproponi l-ispirtu ta’ sabar imwettaq mill-ewwel martri nsara. Dwar dan fakkar ix-xhieda ta’ Pawlu u Sila li, impriġjonati, baqgħu jitolbu u jkantaw innijiet lil Alla. Il-priġunieri l-oħra semgħuhom imgħaġġba. Imsawta u mimlijin ġrieħi, ikantaw, jitolbu…. Nies aktarx strambi! Imma huma, spjega l-Papa, kienu fis-sliem. Kienu wkoll ferħana għaliex batew xi ħaġa f’isem Ġesù. Kienu trankwilli. Kienu jkantaw, jitolbu u jbatu. Huma, f’dak il-waqt, kienu f’dak l-istat ta’ qalb tant nisrani: l-istat tas-sabar. Meta Ġesù jibda t-triq tal-Passjoni tiegħu, wara ċ-ċena, jidħol fis-sabar.
Tidħol fis-sabar: din hija t-triq li Ġesù jgħallem lilna l-Insara. Tidħol fis-sabar. Imma dan ma jfissirx li nkunu mdejqa. Le, le, hija xi ħaġa oħra! Dan ifisser tissaporti, iġġorr fuq spallejk il-piż tad-diffikultajiet, il-piż tal-kontradizzjonijiet, il-piż tat-tribulazzjonijiet. Il-Papa spjega li s-sabar nisrani mixhud minn Pawlu u Sila, huwa proċess ta’ maturità nisranija għal għonq it-triq tas-sabar li, sabiex jitwettaq, huwa meħtieġ iż-żmien. Li tistenna bis-sabar huwa bħal inbid tajjeb, tistenna l-waqt li fih ikun proprjament matur, spjega b’espressjoni effikaċi l-Papa Franġisku.
Imbagħad reġa’ ppropona l-eżempju tal-martri li kienu mimlija ferħ li jmorru jagħtu xhieda ta’ Ġesù. Bħala eżempju huwa semma l-martri tal-għolja ta’ Nagasaki li kienu jgħinu wieħed lill-ieħor, iqawwu lil xulxin, jitkellmu dwar Ġesù waqt li jistennew il-waqt tal-mewt, kif ukoll xi martri Rumani li jingħad li kienu jmorru għall-martirju bħal għal tieġ, bħal għal festa ta’ tieġ. Imma dan ma jfissirx, ippreċiża l-Papa, li tassumi atteġġjament mażokista; ifisser sempliċement li tinxteħet fit-triq ta’ Ġesù li kien l-ewwel wieħed li daħal fid-dimensjoni tas-sabar waqt li ġarrab il-Passjoni tiegħu.
U, quddiem it-tribulazzjonijiet, m’għandniex inċedu għat-tentazzjoni tat-tgergir, għaliex Nisrani li jgerger kontinwament jieqaf li jkun Nisrani tajjeb u jsir is-sinjur jew is-sinjura gergirhielu. In-Nisrani tajjeb jiskopri, għall-kuntrarju, is-silenzju fis-sabar, dak is-silenzju ta’ Ġesù li waqt il-Passjoni esprima biss żewġ jew tliet kelmiet meħtieġa. Madankollu dan ma kienx silenzju mdejjaq: ma kienx imdejjaq is-silenzju ta’ Ġesù li ssaporta s-Salib. Huwa doloruż, bosta drabi ħafna doloruż, imma mhux imdejjaq, għaliex il-qalb tinsab fis-sliem.
Mela, li ġgarrab bħal Ġesù, bil-qalb fil-paċi, jirrendina kuntenti. U l-Papa spjega x’inhija l-oriġini ta’ dan il-ferħ billi reġa’ ppropona l-ewwel talba tal-quddiesa tal-jum fejn il-Knisja tgħid: ‘Jifraħ il-poplu tiegħek, Mulej, għaż-żgħożija mġedda tal-Għid.’ Li mmorru fis-sabar iġedded iż-żgħożija tagħna u nsiru iktar żgħażagħ. Il-paċenzjuż huwa dak li, fit-tul, huwa iktar żagħżugħ! Naħsbu dwar dawk l-irġiel u nisa anzjani fid-dar tas-serħan, dawk li ġarrbu tant fil-ħajja, u nħarsu f’għajnejhom: għajnejn żagħżugħa, għandhom spirtu żagħżugħ u żgħożija mġedda. U għal dan jistedinna l-Mulej ukoll, sabiex nissaportu wieħed lill-ieħor b’karità u mħabba.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb