Il-Papa f’Santa Marta: Dak il-melħ li jagħti t-togħma

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 23 ta’ Mejju 2013: In-Nisrani, skont il-metafora evanġelika ta’ Mattew (5, 13-14), huwa msejjaħ biex ikun il-melħ tal-art. Imma jekk ma jittrasmettix it-togħma li l-Mulej irregalalu, isir melħ insipidu u jiżviluppa f’Nisrani tal-mużew. Dwar dan kellem il-Papa Franġisku lil dawk li ħadu sehem fil-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, il-Ħamis 23 ta’ Mejju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.

L-Evanġelju tal-jum (Mark 9, 41-50) nebbaħ riflessjoni lill-Qdusija Tiegħu dwar karatteristika li tikkaratterizza lill-Insara: dik, jiġifieri, li jkunu għad-dinja dak li huwa l-melħ għall-koka u għal kull min jiggosta l-ikel u japprezza t-togħma tal-affarijiet.

Il-Papa fetaħ id-diskors tiegħu billi stqarr li l-melħ huwa ħaġa tajba; ħaġa tajba li ħoloq il-Mulej. Imbagħad staqsa: Imma jekk il-melħ isir insipidu, biex se nagħtu t-togħma? Nitkellmu dwar il-melħ tal-fidi, tat-tama u tal-karità. Il-Mulej jagħtina dan il-melħ, ippreċiża l-Qdusija Tiegħu, li mbagħad espona l-problema ta’ kif se nagħmlu biex ma nħalluhx isir insipidu.  X’irridu nagħmlu sabiex il-melħ ma jitlifx il-qawwa tiegħu? Intant, it-togħma tal-melħ nisrani, spjega l-Qdusija Tiegħu, titwieled fiċ-ċertezza tal-fidi, tat-tama u tal-karità li toħroġ mill-għarfien li Ġesù qam mill-mewt għalina u li salvana. Imma din iċ-ċertezza ma ngħatatilniex sempliċement biex nikkonservawha. Li kieku kien hekk, kienet tispiċċa bħall-melħ ikkonservat ġo flixkun: ma jagħmel xejn, ma jiswa għal xejn. Għall-kuntrarju, il-melħ, spjega l-Papa, għandu sens meta jingħata biex jagħti t-togħma lill-affarijiet. Il-melħ ikkonservat fil-vażett, bl-umdità jitlef qawwietu u ma jkunx hemm bżonnu. Il-melħ li rċevejna aħna huwa biex nagħtuh.  Huwa biex nagħtu t-togħma, biex noffruh, inkella jsir insipidu u ma jkun jiswa għal xejn.

Imma l-melħ għandu wkoll partikolarità oħra: meta jintuża tajjeb, ippuntwalizza l-Papa Franġisku, wieħed ma jħossx il-gost tal-melħ. Hekk, it-togħma tal-melħ ma tibdilx it-togħma tal-affarijiet; anzi tħoss it-togħma ta’ kull ikla, li ssir iktar tajba u iktar b’togħma tajba. U din hija l-oriġinalità nisranija: meta aħna nħabbru l-fidi b’dan il-melħ, min jirċeviha, jirċeviha kull wieħed fil-karatteristika tagħha, bħall-ikliet li nieklu.

Madankollu, ippreċiża l-Isqof ta’ Ruma, l-oriġinalità nisranija mhix xi uniformità. Tieħu lil kull wieħed kif inhu, bil-personalità tiegħu, bil-karatteristiċi tiegħu, bil-kultura tiegħu, u tħallih hekk kif issibu, għaliex hija rikkezza; imma tagħtih xi ħaġa iktar, tagħtih it-togħma. Jekk għall-kuntrarju tfittex l-uniformità, allura dan ikun ifisser li lkoll kemm aħna nkunu mmellħin bl-istess mod. L-istess jiġri kemm-il darba nġibu ruħna bħal meta l-mara titfa’ wisq melħ: inħossu biss il-gost tal-melħ u mhux il-gost ta’ dak l-ikel bil-melħ.

L-oriġinalità nisranija tikkonsisti proprju f’dan: kull wieħed minna jibqa’ dak li jkun, bid-doni li l-Mulej ikun tah. Kull wieħed huwa differenti mill-ieħor; mela l-melħ nisrani huwa dak li juri proprju l-kwalità ta’ kull wieħed u waħda minna. Dan huwa l-melħ li aħna rridu nagħtu u mhux nikkonservaw. Jew tal-inqas mhux li nikkonservawh sakemm jirrovina ruħu.

U sabiex il-melħ ma jirrovinax ruħu, hemm żewġ metodi li jeħtieġ li nsegwu, li jridu jmorru flimkien.

Il-Papa spjega dawn iż-żewġ metodi b’dan il-mod. L-ewwel nett nagħtuh għas-servizz tal-ikliet, għas-servizz tal-oħrajn, għas-servizz tal-persuni. Dan jgħodd għall-melħ tal-fidi, tat-tama u tal-karità: ‘Tuh, tuh, tuh!’ ħeġġeġ il-Papa. Il-metodu l-ieħor jimplika t-traxxendenza, jiġifieri t-tensjoni lejn l-awtur tal-melħ, il-ħallieq, dak li għamel il-melħ. Il-melħ ma jikkonservax ruħu biss billi ntuh fil-predikazzjoni. Jinħtieġ it-traxxendenza l-oħra wkoll, tat-talb, tal-adorazzjoni. U hekk il-melħ jikkonserva ruħu, ma jitlifx it-togħma tiegħu. Bl-adorazzjoni lill-Mulej, jien nittraxxendi minni nnifsi lejn il-Mulej; u bit-tħabbir evanġeliku jien noħroġ minni nnifsi biex nagħti l-messaġġ.

Jekk ma nsegwux din it-triq biex nagħtu l-melħ, ikkonkluda l-Papa, dan jibqa’ fil-vażett, u aħna nsiru Nsara tajbin biss għal ġo mużew fejn jistgħu biss juru l-melħ. Imma dan ikun biss melħ bla togħma, melħ li ma jagħmel xejn.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: