Il-Papa f’Santa Marta: Ħadd m’għandu joqtol f’isem Alla

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 22 ta’ Mejju 2013: Ħadd m’għandu joqtol f’isem Alla. U anke li biss dan tgħidu huwa dagħwa. Għall-kuntrarju kull bniedem mhux biss jista’, imma għandu jagħmel il-ġid, jipprofessa liema reliġjon jipprofessa, għaliex għandu fih il-kmandament li jagħmel il-ġid ġaladarba maħluq skont ix-xbiha ta’ Alla. Fil-qosor din hija r-riflessjoni proposta dalgħodu, l-Erbgħa 22 ta’ Mejju 2013, mill-Papa Franġisku lil dawk li ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjoni matutina fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.

Is-silta tal-Evanġelju ta’ San Mark (9, 38-40) moqrija waqt il-quddiesa tirreferi għat-tgergir tad-dixxipli għal persuna li kienet qed tagħmel xi ġid imma li ma kinitx parti mill-grupp tagħhom.  Bla ma ħasbu d-dixxipli riedu jingħalqu madwar idea: aħna biss nistgħu nagħmlu l-ġid, għax aħna għandna l-verità. U dawk kollha li m’għandhomx il-verità ma jistgħux jagħmlu l-ġid, ippuntwalizza l-Papa.  Iżda dan kien atteġġjament żbaljat. U Ġesù kkoreġihom. Hawn huwa leċitu li aħna nistaqsu: min jista’ jagħmel il-ġid u għaliex? X’ifisser dan il-‘la żżommuhx’ ta’ Ġesù? X’hemm warajh? F’dan il-każ id-dixxipli kienu ftit jew wisq intolleranti, imma Ġesù jkabbar l-orizzont u aħna nistgħu naħsbu li jgħid: ‘Jekk dan jista’ jagħmel il-ġid, ilkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu l-ġid. Anke dawk li mhumiex magħna.’

Imma liema huwa l-għerq ta’ din il-possibiltà li tappartjeni lill-bnedmin kollha? Il-Papa wieġeb li hu jaħseb li tinsab proprju fil-ħolqien.  Il-Mulej ħalaqna xbiha tiegħu, u jekk hu jagħmel il-ġid, ilkoll kemm aħna għandna dan il-kmandament f’qalbna: ‘Agħmel il-ġid u tagħmilx id-deni.’ Ilkoll. U quddiem min jgħid: ‘Imma missier dan mhux Kattoliku, ma jistax jagħmel il-ġid,’ inwieġbu li iva jista’, hemm bżonn li jagħmlu.  Mhux jista’, imma hemm bżonn, għax ġo fih għandu dan il-kmandament f’qalbu.

Li taħseb li mhux ilkoll nistgħu nagħmlu l-ġid huwa għeluq; huwa ħajt, saħaq il-Qdusija Tiegħu, li jwassalna għall-gwerra u għal dak li xi wħud ħasbu tul l-istorja: qtil f’isem Alla. Ma nistgħux noqtlu f’isem Alla. Fil-fatt, li tgħid li tista’ toqtol f’isem Alla huwa dagħwa. Il-Mulej fdiena lkoll kemm aħna bid-demm ta’ Kristu.  Ilkoll, mhux biss il-Kattoliċi. Ilkoll, fakkar l-isqof ta’ Ruma. U dawk atei? Anke lil dawk, ilkoll. U dan id-demm jagħmilna wlied Alla.  Hekk hu, għaliex ilkoll kemm aħna għandna d-dmir li nagħmlu l-ġid.

Din hija wkoll triq sabiħa lejn il-paċi. Fil-fatt, jekk kulħadd jagħmel il-parti tiegħu sewwa, u jagħmilha versu l-oħrajn, niltaqgħu nagħmlu l-ġid. U hekk nibnu l-kultura tal-laqgħa: għandna bżonnha tassew.  Mela ebda preklużjoni fil-konfront tal-atei u ta’ dawk li jaħsbuha differenti minna. Agħmlu l-ġid, niltaqgħu hemm.  Għaliex fuq din it-triq tal-ħajja l-Mulej se jkellem lil kull wieħed u waħda minna fi qlubna. Li tagħmel il-ġid huwa dmir, huwa karta ta’ identità li Missierna ta lil kollha kemm aħna, għaliex għamilna xbiha u xebh tiegħu. U hu dejjem jagħmel il-ġid, qal il-Papa.

Fl-aħħar nett, il-Qdusija Tiegħu kkonkluda billi qal li llum ried jitlob lill-Mulej il-grazzja għal kulħadd li niskopru l-kmandament li kull wieħed u waħda minna għandna, jiġifieri li nagħmlu l-ġid, ma nagħmlux id-deni, u naħdmu fuq din il-laqgħa billi nagħmlu l-ġid. Din triq li jista’ jimxi fiha kulħadd, tenna l-Papa Franġisku, waqt li fakkar li llum hija Santa Rita, patruna tal-kawżi impossibbli, u allura, jekk dan jidher impossibbli, nitolbuha lilha din il-grazzja li nagħmlu l-ġid lil kulħadd bħallikieku lkoll konna familja waħda. Dan il-Papa  ddefinieh bħala ‘xogħol tal-ħolqien’, opra li tressaqna lejn il-ħolqien tal-Missier.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading