Il-Papa f’Santa Marta: L-għaqal tal-Insara

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 24 ta’ Mejju 2013: Fit-talba li hemm fil-missal Latin għall-quddiesa ta’ dalgħodu ddedikata lill-Madonna Awżiljatriċi, qal il-Papa Franġisku fl-omelija tallum 24 ta’ Mejju 2013, waqt iċ-celebrazzjoni fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, nitolbu żewġ grazzji: li nissaportu bis-sabar u li nirbħu bl-imħabba l-oppressjonijiet esterni u interni. Huma grazzji proprju tan-Nisrani.  Imma li tissaporti bis-sabar mhux ħaġa faċli, għaraf il-Papa. Fil-fatt, meta jolqtuna diffikultajiet minn barra jew meta jinbtu problemi fil-qalb, fir-ruħ, problemi interni, mhux faċli li tissaportihom bis-sabar. Huwa ferm iktar faċli li titlef is-sabar.

Xi jfisser mela li tissaporti? Tissaporti jiġifieri li ġġorr id-diffikultà. Imma huwa li ġġorr fuqek id-diffikultà? Le. Tissaporti, spjega l-Qdusija Tiegħu, ifisser li taqbad id-diffikultà u ġġorrha fuqek b’qawwa, sabiex id-diffikultà ma tbaxxiniex. Din hija virtù nisranija. San Pawl jitkellem dwarha diversi drabi. Tissaporti mela jfisser li ma nħallux lilna nfusna nintrebħu mid-diffikultà. In-Nisrani għandu l-qawwa li ma jbaxxix dirgħajh, imma li jgħollihom, li jissaporti.  Biċċa xogħol xejn faċli, għaliex ninħakmu mill-qtigħ il-qalb u tiġina x-xewqa li nbaxxu dirgħajna u ngħidu: ‘Immorru nagħmlu dak li nistgħu u xejn iktar!’ Li tissaporti huwa grazzja u hemm bżonn li nitolbuha fid-diffikultajiet.

Il-grazzja l-oħra li dwarha tkellem il-Papa hija dik li nirbħu bl-imħabba. Huwa ppreċiża li wieħed jista’ jirbaħ b’bosta modi, imma l-grazzja li aħna nitolbu llum hija l-grazzja tar-rebħa bl-imħabba. Xejn m’hi faċli. L-imħabba tikkonsisti f’dik il-manswetudni li għallimna Ġesù. Dik hija r-rebħa. L-appostlu Ġwanni, qal dwar dan il-Papa, jgħidilna fl-ewwel ittra tiegħu: ‘din hija r-rebħa tagħna, il-fidi tagħna.’ Il-fidi tagħna hija proprju dan: li temmen f’Ġesù li għallimna l-imħabba u li għallimna biex inħobbu lil kulħadd. U l-prova li ninsabu fl-imħabba hija meta nitolbu għall-għedewwa tagħna.

Il-Qdusija Tiegħu ġab bħala eżempju l-għerf tal-anzjani. Kemm persuni anzjani għaddew minn din it-triq. Tassew sabiħ tarahom, b’dik il-ħarsa sabiħa, dik il-kuntentizza serena. Ma tantx jitkellmu imma għandhom qalb paċenzjuża u mimlija mħabba. Jafu x’inhi l-maħfra tal-għedewwa, jafu x’jiġifieri titlob għall-għedewwa. Tant Insara huma hekk.  Imbagħad kompla li jekk, mill-banda l-oħra, naqbdu t-triq l-oħra, dik li ma naħfrux, tal-imħabba miċħuda, allura nkunu bla sabar u negħjew. Ir-rebħa, ikkonkluda l-Papa, hija l-fidi f’Ġesù li għallimna t-triq tal-imħabba, u t-telfa hija li tgħaddi mit-triq l-oħra. Kemm insibu Nsara mdejqin, bla kuraġġ, għaliex ma kellhomx din il-grazzja li jissaportu bis-sabar u jirbħu bl-imħabba.

Waqt li kien qed jitkellem dwar l-anniversarju liturġiku fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni, il-Papa Franġisku fakkar il-festa ta’ Marija Awżiljatriċi u qal li llum il-Knisja kollha kienet qiegħda titlob għaċ-Ċina, għall-Insara Ċiniżi. Għalhekk talab lil dawk preżenti joffru l-quddiesa għal dan il-poplu Ċiniż, nobbli u kbir, għall-Insara Ċiniżi, biex il-Madonna tgħinhom u tindukrahom.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: