Il-Papa f’Santa Marta: Taħt il-wiċċ tal-eżistenza

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 5 ta’ Ġunju 2013: Dalgħodu, l-Erbgħa 5 ta’ Ġunju 2013, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, il-Papa Franġisku talab għall-persuni li jgħixu taħt il-wiċċ tal-eżistenza, f’kundizzjonijiet fil-limiti, u li tilfu t-tama. Fost l-oħrajn, ikkonċelebraw mal-Papa l-Kardinal Antonio Cañizares Llovera, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti, u Patri Anthony Ward, sotto-segretarju, li kienu qegħdin jakkumpanjaw uffiċjali u dipendenti tad-dikasteru. Fost il-preżenti kien hemm ukoll grupp mill-Bibljoteka Apostolika Vatikana flimkien mal-Prefett, il-Monsinjur Cesare Pasini.

L-istedina biex indawru ħsiebna lejn tant li jesperimentaw sitwazzjonijiet ta’ abbandun u ta’ tbatija eżistenzjali kienet issuġgerita mill-qari liturġiku. Fl-ewwel qari, meħud mill-ktieb ta’ Tobija (3, 1-11, 16-17), il-Papa għaraf fl-esperjenzi ta’ Tobija u Sara l-istejjer ta’ żewġ persuni sofferenti, fil-limitu tad-disperazzjoni, jilagħbuha bejn mewt u ħajja. It-tnejn jinsabu jfittxu mod ta’ ħelsien, li jsibu fost it-tgergir. Huma ma jidgħux, imma jgergru, saħaq il-Qdusija Tiegħu.

Li tgerger quddiem Alla mhuwiex dnub, sostna l-Papa. U minnufih wara rrakkonta li saċerdot, li kien jafu hu, darba qal lil waħda mara li kienet tgerger quddiem Alla minħabba d-diżastri tagħha: ‘Imma sinjura, dik hija forma ta’ talb.  Kompli, il-Mulej jisma’ t-tgergir tagħna.’ Il-Papa mbagħad fakkar l-eżempju ta’ Ġobb u ta’ Ġeremija li, huwa nnota, jaslu li jgergru anke b’saħta: mhux tal-Mulej, imma għal dik is-sitwazzjoni. Mill-bqija, żied jgħid Franġisku, it-tgergir huwa ħaġa umana, anke għaliex huma tant il-persuni li jinsabu f’dan l-istat ta’ tbatija eżistenzjali. U filwaqt li rrefera għar-ritratt tat-tfajjel mhux mitmugħ ippubblikat il-ġurnata ta’ qabel filgħaxija fuq il-paġna ta’ quddiem tal-Osservatore Romano, huwa staqsa: ‘Kemm hawn minnhom? Naħsbu fis-Sirja, fir-refuġjati, dwar dawn kollha. U naħsbu dwar l-isptarijiet: kemm hemm morda jsofru b’mard terminali?’

It-tweġiba kienet offruta mill-Papa Franġisku nnifsu meta rrefera għat-tielet personaġġ propost fil-liturġija tallum: il-mara deskritta fis-silta evanġelika  (Mk. 12, 18-27). Il-Papa saħaq li, waqt li daru fuq Ġesù, is-saduċej ippreżentawha bħala każ ta’ morali, bħallikieku f’laboratorju mhux mimsus. Għall-kuntrarju, meta aħna nitkellmu dwar dawn il-persuni li jinsabu f’sitwazzjonijiet fix-xifer, hemm bżonn li nagħmluh bil-qalb, qrib tagħhom; hemm bżonn li naħsbu dwar dawn in-nies, li tant ibatu, b’qalbna, b’laħamna.  Huwa qal biex ma napprezzawx meta nitkellmu dwar dawn is-sitwazzjonijiet b’mod akkademiku u xejn uman, waqt li nirreferu biss għal statistiċi. Fil-Knisja hemm tant nies f’din is-sitwazzjoni u għal min jistaqsi x’jista’ jsir, it-tweġiba tal-Papa kienet li għandna nagħmlu dak li jgħid Ġesù, nitolbu għalihom.  Huwa spjega li l-persuni li jbatu hemm bżonn li jidħlu f’qalbna, hemm bżonn li jkunu inkwiet għalina. Ħija qed ibati, oħti qiegħda tbati; hawn hu l-misteru tax-xirka tal-qaddisin. Titlob: ‘Mulej, ara dak jibki, ibati.’ Titlob, ippermettuli ngħidha, bil-laħam.  Nitolbu b’laħamna, mela, mhux bl-ideat.  Nitolbu bil-qalb, tenna l-Qdusija Tiegħu.

Fl-aħħar il-Papa wera biċ-ċar kif fl-ewwel qari hemm daqsxejn ta’ kelma li tiftaħ il-bieb tat-tama u li tista’ tgħin fit-talb. Din hija l-espressjoni  ‘fl-istess waqt’.  Meta Tobija kien jitlob, ‘fl-istess waqt’ Sara kienet titlob; u ‘fl-istess waqt’ it-talba tat-tnejn intlaqgħet quddiem il-glorja tal-Mulej.  It-talb, qal il-Papa, dejjem jasal fil-glorja ta’ Alla. Dejjem, meta hu talb tal-qalb. Mill-banda l-oħra, meta nħarsu biss lejn sitwazzjoni ta’ tbatija bħala każ morali, dan ma jasal qatt, għaliex ma joħroġ xejn minna, ma jinteressaniex, huwa logħba intellettwali.

Minn hawn l-istedina biex naħsbu dwar il-batuti. Din hija kundizzjoni li Ġesù jaf sewwa, saħansitra sal-limitu estrem tal-abbandun fuq is-salib. Għalhekk, temm jgħid il-Papa Franġisku, waqt il-quddiesa kulħadd kellu jitkellem ma’ Ġesù dwar dawn l-aħwa li tant qed ibatu jew li jinsabu f’din is-sitwazzjoni, sabiex talbhom jasal u jkun hemm ftit tat-tama għalihom ukoll.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: