It-Tlieta, 4 ta’ Ġunju 2013: Il-Papa Franġisku reġa’ tkellem dwar il-korruzzjoni. Dalgħodu, it-Tlieta 4 ta’ Ġunju 2013, huwa ppropona riflessjoni dwar il-lingwaġġ li s-soltu jużaw il-korrotti, jiġifieri dak tal-ipokresija: l-istess wieħed, qal il-Papa, użat minn Satana fid-deżert meta ttanta lil Ġesù. Huwa qal dan waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, ikkonċelebrata, fost l-oħrajn, mill-Beatitudni Tiegħu Nerses Bedros XIX Tarmouni, Patrijarka ta’ Ċiliċja tal-Armeni, u l-Arċisqof Jean-Louis Bruguès, arkivista u bibljotekarju tal-Imqaddsa Knisja Rumana, li kien qed jakkumpanja grupp ta’ dipendenti tal-Bibljoteka Apostolika Vatikana.
Waqt l-omelija l-Papa ttratta spunt mill-paġna tal-Evanġelju ta’ San Mark (12, 13-17) li fiha l-evanġelista jirrakkonta t-tentattiv biex Ġesù jitwaqqa’ f’nassa li ntasbet minn diversi fariżej u diversi erodjani: diversi biss għaliex, saħaq il-Papa, mhux ilkoll kienu kattivi. Huma marru għand Ġesù biex jaqbduh fl-iżball. Għamlu tabirruħhom li jafu l-verità, imma l-intenzjoni kienet oħra: li jdaħħluh f’nassa. Marru u qalulu: ‘Mgħallem, aħna nafu li int tgħid is-sewwa u m’għandek suġġizzjoni minn ħadd għaliex int ma tħares lejn wiċċ ħadd, għax tgħallem il-verità ta’ Alla skont il-verità.’ Huma, iżda, ma kinux jemmnu f’dak li kienu jgħidu. Kienet daħka fil-wiċċ. Dan huwa proprju l-kliem tal-adolatur, li jmur bi kliem artab, bi kliem sabiħ, bi kliem ħelu żżejjed.
Il-Qdusija Tiegħu fakkar li l-ġurnata ta’ qabel kien tkellem dwar il-korrotti. Il-Papa qal li llum għandna l-lingwaġġ tal-korrotti. X’inhi l-lingwa tagħhom? Il-lingwa tagħhom hija l-ipokresija. Huwa sostna li dan ma jgħidux hu, imma Ġesù, li kien jaf sewwa l-ipokresija tagħhom. L-ipokresija, saħaq Franġisku, hija l-lingwa tal-korrotti. Dawn ma jħobbux il-verità. Iħobbu biss lilhom infushom u hekk jippruvaw jingannaw, idaħħlu lil dak li jkun fil-qerq, fil-gideb tagħhom. Għandhom il-qalb giddieba; ma jistgħux jgħidu l-verità. L-istess lingwaġġ li uża Satana wara s-sawma fid-deżert: ‘Għandek il-ġuħ: din il-ġebla tista’ tibdilha f’ħobż.’ U mbagħad: ‘Għaliex dan ix-xogħol kollu? Inxteħet minn fuq it-tempju għal isfel.’ Dan il-lingwaġġ, li jidher persważiv, iwassal għall-iżball, għall-gidba.
Hekk, kompla l-Papa waqt li reġa’ dar fuq ir-rakkont evanġeliku, dawk il-fariżej li huma hekk fabbli fil-lingwaġġ, huma l-istess li jmorru biex jaħtfuh fil-ġnien taż-żebbuġ il-Ħamis filgħaxija u li jġorruh quddiem Pilatu l-Ġimgħa. U ma’ Pilatu jużaw l-istess idjoma: ‘Aħna għandna biss re wieħed, li huwa Ċesri.’ Dan il-lingwaġġ huwa tentattiv ta’ ‘persważjoni dijabolika’. Fil-fatt, dawk li f’dak il-waqt faħħru lil Kristu, jispiċċaw biex jittraduh u jibagħtuh għas-salib. Ġesù jħarsilhom dirett f’wiċchom, jgħidilhom ‘ipokriti’.
L-ipokresija, mela, hija l-lingwaġġ tal-korruzzjoni, u żgur mhux il-lingwaġġ tal-verità. Għaliex il-verità – ippreċiża l-Isqof ta’ Ruma – qatt ma tmur waħedha: tmur dejjem mal-imħabba. M’hemmx verità mingħajr imħabba. L-imħabba hija l-ewwel verità. U jekk m’hemmx imħabba, m’hemmx verità. L-ipokriti, għall-kuntrarju, iridu verità lsira tal-interessi proprji. Anke f’dawn hemm forma ta’ mħabba: imma hija mħabba għalihom infushom, speċi ta’ idolatrija narċiżista li twassalhom biex jittradixxu lill-oħrajn u twassal għall-abbuż tal-fiduċja. Mill-banda l-oħra, il-manswetudni li hu jrid minna m’għandha x’taqsam xejn ma’ din l-adulazzjoni, ma’ dan il-mod mimli zokkor kif timxi ’l quddiem. Il-manswetudni hija sempliċi, bħal dik ta’ tifel ċkejken; u tifel ċkejken mhuwiex ipokrita, għaliex mhuwiex korrott. Meta Ġesù jgħidilna: ‘Kliemkom għandu jkun: iva, iva, le, le, b’qalb ta’ tifel ċkejken,’ ikun qed jgħidilna l-kuntrarju ta’ dak li jgħidu l-korrotti.
Ilkoll kemm aħna, ammetta l-Papa Franġisku, fil-fatt għandna debbulizza interna u nieħdu gost li jgħidu ħwejjeġ sbieħ dwarna. U lkoll nieħdu gost għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, daqsxejn vanità għandna lkoll. Il-korrotti dan jafuh u jfittxu li jdgħajfuna bil-lingwaġġ tagħhom. Mela, irrakkomanda l-Papa, għandna naħsbu sewwa liema hija l-lingwa tagħna: nitkellmu fil-verità bl-imħabba jew nitkellmu ftit b’dak il-lingwaġġ li jwassalna biex ngħidu ħwejjeġ sbieħ li ma nħossux li huma hekk? Kliemna għandu jkun evanġeliku, saħaq il-Qdusija Tiegħu, filwaqt li ħeġġeġ biex nitolbu lill-Mulej li d-diskors tagħna jkun id-diskors tas-sempliċi, id-diskors ta’ tifel ċkejken, id-diskors ta’ wlied Alla: mela, id-diskors fil-verità bl-imħabba.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb