Il-Papa f’Santa Marta: L-għaġla tan-Nisrani

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 15 ta’ Ġunju 2013: Il-ħajja nisranija m’għandha qatt tkun inkwetata u qatt trankwillizzanti u bla dubju ta’ xejn mhix terapija terminali biex iġġegħilna nkunu fil-paċi sas-sema. Allura hemm bżonn li nagħmlu bħal San Pawl u nixhdu l-messaġġ tal-vera rikonċiljazzjoni, mingħajr ma ninkwetaw wisq dwar l-istatistiċi jew li nagħmlu proseliti. Din hija ħaġa tal-imġienen, imma sabiħa għaliex huwa l-iskandlu tas-salib. Il-Papa reġa’ tkellem dwar ir-rikonċiljazzjoni u l-ardir apostoliku fl-omelija tal-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, is-Sibt 15 ta’ Ġunju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.

Il-bażi tar-riflessjoni tal-Papa kienet, bħas-soltu, il-qari tal-jum, b’mod partikolari t-tieni ittra ta’ San Pawl lill-Korintin (5, 14-21), silta li huwa qal li kienet ftit jew wisq speċjali għaliex donnu li Pawlu jitlaq bl-għaġla. Huwa mgħaġġel, donnu jitlaq b’ċerta veloċità. L-imħabba lejn Kristu taħkimna, timbuttana, tippressana. Hija proprju din il-veloċità li għandu Pawlu: meta jara l-imħabba ta’ Kristu ma jistax iżomm wieqaf. Hekk San Pawl huwa tassew bniedem li hu mgħaġgel, bl-affann biex jgħidilna xi ħaġa importanti: jitkellem dwar l-‘iva’ ta’ Ġesù, dwar l-opra tar-rikonċiljazzjoni li għamel Ġesù u wkoll dwar l-opra tar-rikonċiljazzjoni ta’ Kristu u tal-appostlu.

Il-Papa Franġisku wkoll ġegħilna ninnutaw kif fil-paġna pawlina għal ħames darbiet tiġi ripetuta l-kelma ‘rikonċiljazzjoni’. Ħames darbiet, donnha ritornell, biex jgħid b’ċarezza li Alla rrikonċiljana miegħu fi Kristu. Imbagħad Pawlu, fil-kontinwazzjoni ta’ kitbietu, qisu kważi jinxteħet għarkupptejh biex jitlobna: ‘Nitlobkom, fl-isem ta’ Kristu, ħallu li tkunu rrikonċiljati ma’ Alla.’ U bħal donnu jgħidilna, ‘Warrbu l-għassa tagħkom, biex tippermettu li tkunu rrikonċiljati miegħu.’

L-għaġla, il-premura ta’ Pawlu, baqa’ jsostni l-Papa, iġġegħilni naħseb dwar Marija meta, wara li kienet irċeviet l-aħbar tal-anġlu, titlaq bl-għaġla biex tgħin lil kuġintha. Hija l-għaġla tal-messaġġ nisrani. U hawn il-messaġġ huwa proprju dak tar-rikonċiljazzjoni. Is-sens tar-rikonċiljazzjoni ma jinsabx sempliċement f’li npoġġu flimkien partijiet differenti u mbiegħda bejniethom. Il-vera rikonċiljazzjoni hija li Alla fi Kristu ħa dnubietna u sar dnub għalina. U meta aħna mmorru nqerru, per eżempju, mhuwiex li ngħidu dnubna u Alla jaħfrilna. Aħna nsibu lil Ġesù Kristu u ngħidulu: ‘Dan tiegħek u jien se nagħmlek dnub għal darb’oħra.’ U dan jogħġbu, għaliex kienet il-missjoni tiegħu li jsir dnub għalina, biex jeħlisna.

Dan huwa l-misteru li mexxa ’l quddiem Pawlu b’żelu apostoliku, għaliex hija ħaġa tant meraviljuża: l-imħabba ta’ Alla li tat lil ibnu għall-mewt għalija. Meta Pawlu jsib ruħu quddiem din il-verità, jgħid: ‘Imma huwa ħabbni, mar għall-mewt għalija.’ Dan huwa l-misteru tar-rikonċiljazzjoni. Il-ħajja nisranija, reġa’ spjega l-Papa, tikber fuq dan il-pilastru u aħna ftit jew wisq niżvalutawh meta nirriduċuh għall-fatt li n-Nisrani hemm bżonn li jagħmel dan u mbagħad irid jemmen f’dak.  Għall-kuntrarju, dan huwa li naslu għal din il-verità li tqanqalna, għal din l-imħabba li tinsab fil-ħajja nisranija: l-imħabba tal-Missier li fi Kristu jirrikonċilja d-dinja. Infatti huwa Alla li jirrikonċilja fih id-dinja fi Kristu, bla ma jattribwixxi lill-bnedmin ħtijiethom, u jafdalna l-kelma tar-rikonċiljazzjoni. Kristu rrikonċiljana. U dan huwa l-atteġġjament tan-Nisrani, din hija l-paċi tan-Nisrani.

Il-filosfi jgħidu li l-paċi hija ċerta trankwillità fl-ordni: kollox ordnat, trankwill. Dik mhix il-paċi nisranija. Il-paċi nisranija, insista l-Papa Franġisku, hija paċi bla kwiet, mhix paċi trankwilla. Hija paċi bla kwiet li tgħaddi ’l quddiem biex twassal dan il-messaġġ ta’ rikonċiljazzjoni. Il-paċi nisranija timbuttana biex ngħaddu ’l quddiem u dan huwa l-bidu, l-għerq taż-żelu apostoliku.

U skont il-Papa Franġisku ż-żelu apostoliku mhux li tmur ’il quddiem biex tagħmel proseliti u tagħmel statistiċi: din is-sena żdiedu l-Insara u l-movimenti fit-tali pajjiż. L-istatistiċi huma tajbin, jgħinu, imma li tagħmel il-proseliti mhux dak li Alla jrid l-iktar minna. Huwa ppreċiża li dak li l-Mulej irid minna huwa proprju l-aħbar tar-rikonċiljazzjoni, li hija n-nukleu tal-messaġġ tiegħu: Kristu sar dnub għalija u d-dnubiet jinsabu hemm, f’ġismu, f’ruħu. Dan huwa tal-imġienen, imma huwa sabiħ.  Huwa l-verità. Dan huwa l-iskandlu tas-salib.

Il-Papa kkonkluda l-omelija tiegħu billi talab il-grazzja li l-Mulej jagħtina din il-premura biex inħabbru lil Ġesù; jagħtina l-għaqal nisrani, li jitwieled proprju minn ġenbu minfud għall-imħabba. U jikkonvinċina wkoll li l-ħajja nisranija mhix terapija terminali biex nibqgħu paċi sas-sema. Il-ħajja nisranija hija fuq it-triq, fuq il-ħajja, b’din il-premura ta’ Pawlu. L-imħabba ta’ Kristu tippossedina, timbuttana, tħeġġiġna b’din l-emozzjoni li nħossu meta wieħed jara li Alla jħobbna.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: