Il-Papa f’Santa Marta: L-umiltà konkreta tan-Nisrani

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 14 ta’ Ġunju 2013: Mingħajr l-umiltà, mingħajr il-kapaċità li nagħrfu pubblikament id-dnubiet proprji u l-proprja dgħufija umana, ma nistgħux nilħqu l-fidwa u lanqas ma nippretendu li nħabbru lil Kristu jew li nkunu xhieda tiegħu. Dan jgħodd ukoll għas-saċerdoti. L-Insara għandhom dejjem jiftakru li l-għana tal-grazzja, rigal ta’ Alla, hija teżor li għandna ngħassu ġo ġarar tal-fuħħar biex tkun ċara l-qawwa straordinarja ta’ Alla, li ħadd ma jista’ jagħmel tiegħu għall-kurrikulu personali tiegħu.

Għal darb’oħra l-Papa Franġisku reġa’ stieden biex nirriflettu rigward it-tema tal-umiltà nisranija. Dan għamlu waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu, il-Ġimgħa 14 ta’ Ġunju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ. Miegħu kkonċelebraw, fost oħrajn, il-Kardinali Giuseppe Bertello, President tal-Governatorato, u Mauro Piacenza, Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Kleru, akkumpanjati minn uffiċjali u dipendenti tad-dikasteru. Mal-Kardinal Bertello kien hemm il-qraba tal-mibki Arċisqof Ubaldo Calabresi, għal snin Nunzju Apostoliku fl-Arġentina. Waqt it-talba tal-fidili l-Qdusija Tiegħu talab li jitolbu għalih li miegħu, tul is-snin li hu għamel bħala Arċisqof ta’ Buenos Aires, kien marbut bi ħbiberija profonda.

Il-qari tal-jum – mit-tieni ittra ta’ San Pawl lill-Korintin (4, 7-15) u  mill-Evanġelju ta’ San Mattew (5, 27-32) – kienu ċ-ċentru tal-meditazzjoni tal-Papa li għaqqad l-immaġni tas-sbuħija ta’ Ġesù, tal-qawwa ta’ Ġesù, tal-fidwa li jġibilna Ġesù, li dwarha jitkellem l-appostlu Pawlu f’paġna oħra, ma’ dik ta’  ġarar tal-fuħħar li fihom jinsab it-teżor tal-fidi.

L-Insara huma bħal ġarar tal-fuħhar, għaliex huma dgħajfa, minħabba li huma midinbin. Madankollu, sostna l-Papa, bejnna msejknin, ġarar tal-fuħħar, u l-qawwa ta’ Ġesù Kristu salvatur, jinbet djalogu: id-djalogu tal-fidwa. Huwa wissa però, li meta dan id-djalogu jieħu ton ta’ awtoġustifikazzjoni, ifisser li xi ħaġa mhix tiffunzjona u m’hemmx fidwa. Pawlu jgħallimna, kompla l-Papa Franġisku, it-triq li għandna nieħdu.  Infatti tkellem bosta drabi, kważi bħal ritornell, dwar dnubietu: ‘Jien ngħidilkom dan: kont persekutur tal-Knisja….ippersegwitajt….’ Fih terġa’ lura dejjem il-fakra tad-dnub. Iħossu midneb. F’dak il-waqt ma jgħidx, ‘Kont persekutur, imma issa jien qaddis.’

Imma fil-bnedmin jiġri xi ħaġa differenti. Il-Qdusija Tiegħu dan spjegah billi indika l-imġiba tal-appostlu.  Kull darba Pawlu jkellimna dwar il-kurrikulu tas-servizz: ‘Għamilt dan, għamilt dan l-ieħor, ippritkajt.’ Ikellimna wkoll dwar il-manwal tiegħu, jiġifieri dwar dak kollu li jirrigwarda d-dgħufijiet tiegħu, dnubietu. Aħna, għall-kuntrarju, żied il-Papa, għandna dejjem it-tentazzjoni tal-kurrikulu, u li naħbu ftit il-manwal għaliex ma narawx wisq dak li mhux tajjeb.

L-umiltà tan-Nisrani hija dik li ssegwi t-triq indikata mill-appostlu. Dan il-mudell ta’ umiltà jiswa wkoll għalina s-saċerdoti, għalina r-reliġjużi. Jekk aħna niftaħru biss bil-kurrikulu tagħna u xejn iktar, qal l-Isqof ta’ Ruma, nispiċċaw biex niżbaljaw. Ma nistgħux inxandru  lil Ġesù Kristu salvatur għaliex fil-fond ma nħossuhx. Hemm bżonn li nkunu umli, ħeġġeġ il-Papa, imma b’umiltà vera, b’isimna u b’kunjomna: ‘Jien midneb għal dan, għal dan u għal dan.’ Bħal ma jagħmel Pawlu. Hemm bżonn nagħrfu li aħna midinbin b’mod konkret, u mhux nippreżentaw irwieħna b’immaġni falza, b’wiċċ ta’ stampa ċkejkna. U biex jirrendiha iktar konkreta, Franġisku ħareġ b’espressjoni tal-Piemonte: tagħmilha tal-munia quacia.  Jiġifieri li tagħmilha tal-innoċenti, dik l-innoċenza li mhix vera, li hija biss apparenza.

Għall-kuntrarju, ippreċiża l-Papa, l-umiltà tas-saċerdoti, l-umiltà tal-Insara, hemm bżonn li tkun konkreta: ‘Jien ġarra tal-fuħħar għal dan, għal dan u għal dan.’ U meta Nisrani ma jirnexxilux jagħmel din il-qrara miegħu nnifsu, quddiem il-Knisja jkun hemm xi ħaġa mhix flokha.

Qabel kollox, żied jgħid il-Qdusija Tiegħu, ma jistax jifhem is-sbuħija tal-fidwa li jġibilna Ġesù – dan it-teżor.  Aħna għandna teżor: dan ta’ Ġesù Kristu salvatur, is-salib ta’ Ġesù Kristu, dan it-teżor li aħna niftaħru bih. Imma ma ninsewx nistqarru wkoll id-dnubiet għaliex hekk biss id-djalogu jkun nisrani u kattoliku, konkret. Għaliex il-fidwa ta’ Ġesù Kristu hija konkreta. Ġesù Kristu ma fdiniex b’idea, bi programm intellettwali. Fdiena bil-laħam, bil-konkretezza tal-laħam. Tbaxxa u sar bniedem, sar laħam sal-aħħar. Teżor bħal dan tista’ tifhmu u tirċevih biss kemm-il darba tinbidel f’ġarra tal-fuħhar.

Bħala għeluq il-Papa ppropona l-immaġni tas-samaritana. Dik il-mara li tkellmet ma’ Ġesù titlaq bil-għaġla meta jaslu d-dixxipli, u xi tgħid lil dawk tal-belt?  ‘Sibt bniedem li qalli dak kollu li għamilt.’ Kien ġegħilha tifhem is-sens tagħha li tkun ġarra tal-fuħħar. Dik il-mara kienet sabet lil Ġesù Kristu salvatur u meta kellha xxandru dan għamlitu l-ewwel billi tkellmet proprju dwar id-dnub tagħha. Infatti spjegat li kienet talbet lil Ġesù. ‘Intom tafu min jien. Hu qalli kollox.’

Il-Papa kkonkluda billi qal li hu jemmen li din il-mara tinsab fis-sema. U biex iwettaq iċ-ċertezza tiegħu kkwota lil Alessandro Manzoni: ‘Qatt ma sibt li l-Mulej beda miraklu mingħajr ma spiċċah tajjeb.’ U dan il-miraklu li huwa beda bla ebda dubju ta’ xejn spiċċah tajjeb fis-sema.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: