Il-Papa f’Santa Marta: Ix-xejn u l-kollox tan-Nisrani

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 17 ta’ Ġunju 2013: Ix-xejn huwa żerriegħa ta’ gwerra, dejjem; għaliex huwa żerriegħa ta’ egoiżmu. Il-kollox, dak kbir, huwa Ġesù. Fuq il-fehim korrett ta’ dan il-binomju jinbnew il-manswetudni u l-ġenerożità li jiddistingwu n-Nisrani. Dan qalu l-Papa Franġisku dalgħodu, it-Tnejn 17 ta’ Ġunju 2013, waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, ikkonċelebrata ma’, fost oħrajn, il-Kardinal Attilio Nicora, President tal-Aġenzija ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Aif). Preżenti kien hemm grupp ta’ kollaboraturi u ta’ dipendenti tal-Mużewijiet Vatikani.

Waqt li kkummenta l-qari tal-jum – meħud mit-tieni ittra ta’ San Pawl lill-Korintin (6, 1-10) u mill-Evanġelju ta’ San Mattew (5, 38-42) – il-Papa waqaf fuq is-sinifikat ta’ dak li huwa definit bħala ‘klassiku’ tat-tagħlim evanġeliku, jiġifieri s-sens ta’ dak li Ġesù jgħid rigward id-daqqa ta’ ħarta riċevuta fuq ħadd, għal liema n-Nisrani għandu jwieġeb billi joffri l-ħadd l-ieħor. Il-Papa qal li din xi ħaġa li tmur kontra l-loġika tad-dinja, skont liema għal offiża twieġeb b’reazzjoni ugwali u kuntrarja, għaliex hemm bżonn li niddefendu lilna nfusna, hemm bzonn li niġgieldu, hemm bżonn li niddefendu postna. U jekk jagħtuna daqqa ta’ ħarta, aħna nagħtuhom tnejn; hekk niddefendu lilna nfusna. Din hija l-loġika normali, le?

Imma Ġesù jmur lil hemm minn dan u jgħid li wara li tkun irċevejt daqqa ta’ ħarta – spjega l-Papa – hemm bżonn li tieqaf mal-ieħor, tiddedikalu ċertu ammont ta’ ħin. U jekk jitolbok xi ħaġa, hemm bżonn li ttih ferm iktar. Din hija l-liġi ta’ Ġesù: il-ġustizzja li ġġib ġustizzja oħra, li hija assolutament differenti minn għajn għal għajn, u minn sinna għal sinna. Il-Qdusija Tiegħu mbagħad ġibed l-attenzjoni fuq il-frażi li biha San Pawl jikkonkludi l-paġna tas-silta moqrija waqt il-liturġija. Għaliex, spjega l-Papa, jgħidilna kelma li forsi tgħinna nifhmu s-sinifikat tad-daqqa ta’ ħarta fuq il-ħadd u l-bqija. Jispiċċa, infatti, billi jgħidilna dan: bħal nies li m’għandhom xejn u minflok jippossjedu kollox.

Huwa dan il-binomju li fuqu l-Isqof ta’ Ruma stieden biex nirriflettu: ix-xejn u l-kollox. Huwa ppreċiża li kien jaħseb li dan huwa ċ-ċavetta tal-interpretazzjoni ta’ din il-kelma ta’ Ġesù, iċ-ċavetta biex  ninterpretaw tajjeb dik il-ġustizzja li Ġesù jitlobna, ġustizzja superjuri għal dik tal-iskribi u tal-fariżej. Kif tiġi riżolta t-tensjoni bejn ix-xejn u l-kollox? Il-kollox jikkostitwixxi s-sikurezza nisranija: aħna sikuri li nippossjedu kollox, kollox bil-fidwa ta’ Ġesù Kristu. U Pawlu kien konvint sal-punt li jasal li jgħid: ‘Imma, għalija, dak li jimporta huwa Ġesù Kristu, l-ieħor ma jimpurtax; l-ieħor għalija jista’ jintrema. Il-kollox huwa Ġesù Kristu.’ L-affarijiet l-oħra m’huma xejn għan-Nisrani. Mill-banda l-oħra, għall-ispirtu tad-dinja l-kollox huma l-affarijiet: l-għana, il-vanità, l-importanza; u għall-kuntrarju x-xejn huwa Ġesù.

Dan, reġa’ spjega l-Papa, jiġi espress fil-fatt li jekk Nisrani jiġi mitlub għaxra, hu għandu jagħti mija, għaliex għalih il-kollox huwa Ġesù Kristu. Dan huwa s-sigriet tal-ġenerożità nisranija, li tmur dejjem mal-manswetudni. In-Nisrani huwa persuna li tkabbar qalbha b’din il-ġenerożità. Għandha l-kollox, li huwa Ġesù Kristu; l-affarijiet l-oħra huma x-xejn. Huma tajbin, iservu, imma fil-waqt tal-konfront huwa jagħżel dejjem il-kollox, li huwa Ġesù.

Manswetudni u ġenerożità. Żgur li li tgħix hekk mhux faċli, ammetta l-Papa, għaliex huwa minnu li jtuk daqqiet ta’ ħarta. U fuq iż-żewġt iħdud. Imma n-Nisrani huwa manswet, in-Nisrani huwa ġeneruż. Ikabbar qalbu. U meta aħna nsibu Nsara b’qalbhom imċekkna, dan ifisser li qegħdin jgħixu egoiżmu mmaskrat ta’ kristjaneżmu. Mill-bqija Ġesù wissiena: ‘Fittxu l-ewwel is-saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu u l-bqija jiġi waħdu.’ Is-saltna ta’ Alla hija l-kollox; il-bqija huwa sekondarju, mhux ewlieni. U l-iżbalji kollha tan-Nisrani, l-iżbalji kollha tal-Knisja, l-iżbalji kollha tagħna, jitwieldu kollha minn hawn: meta aħna ngħidu lix-xejn li huwa l-kollox; u lill-kollox li donnu ma jgħoddx,’ wissa l-Papa.

Li ssegwi lil Ġesù, qal il-Papa mill-ġdid, mhux faċli. La huwa faċli u lanqas diffiċli, għaliex fit-triq tal-imħabba l-Mulej jagħmel l-affarijiet b’tali mod li aħna nkunu nistgħu nibqgħu mexjin ’il quddiem. U l-istess Mulej ikkabbrilna qalbna. Meta, mill-banda l-oħra, inkunu iktar inklinati li nsegwu x-xejn, allura jqum il-ġlied fil-familja, mal-ħbieb, mas-soċjetà. Ukoll dak il-ġlied li jispiċca bil-gwerra…. Għaliex ix-xejn huwa żerriegħa ta’ gwerra, dejjem, għaliex huwa żerriegħa ta’ egoiżmu; waqt li l-kollox, dak kbir, huwa Ġesù.

Il-grazzja mitluba mill-Papa hija li l-Mulej ikabbrilna qalbna u jagħmilna umli, mansweti u ġenerużi – għax aħna għandna kollox fih – waqt li jippriżervana mill-ħolqien ta’ problemi ta’ kuljum madwar ix-xejn.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: