Il-Papa f’Santa Marta: Biex tħobb l-għedewwa

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta,18 ta’ Ġunju 2013: Li nħobbu lill-għedewwa tagħna, dawk li jippersegwitawna u li jġegħluna nbatu, huwa diffiċli u lanqas mhi affari tajba għaliex tfaqqarna. Madankollu din hija t-triq indikata u li mexa Ġesù għall-fidwa tagħna. Dwar dan tkellem il-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa ċcelebrata dalgħodu, it-Tlieta 18 ta’ Ġunju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ. Miegħu kkonċelebra, fost oħrajn, il-Kardinal Giuseppe Versaldi, President tal-Prefettura tal-Affari Ekonomiċi tas-Santa Sede, li kien qed jakkumpanja diversi kollaboraturi tal-uffiċċju. Fost dawk preżenti, kien hemm ukoll dipendenti tal-Mużewijiet Vatikani.

Waqt l-omelija l-Papa fakkar li l-liturġija ta’ dawn il-jiem tipproponi biex nirriflettu fuq il-paralleliżmi bejn il-liġi antika u l-liġi l-ġdida, il-liġi tas-Sinaj u l-liġi tal-muntanja tal-beatitudnijiet. Waqt li daħal fl-ispeċifiku tal-qari – meħud mit-tieni ittra ta’ San Pawl lill-Korintin (8, 1-9) u mill-Evanġelju ta’ San Mattew (5, 43-48) – il-Qdusija Tiegħu waqaf fuq id-diffikultà tal-imħabba lejn l-għedewwa.  U waqt li staqsa kif inhu possibbli li naħfru, żied li lkoll kemm aħna għandna għedewwa: ilkoll. Biċċa għedewwa dgħajfa, oħrajn qawwija. Ukoll aħna bosta drabi nsiru għedewwa ta’ oħrajn; ma nixtiqulhomx ġid. Ġesù jgħidilna li hemm bżonn li nħobbu lill-għedewwa.

Xejn m’hu impenn faċli, u l-biċca l-kbira naħsbu li Ġesù qed jitlob iżżejjed. Naħsbu li dawn l-affarijiet għandna  nħalluhom għas-sorijiet tal-klawsura li huma qaddisin, għal xi ruħ tajba!  Iżda dan mhux l-atteġġjament ġust. Ġesù, fakkar il-Papa, jgħid li hemm bżonn nagħmlu dan għaliex inkella nkunu bħall-pubblikani, bħall-pagani, u ma nkunux Insara. Huwa ammetta li, quddiem tant drammi li jindikaw l-umanità, huwa diffiċli li nagħmlu din l-għażla: infatti kif tista’ tħobb lil dawk li jieħdu d-deċiżjoni li jwettqu bumbardament u joqtlu tant nies? Kif nistgħu nħobbu lil dawk li għall-imħabba tal-flus ma jħallux jaslu l-mediċini għal min hu fil-bżonn, għall-anzjani, u jħalluhom imutu? U iktar: kif nistgħu nħobbu lill-persuni li jfittxu biss l-interessi tagħhom, il-poter tagħhom, u jagħmlu tant ħsara?

Jien ma nafx kif trid tagħmel, sostna l-Isqof ta’ Ruma, imma Ġesù jgħidilna żewġ affarijiet.  L-ewwel: inħarsu lejn il-Missier. Missierna huwa Alla li jtella’ x-xemx fuq it-tajbin u l-ħżiena; iniżżel ix-xita fuq il-ġusti u l-inġusti. Filgħodu Missierna ma jgħidx lix-xemx: ‘Illum dawwal lil dawn u lil dawn; u lil dawn le, ħallihom fid-dell!’ Huwa jgħid: ‘Dawwal lil kulħadd.’ Imħabbtu hija għal kulħadd; imħabbtu hija rigal għal kulħadd, tajbin u ħżiena. U Ġesù jispiċċa b’dan il-parir: ‘Intom, mela, kunu perfetti bħal ma perfett huwa Missierkom ċelesti.’ Mela l-indikazzjoni ta’ Ġesù hija li nimitaw lill-Missier f’dik il-perfezzjoni tal-imħabba. Hu jaħfer lill-għedewwa tiegħu. Jagħmel kollox biex jaħfrilhom. Aħsbu b’liema tenerezza Ġesù laqa’ lil Ġuda fl-ort taż-żebbuġ, meta fost id-dixxipli kien hemm min kien qed jaħseb għall-vendetta.

Il-vendetta – qal dwar dan il-Papa – hija dak il-platt tant tajjeb meta nikluh kiesaħ u għalhekk nistennew il-mument addattat biex inwettquha. Imma dan, irrepeta Franġisku, mhuwiex nisrani. Ġesù jitlobna biex inħobbu lill-għedewwa. Kif nistgħu nagħmlu dan? Ġesù jgħidilna: ‘Itolbu, itolbu għall-għedewwa tagħkom.’ It-talb jagħmel il-mirakli u dan jgħodd mhux biss meta nkunu fil-preżenza tal-għedewwa; jgħodd ukoll meta ġewwa fina nnibbtu xi antipatija, xi mibegħda ċkejkna. U allura hemm bżonn li nitolbu, għaliex dan huwa bħallikieku l-Mulej jiġi biż-żejt biex iħejji qlubna għall-paċi.

Waqt li dar fuq dawk preżenti, il-Papa żied li ried jagħmel mistoqsija li għaliha kulħadd kellu jwieġeb f’qalbu: Jien nitlob għall-għedewwa tiegħi? Jien nitlob għal dawk li ma jixtiqulix il-ġid? Imbagħad kompla li jekk aħna ngħidu ‘iva’, hu jgħidilna: Komplu, itolbu iktar, għaliex din hija t-triq it-tajba.’ Jekk it-tweġiba tkun ‘le’, il-Mulej jgħid: ‘Imsejken! Int ukoll int għadu tal-oħrajn!’ U allura hemm bżonn li nitolbu biex il-Mulej lil dawn ibiddlilhom qalbhom.

Il-Papa mbagħad talabhom biex jgħassu għal atteġġjamenti li suppost li jiġgustifikaw il-vendetta skont il-grad tal-offiża riċevuta, tal-ħażen magħmul minn oħrajn: jiġifieri l-vendetta fondata fuq il-prinċipju ‘għajn għal għajn, sinna għal sinna’. Hemm bżonn li għal darb’oħra naraw l-eżempju ta’ Ġesù.  Infatti, qal il-Papa, tafu l-grazzja li dwarha llum jitkellem l-appostlu Pawlu: ‘minn għani li kien, sar fqir għalikom, sabiex intom issiru għonja permezz tal-faqar tiegħu.’ Dan veru: l-imħabba għall-għedewwa tfaqqarna, tagħmilna foqra, bħal Ġesù, hu, li meta ġie, tbaxxa sakemm sar fqir. Jista’ jkun li mhix affari tajba, żied il-Papa, jew almenu mhix skont il-loġika tad-dinja. Madankollu, hija t-triq li għamel Alla, it-triq li għamel Ġesù, sakemm kisbilna l-grazzja li għamlitna għonja.

Dan huwa l-misteru tal-fidwa: bil-maħfra, bl-imħabba għall-għadu, aħna nsiru fqar. Imma dak il-faqar huwa żerriegħa fertili għall-oħrajn, bħal ma l-faqar ta’ Ġesù sar grazzja għalina lkoll, fidwa. Naħsbu fl-għedewwa tagħna, f’dawk li ma jixtiqulniex ġid. Tkun ħaġa sabiħa jekk noffru l-quddiesa għalihom, jekk noffru s-sagrifiċċju ta’ Ġesù għalihom li ma jħobbuniex. U wkoll għalina, sabiex il-Mulej jgħallimna dan l-għerf, tant diffiċli imma wkoll tant sabiħ, u jirrendina wkoll simili għal Ibnu, li fit-tbaxxija tiegħu sar fqir biex jagħni lilna bil-faqar tiegħu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading