Il-Papa f’Santa Marta: Is-sejħa ta’ Abram

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 25 ta’ Ġunju 2013: It-triq għall-paċi fil-Lvant Nofsani hija dik indikata mill-għerf ta’ Abram, missier komuni fil-fidi għal-Lhud, l-Insara u l-Musulmani. Dan qalu l-Papa Franġisku fil-quddiesa ċċelebrata dalgħodu fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ llum, it-Tlieta 25 ta’ Ġunju 2013, waqt li rrefera għall-ġlieda għall-art bejn Abram u Lot, irrakkontata fil-kapitlu 13 tal-Ġenesi (2, 5-18).  Fil-bidu tal-omelija huwa qal li meta jaqra dan, jaħseb fil-Lvant Nofsani u jitlob tant lill-Mulej biex jagħtina lkoll l-għerf, dan l-għerf li ma niġġildux għall-paċi – wieħed minn hemm u wieħed minn hawn. U Abram ifakkarna wkoll li ħadd m’hu Nisrani kumbinazzjoni għaliex Alla jsejħilna b’isimna u b’wegħda.

Flimkien mal-Papa kkonċelebraw, fost l-oħrajn, il-Kardinali Camillo Ruini u Roberto Sarah, President tal-Kunsill Pontifiċju Cor Unum, li kien qed jakkumpanja grupp ta’ uffiċjali u kollaboraturi tad-dikasteru; l-Isqof Ignacio Carrasco de Paula, President tal-Accademia Pontificia per la Vita, flimkien mal-kollaboraturi tiegħu; u l-Ġiżwita Gabriel G. Funes, Direttur tal-iSpecola Vaticana, flimkien mal-ħaddiema tal-Osservatorju Astronomiku.

Il-Papa fakkar li fl-għeruq tal-istorja ta’ Abram hemm wegħda li huwa lest li jħalli artu biex imur ma jafx fejn, imma fejn il-Mulej kellu jgħidlu. Il-Qdusija Tiegħu fakkar il-viċissitudini tiegħu, il-passaġġ fl-Egittu, u appuntu l-kwistjoni dwar l-art wara l-paċi ma’ Lot. Il-Papa Franġisku rrepeta l-kliem sabiħ tal-Ġenesi: ‘Allura l-Mulej qal lil Abram: Għolli għajnejk u, mill-post fejn tinsab, itfa’ l-ħarsa tiegħek lejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar. Kullimkien, kollox ikun tiegħek, tad-dixxendenti tiegħek.’  U l-Papa żied li dan ir-raġel, li forsi ġa kellu disgħin sena, iħares lejn kollox u jemmen il-kelma ta’ Alla li stiednu biex joħroġ minn artu. Jemmen. Imbagħad imur jistabbilixxi ruħu fil-Querce di Mamre, il-post fejn il-Mulej ikellmu tant drabi.

Abram, sostna l-Papa, jitlaq minn artu b’wegħda. Il-mixja kollha tiegħu hija li jmur lejn din il-wegħda. U t-triq tiegħu hija wkoll mudell tat-triq tagħna. Alla jsejjaħ lil Abram, persuna, u minn din il-persuna jagħmel poplu. Jekk aħna mmorru għall-ktieb tal-Ġenesi, fil-bidu, fil-ħolqien, nistgħu nsibu li Alla joħloq il-kwiekeb, joħloq il-pjanti, joħloq l-annimali. Kollox fil-plural. Imma joħloq lill-bniedem: singular. Wieħed. Alla jkellimna dejjem fis-singular, għaliex ħalaqna għall-immaġni u x-xebh tiegħu. U Alla jkellimna fis-singular bħalma kellem lil Abram: għamillu wegħda u stiednu biex joħroġ minn artu.

Il-Papa kompla li wkoll aħna l-Insara ġejna msejħin fis-singular.  Ħadd minna l-Insara ma ġejna msejħin b’kumbinazzjoni: ħadd. Hemm sejħa għalik, għalik u għalik. Hija sejħa bl-isem, b’wegħda: ‘Mur, jiena miegħek, jien nimxi maġenbek.’

Il-Qdusija Tiegħu spjega li dan kien jafu wkoll Ġesù li fil-mumenti l-iktar diffiċli jdur lejn il-Missier, bħalma ġara fl-ort taż-żebbuġ. U fl-aħħar, meta ħass dak id-dlam hekk profond, jgħid: ‘Missier, għaliex tlaqtni?’ Mela dejjem f’għaqda mal-Missier li sejjaħlu u li bagħtu. U wkoll meta jħallina f’jum it-tlugħ tiegħu fis-sema, jgħidilna dik il-kelma tant sabiħa: ‘Jien inkun magħkom kuljum, qribkom.’ Qribek.  Qribek dejjem.

Alla jakkumpanjana, Alla jsejħilna b’isimna, Alla jwegħedna dixxendenza, reġa’ fakkar il-Papa. U din hija s-sikurezza tan-Nisrani.  Din mhix kumbinazzjoni; din hija sejħa. Din sejħa li tgħinna nimxu ’l quddiem. Li tkun Nisrani hija sejħa ta’ mħabba, ta’ ħbiberija. Sejħa biex insir iben Alla, ħu Ġesù, biex insir fertili fit-trasmissjoni ta’ din is-sejħa lill-oħrajn, biex insir strument ta’ din is-sejħa. Bla dubju, żied jgħid il-Papa, hemm tant problemi, tant mumenti diffiċli. U Ġesù għadda minn bosta, imma dejjem b’dik is-sikurezza: il-Mulej sejjaħli, il-Mulej huwa miegħi, il-Mulej wegħedni. Imma forsi l-Mulej żbalja fuqi? Il-Mulej huwa fidil, għaliex Hu qatt ma jasal li jiċħad lilu nnifsu. Hu huwa fedeltà.

Proprju waqt li naħsbu  f’Abram dwar dan il-pass tal-Iskrittura, fejn hu jiġi midluk għall-ewwel darba missier tal-poplu, naħsbu wkoll dwarna, kompla l-Papa, li ġejna midlukin fil-Magħmudija u naħsbu dwar ħajjitna nisranija u lil min tgħid, ‘Missier, imma jiena midneb!’ Il-Papa fakkar li lkoll kemm aħna midinbin. L-importanti huwa li nimxu ’l quddiem mal-Mulej. Nimxu ’l quddiem b’dik il-wegħda li għamlilna, b’dik il-wegħda ta’ fertilità; u ngħidu lill-oħrajn, nirrakkontaw lill-oħrajn, li l-Mulej huwa magħna, li l-Mulej għażilna, u li hu qatt ma jħallina waħedna. Dik iċ-ċertezza tan-Nisrani tagħmlilna tajjeb.

Il-Papa Franġisku kkonkluda billi awgura li l-Mulej jagħti lil kulħadd din ix-xewqa li nimxu ’l quddiem li kellu Abram, ukoll f’nofs id-diffikultajiet; li ngħaddu ’l quddiem bis-sikurezza li l-Mulej sejjaħli, li wegħedni tant affarijiet sbieħ, li jinsab miegħi.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


Leave a Reply

%d bloggers like this: