Il-Papa f’Santa Marta: Kuraġġużi fid-dgħufija

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 2 ta’ Lulju 2013: It-tentazzjoni, il-kurjożità, il-biża’ u fl-aħħar il-grazzja. Huma erba’ sitwazzjonijiet li jistgħu jivverifikaw meta nsibu ruħna quddiem diffikultà. Fuq kull waħda minnhom il-Papa Franġisku tkellem waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, it-Tlieta 2 ta’ Lulju 2013, waqt li rrifletta fuq il-paġni proposti tal-liturġija tal-jum (Ġenesi 19, 15-29; Salm 25; Mattew 8, 23-27). Fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ kienu preżenti, fost l-oħrajn, uffiċjali u kollaboraturi tal-Penitenzjerija Apostolika, akkumpanjati mill-Kardinal Manuel Montero de Castro, penitenzjer maġġur – li wkoll ikkonċelebra mal-Papa – u d-dipendenti tal-Pontifiċja Akkademja Ekkleżjastika mal-Arċisqof  President Beniamino Stella, hu wkoll fost il-konċelebranti.

Il-Qdusija Tiegħu beda l-omelija proprju billi għamel aċċenn għas-singularità tal-liturġija tal-jum li, qal, iġġiegħel wieħed jaħseb dwar ċerti sitwazzjonijiet konfliġġenti, diffiċli li tiffaċċjahom. Li tirrifletti fuqhom, ippreċiża, tagħmel tajjeb.

L-ewwel atteġġjament huwa dak individwabbli fil-lentezza li biha Lot wieġeb għall-istedina tal-anġlu li jgħidlu biex iħaffef ħalli jħalli l-belt qabel ma tinqered. Il-Papa għamel riferiment għall-episodju tal-qerda ta’ Sodoma u Gomorra, irrakkontata fil-ktieb tal-Ġenesi, u dwar il-fidwa miksuba minn Abram għal Lot u l-familja tiegħu. Hu, spjega l-Papa, kien deċiż li jħalli l-belt. Il-lejla ta’ qabel kien mar id-dar tal-għarajjes ta’ wliedu biex jikkonvinċihom jitilqu. Mela kien deċiż sewwa.  Imma meta jasal il-mument tal-ħarba jagħmel kollox bil-lajma, ma jħaffifx. Lot ried jitlaq, imma bil-mod il-mod, ukoll meta l-anġlu jgħidlu biex jaħrab. Din l-istedina, fakkar il-Papa, tirrepeti ruħha kemm-il darba fit-test: ‘Aħrab, aħrab.’ L-atteġġjament ta’ Lot, skont il-Papa, jirrappreżenta l-inkapaċità li niddistakkaw ruħna mill-ħażen, mid-dnub. Aħna rridu noħorġu, deċiżi; imma hemm xi ħaġa li tiġbidna lura. Dwar dan l-Isqof ta’ Ruma sostna t-talba ulterjuri ta’ Lot lill-Mulej – irnexxielu jinnegozja mal-anġlu, speċifika infatti l-Papa – jiġifieri li ma jkunx kostrett jaħrab fuq il-muntanji, imma lejn belt ċkejkna u mhux daqstant ’il bogħod. Jien naħseb, żied il-Papa biex jispjega l-atteġgjament ta’ Lot, li forsi kienet it-tentazzjoni li jkun ftit iktar fil-qrib dak li ġiegħlu jressaq it-talba. Infatti, huwa ferm diffiċli taqta’ minn ma’ sitwazzjoni ta’ dnub. Imma l-leħen ta’ Alla jgħidilna din il-kelma: ‘Aħrab. Int ma tistax tissielet hemm, għaliex in-nar u s-sulfur joqtluk. Aħrab!’

Santa Tereżina tal-Bambin Ġesù, kompla l-Papa Franġisku,  kienet tgħallimna li xi daqqiet, quddiem diversi tentazzjonijiet, l-unika soluzzjoni tkun li taħrab. La tistħux taħarbu, tagħrfu li aħna dgħajfin, u li hemm bżonn li naħarbu. U l-poplu tagħna, fil-għaqal sempliċi tiegħu, dan jgħidu b’mod ftit li xejn ironiku: suldat li jaħrab iservi għal gwerra oħra.  Dan iżda, ippreċiża l-Papa, għandu x’jaqsam ma’ ħrib biex ngħaddu ’l quddiem fit-triq ta’ Ġesù.

It tieni atteġġjament huwa dejjem meħud mir-rakkont tal-ħarba ta’ Lot. L-anġlu, fakkar il-Papa, jgħidilhom biex ma jħarsux lura: ‘Aħrab u la tħarisx lura; imxi ’l quddiem.’ Ukoll hawn huwa parir biex jissupera n-nostalġija tad-dnub, parir rikorrenti fil-Kelma ta’ Alla. Bħala eżempju l-Qdusija Tiegħu kkwota l-ħarba tal-poplu ta’ Alla fid-deżert: kellu kollox, kien qawwi fil-wegħdi magħmula mill-Mulej, kien jaf li xorta waħda kellu jitħabat biex jimxi ’l quddiem, imma kien jaf ukoll bil-preżenza kostanti tal-Mulej maġenbu. Madankollu komplew għaddejjin bin-nostalġija tal-‘basal tal-Eġittu’ waqt li nsew, fakkar il-Papa, li dak il-basal kienu jikluh ‘fuq il-mejda tal-iskjavitù’.  Imma f’dak il-waqt in-nostalġija kienet hekk qawwija li kienet iġġegħilhom jinsew kollox minbarra l-basal. Il-parir tal-anġlu, saħaq il-Papa, huwa għaref: ‘La tħarsux lura. Imxu ’l quddiem!’ U f’dan il-punt, waqt li dar fuq dawk preżenti, il-Papa qal: Fit-talba ta’ qabel il-quddiesa tlabna lill-Mulej il-grazzja li ma nerġgħux naqgħu fid-dlam tal-iżball: ‘Mulej biex ma nerġgħux naqgħu.’  Għal dan tgħinna l-ħarba.

Kultant, però, mhuwiex inqas biżżejjed li naqtgħu kull nostalġija għaliex, wissa l-Papa Franġisku, hemm ukoll it-tentazzjoni tal-kurżità. Huwa dak li ġara lill-mara ta’ Lot. Mela quddiem id-dnub hemm bżonn li naħarbu bla nostalġija u niftakru li l-kurżità ma sservix; tagħmel ħażin. Taħrab u ma tħarisx lura għaliex aħna dgħajfin ilkoll u hemm bżonn li niddefendu lilna nfusna.

It-tielet atteġġjament li dwaru tkellem il-Papa Franġisku huwa dak tal-biża’. Ir-riferiment huwa l-episodju rrakkontat fl-Evanġelju ta’ Mattew (8, 23-27), tad-dgħajsa li fuqha kienu jinsabu l-appostli u li minnufih tisfa maħkuma mit-tempesta. Id-dgħajsa kienet mgħottija bl-ilmijiet, fakkar il-Papa. ‘Salvana Mulej! Aħna mitlufin!’ jgħidu huma. Il-biża’ hija wkoll tentazzjoni tad-demonju. Ikollok il-biża’ li tkompli miexi ’l quddiem fit-triq tal-Mulej. Tasal fil-punt li tippreferi tibqa’ wieqaf, ukoll jekk maħkum mill-iskjavitù.  Għaliex iva, qed tibża’ timxi ’l quddiem: nibża’ fejn jista’ jeħodni l-Mulej.  Il-biża’ mhix kunsillier tajjeb. Ġesù dan qalu diversi drabi: ‘La tibżgħux.’ Il-biża’ ma jgħinniex, qal il-Papa.

Ir-raba’ atteġġjament huwa riferut għall-grazzja tal-Ispirtu s-Santu  manifestata meta Ġesù jreġġa’ lura kalma kbira fuq wiċc il-baħar. U lkoll jibqgħu mistagħġba. Mela quddiem id-dnub, quddiem in-nostalġija, għall-biża’ hemm bżonn li nħarsu lejn il-Mulej, sostna l-Papa; nikkontemplaw lill-Mulej biex ikollna dak l-istagħġib hekk sabiħ ta’ laqgħa ġdida mal-Mulej. ‘Mulej għandi din it-tentazzjoni, irrid nibqa’ f’din is-sitwazzjoni ta’ dnub. Mulej għandi l-kurżità li nkun naf kif inhuma dawn l-affarijiet. Mulej qed nibża’….’  Imma mbagħad id-dixxipli ħarsu lejn il-Mulej: ‘Salvana Mulej, aħna mitlufin.’ U wasal l-istagħġib ta’ laqgħa ġdida ma’ Ġesù. M’aħniex boloh, lanqas Insara bierda: aħna qalbiena, kuraġġużi. Iva aħna dgħajfin, imma hemm bżonn li nkunu qalbiena fid-dgħufija tagħna.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: