Il-Papa f’Santa Marta: Tmiss il-pjagi biex tiddikjara lil Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 3 ta’ Lulju 2013: Hemm bżonn li noħorġu minna nfusna u mmorru fuq it-toroq tal-bniedem biex niskopru li l-pjagi ta’ Ġesù għadhom viżibbli wkoll illum fuq il-ġisem ta’ dawk l-aħwa kollha li għandhom il-ġuħ, l-għatx, li huma għarwenin, umiljati, skjavi, li jinsabu l-ħabs u fl-isptar. U proprju meta mmissu dawn il-pjagi, nikkarezzawhom, huwa possibbli li naduraw lil Alla veru f’nofsna.

L-anniversarju tal-festa ta San Tumas appostlu offra lill-Papa Franġisku l-okkażjoni li jerġa’ lura fuq kunċett li hu partikolarment għal qalbu: inpoġġu jdejna fil-ġisem ta’ Ġesù. Il-ġest ta’ Tumas li jpoġġi sebgħu fil-pjagi ta’ Ġesù rxuxtat kien infatti t-tema ċentrali tal-omelija magħmula waqt il-quddiesa ċcelebrata dalgħodu, l-Erbgħa 3 ta’ Lulju 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ. Mal-Papa kkonċelebra, fost l-oħrajn, il-Kardinal Jean-Louis Tauran, president tal-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Interreliġjuż, li kien qed jakkumpanja grupp ta’ dipendenti tad-dikasteru.

Wara l-qari (Efesin 2, 19-22; Salm 116; Ġwanni 20, 24-29), il-Qdusija Tiegħu waqaf b’mod speċjali fuq l-atteġġjament differenti meħud mid-dixxipli meta Ġesù, wara l-Qawmien, ħallihom jarawh: uħud kienu ferħana u kuntenti, oħrajn dubjużi.

M’emminx ukoll Tumas, li lilu l-Mulej deherlu biss tmint ijiem wara dik l-ewwel dehra. Il-Mulej, qal il-Papa waqt li spjega dan l-ittardjar, jaf meta u għaliex jagħmel l-affarijiet. Lil kull wieħed jagħti ż-żmien l-iktar opportun biex huwa jemmen. Lil Tumas tah tmint ijiem; u ried li fuq ġismu jerġgħu jidhru l-pjagi, minkejja li kien nadif, tassew sabiħ, mimli dawl, proprju għaliex l-appostlu, fakkar il-Papa, kien qal li jekk ma jdaħħalx sebgħu fil-pjagi tal-Mulej ma kienx jemmen. Kien ras iebsa! Imma l-Mulej, ikkummenta l-Papa, ried proprju ras iebsa biex iġegħilna nifhmu xi ħaġa kbira. Tumas ra lill-Mulej, kien mistieden ipoġġi sebgħu fil-pjagi tal-imsiemer, biex ipoġġi idu f’ġenbu, imma mbagħad ma qalx: ‘Tassew, il-Mulej qam.’ Le, mar iktar ’il bogħod minn hekk.  Huwa qal: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi,’ u adurah. Huwa l-ewwel mid-dixxipli li jagħmel l-istqarrija tad-divinità ta’ Kristu wara l-qawmien.

Minn din l-istqarrija, spjega l-isqof ta’ Ruma, wieħed jifhem x’kienet l-intenzjoni ta’ Alla: waqt li jisfrutta n-nuqqas ta’ twemmin, huwa wassal lil Tumas mhux tant li jwettaq il-qawmien ta’ Ġesù, daqskemm pjuttost li jwettaq id-divinità tiegħu. U Tumas, qal il-Papa, jadura lill-Iben ta’ Alla. Imma biex jadura, biex isib lil Alla, lill-Iben ta’ Alla, kellu jdaħħal sebgħu fil-pjagi, idaħħal idu f’ġenbu. Din hija l-mixja. M’hemmx oħra.

Naturalment, fl-istorja tal-Knisja, kompla bl-ispjega tiegħu l-Papa, kien hemm diversi żbalji fil-mixja lejn Alla. Diversi emmnu li Alla l-ħaj, l-Alla tal-Insara, stajt issibu billi  togħla ferm ’il fuq fil-meditazzjoni. Imma dan huwa perikoluż.  Kemm jintilfu f’dik il-mixja u ma jaslux?, qal il-Papa. Jaslu iva, forsi, għall-għarfien ta’ Alla, imma mhux ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla, it-tieni Persuna tat-Trinità, huwa ppreċiża. Għal dak ma jaslux. Din hija l-mixja tal-anjostiċi: huma tajbin, jaħdmu, imma dik mhix il-mixja ġusta.  Hija tassew ikkomplikata u ma twassalx għal tmiem tajjeb.

Oħrajn, kompla l-Qdusija Tiegħu, ħasbu li biex jaslu għal Alla jridu jkunu tajbin, immortifikati, serji, u għażlu t-triq tal-penitenza, il-penitenza biss, is-sawm. Lanqas dawn ma waslu għal Alla veru, għal Ġesù Kristu Alla Ħaj. Dawn, żied il-Papa, huma l-pelaġjani, li jemmnu li bl-isforz tagħhom jistgħu jaslu. Imma Ġesù jgħidhulna dan.  Rajna lil Tumas fil-mixja. Imma kif nista’ nsib il-pjagi ta’ Ġesù llum? Jien ma nistax narahom bħal ma rahom Tumas. Il-pjagi ta’ Ġesù ssibhom billi tagħmel l-opri tal-ħniena, tagħti għall-ġisem, għall-ġisem u wkoll għar-ruħ.  Imma nsostni: għall-ġisem ta’ ħuk ferut, għaliex għandu l-ġuħ, għaliex għandu l-għatx, għaliex imneżża’, għaliex umiljat, għaliex huwa lsir, għaliex jinsab il-ħabs, għaliex jinsab l-isptar. Dawk huma l-pjagi ta’ Ġesù llum. U Ġesù jitlobna nagħmlu att ta’ fidi lilu permezz ta’ dawn il-pjagi.

Mhux biżżejjed, kompla żied il-Papa, li twaqqaf fondazzjoni biex tgħin lil kulħadd, lanqas tagħmel tant affarijiet tajba biex tgħinhom. Dan kollu huwa importanti, imma jkun biss komportament ta’ filantropiċi. Għall-kuntrarju, qal il-Papa Franġisku, hemm bżonn li mmissu l-pjagi ta’ Ġesù, hemm bżonn li nżiegħlu bil-pjagi ta’ Ġesù. Hemm bżonn li letteralment inbusu l-pjagi ta’ Ġesù. Il-ħajja ta’ San Franġisk, fakkar il-Qdusija Tiegħu, inbidlet meta ħaddan lil-lebbruż għaliex mess lil Alla l-ħaj u għex fl-adorazzjoni. Dak li Ġesù qed jitlobna nagħmlu bl-opri tal-ħniena tagħna, ikkonkluda l-Papa, huwa dak li Tumas kien talab: nidħlu fil-pjagi.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: