It-Tnejn, 1 ta’ Lulju 2013: Jekk irridu niksbu xi ħaġa mingħand Alla, hemm bżonn li jkollna l-kuraġġ li ninnegozjaw miegħu permezz ta’ talb insistenti u konvint, magħmul minn ftit kliem. Il-Papa Franġisku reġa’ għal darb’oħra dar jitkellem dwar il-kuraġġ li għandu jsostni t-talb magħmul lill-Missier bil-familjarità kollha possibbli. U bħala eżempju ġab it-talb ta’ Abram, il-mod li bih kien ikellem lill-Mulej, proprju bħal wieħed li jsib ruħu qiegħed jinnegozja, appuntu, ma’ raġel ieħor.
Huwa dwar dan li l-Papa stieden biex jirriflettu lil dawk li ħadu sehem dalgħodu, it-Tnejn l-1 ta’ Lulju 2013, fil-quddiesa ċċelebrata fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ. Fost l-oħrajn kien hemm uffiċjali u kollaboraturi tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Unità tal-Insara, akkumpanjati mill-kardinal president Kurt Koch, li wkoll ikkonċelebra mal-Papa.
L-episodju li għalih irrefera l-Papa jinsab irrakkuntat fil-ktieb tal-Ġenesi (18, 16-33) fejn hemm irrakkuntata l-interċessjoni kuraġġuża ta’ Abram biex jevita l-mewt tal-ġusti fil-qerda ta’ Sodoma u Gomorra, eżempju proprju ta’ familjarità u ta’ rispett lejn Alla. Abram idur fuq Alla bħalma jagħmel kwalunkwe bniedem u jesponi l-problema, waqt li jinsisti: ‘U li kieku kien hemm ħamsin ġusti? U li kieku kien hemm erbgħin….tletin…. għoxrin… għaxra?’
Abram, fakkar il-Papa, kien diġà qabeż il-mitt sena. Kien ilu jkellem lill-Mulej għal madwar ħamsa u għoxrin sena u kien kiseb konoxxenza profonda dwaru. U għalhekk idur lejn il-Mulej biex jistaqsih x’kien se jagħmel b’dik il-belt midinba. Abram iħoss il-qawwa li jitkellem wiċc imb wiċc mal-Mulej u jipprova jiddefendi dik il-belt. Huwa insistenti. Huwa jħoss, reġa’ spjega l-Papa, li dik l-art hija tiegħu u allura jipprova jsalva dak li huwa tiegħu. Imma, wissa l-Qdusija Tiegħu, Abram iħoss ukoll li għandu jiddefendi dak li jappartjeni lill-Mulej.
Abram, ikkjarifika Franġisku, huwa kuraġġuż u jitlob b’kuraġġ. Mill-bqija, fil-Bibbja, żied il-Papa, l-ewwel ħaġa li wieħed jinnota hija proprju l-affermazzjoni li t-talb għandu jkun kuraġġuż. Meta nitkellmu dwar il-kuraġġ aħna naħsbu dejjem dwar il-kuraġġ appostoliku, għal dak li jwassalna biex immorru nippritkaw l-Evanġelju. Madankollu jeżisti wkoll il-kuraġġ quddiem il-Mulej, il-kjarifika quddiem il-Mulej: immorru għand il-Mulej kuraġġużi biex nitolbu xi affarijiet. U Abram jitkellem mal-Mulej b’mod speċjali, b’dan il-kuraġġ.
Il-Papa jqabbel it-talba ta’ Abram ma’ ‘negozju feniċju’ li fih kienu jikkuntrattaw fuq il-prezz u min jitlob jipprova jiġġebbed l-iktar possibbli biex ibaxxi l-prezz. Abram jinsisti u minn ħamsin irnexxielu jniżżel il-prezz għal għaxra minkejja li kien jaf li ma kienx possibbli li jevita l-kastig għall-belt midinba. Imma hu kellu jinterċedi biex isalva ‘wieħed ġust, kuġinuh’. B’kuraġġ, b’insistenza, però kompla għaddej.
Kemm drabi, fakkar il-Papa, ġara lil xi ħadd minna li sab lilu nnifsu jitlob għal xi ħadd billi jgħid: ‘Mulej nitolbok għal dak, għal dik…’ Imma jekk wieħed irid li l-Mulej jikkonċedi grazzja, saħaq l-Isqof ta’ Ruma, hemm bżonn li jmur bil-kuraġġ u jagħmel dak li għamel Abram, b’insistenza. Ġesù stess jgħidilna li hemm bżonn nitolbu hekk. U biex ifiehem iktar il-kunċett, il-Papa reġa’ ppropona diversi episodji evanġeliċi waqt li wera li, billi wieħed jinsisti, jasal li jakkwista dak li jitlob mingħand il-Mulej. Dan, irrepeta, huwa atteġġjament tat-talb.
Santa Tereża titkellem dwar it-talb bħala negozju mal-Mulej. U dan huwa possibbli meta jkun hemm familjarità mal-Mulej. Abram kien ilu ħamsa u għoxrin sena mal-Mulej, kellu familjarità. U minħabba dan, azzarda jieħu dik it-triq ta’ talb. Insisti, kuraġġ. Dan jgħejji, tassew, imma dan huwa t-talb. Dan ifisser tirċievi grazzja mingħand Alla.
Il-Papa mbagħad waqaf ukoll fuq kif Abram idur fuq il-Mulej. Ma jgħidx, ‘Imma msieken se jiġu maħruqa,’ imma jgħid, ‘Aħfrilhom. Int trid tagħmel dan? Int li int tant twajjeb trid tagħmel l-istess lill-ħażin u lill-ġust? Imma le, int ma tistax tagħmel dan.’ Jaqbad l-argumenti, il-motivazzjonijiet tal-qalb ta’ Alla stess. Hekk ukoll jagħmel Mosè meta l-Mulej ried jeqred lill-poplu: ‘Imma le, Mulej, la tagħmilx hekk. Għaliex jgħidu: ‘ħariġhom mill-Eġittu fid-deżert biex joqtolhom’? Le, int ma tistax tagħmel dan.’ Tikkonvinċi lill-Mulej bil-virtujiet tal-Mulej, u dan huwa sabiħ.
Is-suġġeriment mela huwa li tmur dritt għal qalb il-Mulej. Ġesù, qal il-Papa, jgħallimna li l-Missier l-affarijiet jafhom. La tinkwetawx, il-Missier jibgħat ix-xita fuq il-ġusti u fuq il-midinbin, ix-xemx għall-ġusti u għall-midinbin. Jiena rrid, ikkonkluda l-Qdusija Tiegħu, waqt li dar fuq dawk preżenti, li mil-lum ilkoll kemm aħna, għal ħames minuti waqt il-ġurnata, naqbdu l-Bibbja u bil-mod nirreċitaw is-Salm 102 li huwa dak li rreċitajna bejn iż-żewġ qari. ‘Bierek ’il-Mulej ruħ tiegħi, dak kollu li hemm fija bierek isem il-Mulej. La tinsiex il-benefiċċji kollha tiegħu. Huwa jaħfer il-ħtijiet kollha, ifejjaq il-mard kollu, isalva lil ħajtek mill-ħofra, idawrek bil-ġid u bil-ħniena.’ Itolbuh kollu, u b’dan nitgħallmu l-affarijiet li rridu ngħidu lill-Mulej meta nitolbuh grazzja.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb