Il-Papa f’Santa Marta: Smigħ, rinunzja u missjoni

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 5 ta’ Settembru 2013: Meta l-Mulej jgħaddi f’ħajjitna, dejjem jgħidilna kelma u jagħmlilna wegħda. Imma dejjem jitlobna wkoll biex ninżgħu minn xi ħaġa u jafdalna missjoni. Dan fakkru l-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ċcelebrata dalgħodu, il-Ħamis 5 ta’ Settembru 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.

Waqt li kkummenta l-episodju tas-sajda mirakoluża rrakkontat minn Luqa (5, 1-11) fis-silta evanġelika moqrija waqt il-liturġija, il-Papa fakkar lil Santu Wistin li jirrepeti sentenza li lilu dejjem laqtitu. Huwa jgħid: ‘Nibża’ meta jgħaddi l-Mulej’ – għaliex? – ‘għaliex nibża’ li jgħaddi u jien ma nintebaħx.’ U l-Mulej jgħaddi f’ħajjitna bħal ma ġara hawn, fil-ħajja ta’ Pietru, ta’ Ġakbu u ta’ Ġwanni.

F’dan il-każ il-Mulej għadda fil-ħajja tad-dixxipli tiegħu permezz ta’ miraklu. Imma, ippuntwalizza l-Papa, Ġesù mhux dejjem jgħaddi f’ħajjitna permezz ta’ miraklu wkoll jekk dejjem jinstema’. Dejjem. U meta l-Mulej jgħaddi, dejjem iseħħ dak li ġara hawn: jgħidilna xi ħaġa, isemmagħna xi ħaġa; imbagħad jgħidilna kelma, li hija wegħda: jitlobna xi ħaġa fil-mod ta’ ħajja li ngħixu, biex nitilqu xi ħaġa, biex ninżgħu minn xi ħaġa; imbagħad jagħtina missjoni.

Dawn it-tliet aspetti tal-passaġġ ta’ Ġesù f’ħajjitna –   jgħidilna kelma, li hija wegħda, u jafdalna missjoni – huma rappreżentati sewwa fis-silta ta’ San Luqa. Il-Qdusija Tiegħu rrijevoka b’mod partikolari r-reazzjoni ta’ Pietru għall-miraklu ta’ Ġesù. Xmun, li kien hekk jitilgħulu malajr, mar quddiemu u qallu: ‘Mulej tbiegħed minni għaliex jiena midneb.’ Dan ħassu tassew, għaliex hu hekk kien magħmul. U Ġesù xi jmur jgħidlu? ‘La tibżax.’

Sabiħa din il-kelma tant drabi mtennija: ‘La tinħakimx mill-biża’, la tibżax,’ ikkummenta l-Papa, filwaqt li żied: imbagħad, hawn hi l-wegħda, jgħidlu: ‘Nagħmlek sajjied tal-bnedmin.’ Il-Mulej dejjem, meta jiġi f’ħajjitna, meta jgħaddi f’qalbna, jgħidilna kelma u jagħmlilna wegħda: ‘Kompli miexi ’l quddiem, int la tibżax tagħmel dan!’ Din hija stedina biex insegwuh. U meta nisimgħu din l-istedina u naraw li f’ħajjitna hemm xi ħaġa li mhix flokha, hemm bżonn li nikkoreġuha u hemm bżonn li nkunu lesti li nħallu kwalunkwe ħaġa, b’ġenerożità. Ukoll jekk f’ħajjitna, ippreċiża l-Papa, hemm xi ħaġa tajba, Ġesù jistedinna nitilquha biex insegwuh iktar mill-qrib. Huwa kif ġara lill-Appostli li telqu kollox, kif jgħid l-Evanġelju: ‘U, bid-dgħajjes miġbudin l-art, telqu kollox u marru warajh.’

Il-ħajja nisranija, mela, hija dejjem mixi wara l-Mulej. Imma biex nimxu warajh hemm bżonn li l-ewwel nisimgħu dak li jgħidilna.  Imbagħad hemm bżonn li nitilqu dak li f’dak il-waqt ikun hemm bżonn li nitilqu u nsegwuh.  Fl-aħħarnett hemm il-missjoni li Ġesù jafdalna. Infatti, Hu qatt ma jgħid, ‘Imxi warajja!’ mingħajr ma wara jgħid il-missjoni. Dejjem jgħid: ‘Itlaq u imxi warajja għal dan.’ Mela, jekk immorru fit-triq ta’ Ġesù, ippuntwalizza l-Papa, se mmorru biex inwettqu xi ħaġa. Din hija l-missjoni.

Din hija sekwenza li tirrepeti ruħha wkoll meta mmorru nitolbu. Infatti t-talb tagħna, sostna l-Qdusija Tiegħu, dejjem irid ikollu dawn it-tliet waqtiet. L-ewwelnett, is-smigħ tal-kelma ta’ Ġesù, kelma li permezz tagħha huwa jagħtina l-paċi u jassigurana bil-viċinanza tiegħu. Imbagħad il-waqt tar-rinunzja tagħna.  Hemm bżonn li nkunu lesti li nħallu xi ħaġa: ‘Mulej xi tridni nitlaq biex inkun iktar qribek?’ Jista’ jkun li ma jgħidlekx dak il-waqt. Imma aħna nagħmlu d-domanda, b’mod ġeneruż. Fl-aħharnett, il-waqt tal-missjoni: it-talb jgħinna dejjem biex nifhmu dak li għandna nwettqu.

Hekk hi allura s-sintesi ta’ talbna: nisimgħu lill-Mulej, ikollna l-kuraġġ li ninżgħu minn xi ħaġa li timpedina milli mmorru bil-għaġla biex insegwuh, u fl-aħħar naċċettaw il-missjoni. Dan ma jfissirx li ma jkollniex niffaċċjaw xi tentazzjonijiet. Pietru, fakkar il-Papa Franġisku, dineb bil-kbir fiċ-ċaħda ta’ Ġesù. Imma mbagħad il-Mulej ħafirlu. Ġakbu u Ġwanni dinbu bil-karririżmu. Imma wkoll lilhom il-Mulej tahom il-maħfra. Mela huwa importanti li nitolbu, waqt li nżommu sewwa f’moħħna dawn it-tliet waqtiet.

Nistgħu nitolbu, ikkonkluda l-Papa, lill-Appostli li għexu dawn l-affarijiet hekk mill-qrib, biex jagħtuna l-grazzja li dejjem nagħmlu talba ħalli nfittxu li nisimgħu l-kelma u l-wegħda ta’ Ġesù; li jkollna r-rieda li nitilqu dak li jżommna milli nsegwu mill-qrib lil Ġesù; u li niftħu qlubna ħalli nirċievu l-missjoni.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: