Il-Papa f’Santa Marta: Ħarba minn Alla

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 7 ta’ Ottubru 2013: Biex tħoss leħen Alla f’ħajtek trid ikollok qalb miftuħa għas-sorpriżi. Inkella r-riskju huwa li terħilha f’ħarba minn Alla, waqt li jista’ jkun ukoll li tivvinta skuża tajba. U hekk jista’ jiġri li proprju l-Insara tiġihom it-tentazzjoni li jaħarbu minn Alla u dawk il-persuni ‘mbiegħda’ minflok jirnexxilhom jisimgħuh. Dan qalu l-Papa Franġisku li ċċelebra l-quddiesa fid-Dar Santa Marta, it-Tnejn 7 ta’ Ottubru 2013 filgħodu, waqt li ssuġġerixxa triq sikura: inħallu lil Alla jikteb l-istorja tagħna.

Fl-omelija, għall-kumment dwar l-ewwel qari (1, 1-2, 11), l-Isqof ta’ Ruma ħa bħala eżempju l-istorja ta’ Ġona.  Hu kellu ħajtu kollha sistemata sewwa: kien jaqdi lill-Mulej, forsi kien jitlob ħafna, kien profeta tajjeb, kien jagħmel il-ġid.  Billi ma riedx ikun iddisturbat mill-metodu ta’ ħajja li kien għażel, filwaqt li sema’ l-kelma ta’ Alla, beda jaħrab. U kien jaħrab minn Alla. Hekk, meta l-Mulej jibagħtu Niniveh, huwa jaqbad il-vapur lejn Spanja. Kien jaħrab mill-Mulej.

Fl-aħħar mill-aħħar, spjega l-Papa, Ġona kien diġà kiteb l-istorja tiegħu: ‘Jien irrid inkun hekk, hekk, hekk, skont il-kmandamenti.’  Ma riedx ikun iddisturbat. Hekk hi r-raġuni tal-ħarba tiegħu minn Alla. Ħarba, wissa l-Papa, li tista’ tara bħala protagonisti lilna wkoll illum. Nista’ naħrab minn Alla, sostna Franġisku, avolja jien Nisrani, avolja jien Kattoliku, saħansitra avolja jien qassis, isqof, Papa. Ilkoll nistgħu naħarbu minn Alla. Din hija tentazzjoni ta’ kuljum: ma nisimgħux lil Alla, ma nisimgħux leħnu, ma nħossux f’qalbna l-proposta tiegħu, l-istedina tiegħu.

U jekk tista’ taħrab direttament, kompla Franġisku, hemm modi oħra kif taħrab minn Alla, ftit iktar edukati, ftit iktar sofistikati. Ir-riferiment huwa għas-silta evanġelika ta’ Luqa (10, 25-37) li tirrakkonta dwar dan ir-raġel nofsu mejjet, merfugħ minn fuq art it-triq. Kumbinazzjoni qassis inzerta nieżel f’dik l-istess triq. Qassis proprju, den, tajjeb, bravissimu.  Rah u ħares. ‘Nasal tard għall-quddiesa,’ ħaseb, u baqa’ sejjer. Ma kienx sema’ leħen Alla, hemm. Din, spjega l-Papa, hija manjiera diversa ta’ ħarba: mhux bħal Ġona li kien jaħrab b’mod ċar. Imbagħad għadda levita, ra u jista’ jkun li ħaseb: ‘Imma jekk jiena nieħdu jew jekk nersaq lejh, jista’ jkun li hu mejjet, u għada jkolli nidher quddiem l-imħallef u nagħti x-xiehda tiegħi.’ U baqa’ għaddej. Kien qed jaħrab minn dan il-leħen ta’ Alla f’dak il-bniedem.

Għall-kuntrarju, hija biċċa ‘kurjuża’ li biex ikollu l-ħila jifhem leħen Alla, kellu jkun biss raġel li normalment kien jaħrab minn Alla, midneb. Infatti, ippreċiża l-Papa, biex iħoss leħen Alla u jersaq lejn ir-raġel fil-bżonn, insibu Samaritan, midneb, ’il bogħod minn Alla, raġel, irrimarka Franġisku, li ma kienx imdorri bil-prattiċi reliġjużi, bil-ħajja morali. Teoloġikament kien fl-iżball għaliex is-Samaritani kienu jemmnu li lil Alla stajt tadurah f’post ieħor u mhux f’Ġerusalemm.

Imma proprju din il-persuna fehmet li Alla kien qed isejħilha; u ma ħarbitx. Resqet qrib ir-raġel abbandunat, infaxxatlu l-ġrieħi u ferrgħetlu żejt u nbid. Imbagħad għabbietu fuq is-sarġ tal-bhima, ħaditu l-lukanda u ħadet ħsiebu. Imma hemm ħin mitluf: tilfet dik il-għaxija kollha! Sadattant, innota l-Isqof ta’ Ruma, il-qassis wasal fil-ħin għall-quddiesa, u l-fidili kienu kuntenti lkoll. Il-levita kellu l-jum kollu wara ġurnata trankwilla, skont dak li huwa kien ħaseb li jagħmel, għaliex ma kellux għalfejn imur quddiem l-imħallef.

U għaliex, staqsa lilu nnifsu l-Papa, Ġona ħarab minn Alla? Għaliex il-qassis ħarab minn Alla? Għaliex il-levita ħarab minn Alla? Għaliex, huwa wieġeb, kellhom qalbhom magħluqa. Meta jkollok qalbek magħluqa ma tkunx tista’ tħoss leħen Alla. Għall-kuntrarju, Samaritan li kien fuq vjaġġ, ra lil dak ir-raġel ferut u ġietu ħniena minnu. Kellu qalbu miftuħa, kien uman. U l-umanità tiegħu ppermettietlu li jersaq lejh.

Ġona, spjega l-Papa, kellu pjan ta’ ħajtu; huwa ried jikteb l-istorja tiegħu tajjeb, skont Alla. Imma hu kien kitibha; il-qassis l-istess, il-levita l-istess. Pjan ta’ xogħol. Dan l-ieħor midneb, għall-kuntrarju, ħalla li tinkitiblu l-istorja minn Alla. Dik il-lejla bidel kollox, għaliex il-Mulej qegħidlu quddiemu lil dan il-povru raġel, ferut, mitfugħ hemm mal-art.

Jiena nistaqsi lili nnifsi, kompla l-Papa, u nistaqsi wkoll lilkom: inħallu li tinkitbilna l-istorja minn Alla jew irridu niktbuha aħna? U dan ikellimna dwar it-tjubija: aħna twajbin għall-Kelma ta’ Alla? Iva, jien irrid inkun twajjeb. Imma int għandek ħila li tismagħha, li tħossha? Għandek ħila li ssib il-Kelma ta’ Alla fl-istorja ta’ kuljum jew l-ideat tiegħek huma dawk li jiggwidawk u ma tħallix li s-sorpriża tal-Mulej tkellmek?

Jiena żgur, temm jgħid il-Papa Franġisku, li aħna lkoll illum, f’dan il-waqt, ngħidu: ‘Imma dan Ġona fittixha proprju u dawn it-tnejn, il-qassis u l-levita, huma egoisti. Huwa veru: is-Samaritan, il-midneb, ma ħarabx minn Alla! Minn hawn l-awgurju li l-Mulej jippermettilna nħossu leħnu li jgħidilna: ‘Mur u int ukoll agħmel bħalu.’

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb