Il-Papa f’Santa Marta: Min jagħżel l-aħjar parti

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 8 ta’ Ottubru 2013: Titlob ifisser tiftaħ il-bieb għall-Mulej sabiex ikun jista’ jagħmel xi ħaġa biex jirranġa l-affarijiet tagħna. Il-qassis li jagħmel dmiru imma li ma jiftaħx il-bieb lill-Mulej, jirriskja li jsir biss ‘professjonista’.   Il-Papa Franġisku, waqt il-quddiesa ċcelebrata dalgħodu, it-Tlieta 8 ta’ Ottubru 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta, waqaf fuq il-valur tat-talb: mhux dak ‘bħall-pappagall’ imma dak ‘magħmul bil-qalb’ li jwassal biex inħarsu lejn il-Mulej, biex nisimgħu lill-Mulej, biex nitolbu lill-Mulej.

Ir-riflessjoni żviluppat bit-tluq mill-qari tal-liturġija meħudin mill-ktieb ta’ Ġona (3, 1-10) u mill-Evanġelju ta’ Luqa (10, 38-42). B’mod partikolari, waqt li għamel riferiment għas-silta evanġelika, il-Papa ppropona bħala mudell biex ikun segwit l-atteġġjament ta’ Marija, waħda miż-żewġ nisa li kienu laqgħu lil Ġesù f’darhom. Marija, fil-fatt, tieqaf biex tisma’ u tħares lejn il-Mulej, waqt li Marta, oħtha, tkompli għaddejja bil-faċendi tad-dar.

Il-kelma tal-Mulej, beda l-Papa, hija ċara: Marija għażlet l-aħjar parti, dik tat-talb, dik tal-kontemplazzjoni ta’ Ġesù. F’għajnejn oħtha dan kien ħin mitluf. Marija tieqaf biex tħares lejn il-Mulej bħal tifla mgħaġġba, minflok taħdem bħal ma kienet qed tagħmel hi.

L-atteġġjament ta’ Marija huwa dak tajjeb għaliex, spjega l-Papa, hija kienet tisma’ lill-Mulej u kienet titlob b’qalbha. Hekk hu dak li jrid jgħidilna l-Mulej. L-ewwel xogħol fil-ħajja huwa dan: it-talb. Imma mhux it-talb tal-paroli bħall-pappagalli, imma t-talb tal-qalb, permezz ta’ liema huwa possibbli li nħarsu lejn il-Mulej, nisimgħu lill-Mulej, nitolbu lill-Mulej. U aħna nafu li t-talb jagħmel il-mirakli.

L-istess ħaġa jgħallem l-episodju rrakkontat dwar Ġona:  ‘ras iebsa’ ddefinih il-Qdusija Tiegħu, għaliex ma riedx jagħmel dak li l-Mulej kien qed jitolbu. Biss wara li l-Mulej kien salvah minn żaqq il-balena, fakkar il-Papa, Ġona ddeċieda: ‘Mulej nagħmel dak li tgħidli.’ U erħielha lejn it-toroq ta’ Niniveh, ixandar il-profezija tiegħu: il-belt kellha tinqered minn Alla kemm-il darba ċ-ċittadini ma jbiddlux għall-aħjar il-mod ta’ għajxien tagħhom. Ġona kien profeta ‘professjonista’, ippreċiża l-Isqof ta’ Ruma, u kien jgħid: ‘Erbgħin jum ieħor u Niniveh tinqered.’ Dan kien jgħidu bis-serjetà, b’qawwa. U dawn in-nies ta’ Niniveh beżgħu u bdew jitolbu bil-kliem, bil-qalb, b’isimhom. It-talb għamel il-miraklu.

F’dan ir-rakkont ukoll, sostna l-Papa Franġisku, jidher dak li Ġesu’ jgħid lil Marta: ‘Marija għażlet l-aħjar parti.’ It-talb jagħmel il-mirakli quddiem il-problemi li hawn fid-dinja. Imma hawn ukoll, dawk li l-Papa ddefinixxa bħala ‘pessimisti’, dawn il-persuni jgħidu:  ‘Xejn ma jista’ jinbidel, il-ħajja hija hekk.’ Dan iġegħilni naħseb dwar kanzunetta ta’ dwejjaq ta’ pajjiżi li tgħid: ‘Itlaq kollox. Hemm isfel fil-forn niltaqgħu lkoll.’

Tassew, sostna l-Papa, din hija viżjoni daqsxejn pessimista tal-ħajja li twassalna biex nistaqsu: Għalfejn titlob? Nitilqu kollox, il-ħajja hija hekk! Inkomplu għaddejjin;  nagħmlu dak li nistgħu. Dan huwa l-atteġġjament ta’ Marta, spjega l-Papa, hi li kienet tagħmel l-affarijiet, imma li ma kinitx titlob. U mbagħad hemm l-imġiba ta’ oħrajn, bħal ta’ dak ir-ras iebsa ta’ Ġona. Dawn huma l-giustizzieri.  Ġona mar u pprofetizza; imma f’qalbu kien jgħid: ‘Ħaqqhom, ħaqqhom, din ġabuha b’idejhom.’  Huwa pprofetizza imma ma talabx. Ma talabx maħfra lill-Mulej għalihom; kien biss isawwathom. Dawn, saħaq il-Qdusija Tiegħu, jaħsbu lilhom infushom ġusti. Imma fl-aħħar, bħal ma ġara lil Ġona, jirrivelaw ruħhom bħala egoisti.

Ġona, per eżempju, spjega mill-ġdid il-Papa, meta Alla salva lill-poplu ta’ Niniveh, irrabja mal-Mulej: ‘Imma int dejjem hekk, dejjem taħfer!’ U aħna wkoll, ikkummenta l-Papa, meta ma nitolbux, dak li nagħmlu huwa li nagħlqu l-bieb lill-Mulej tant li hu ma jkun jista’ jagħmel xejn. Minflok, quddiem problema, sitwazzjoni diffiċli, xi kalamità, għandna niftħu l-bieb lill-Mulej bit-talb, sabiex jiġi:  Hu, infatti, jaf jissistematizza mill-ġdid l-affarijiet.

Fil-konklużjoni l-Papa Franġisku ħeġġeġ biex naħsbu f’Marija, oħt Marta, li għażlet l-aħjar parti u turina t-triq li tiftaħ il-bieb lill-Mulej, lir-re ta’ Niniveh, li ma kienx qaddis, lill-poplu kollu. Kienu qegħdin jagħmlu ħwejjeġ koroh, imma meta talbu, samu u fetħu l-bieb lill-Mulej, u l-Mulej għamel il-miraklu tal-maħfra. U naħsbu f’Ġona li ma kienx jitlob; li kien jaħrab dejjem minn Alla. Kien jipprofetizza, kien forsi ‘professjonista’ tajjeb, nistgħu ngħidu llum li kien qassis tajjeb li kien jagħmel ix-xogħol tiegħu, imma qatt ma kien jiftaħ il-bieb lill-Mulej bit-talb. Nitolbu lill-Mulej li jgħinna nagħżlu dejjem l-aħjar parti.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb