Il-Papa f’Santa Marta: Is-sindrome ta’ Ġona

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 14 ta’ Ottubru 2013: Hemm marda gravi li llum qed thedded lill-Insara: is- ‘sindrome ta’ Ġona’, dik li ġġegħilna nħossuna perfetti u puliti daqslikieku għadna ħerġin mill-ħasla, għall-kuntrarju ta’ dawk li nqisuhom midinbin u allura kkundannati ħalli jirranġaw lilhom infushom waħedħom, mingħajr l-għajnuna tagħna. Ġesù, mill-banda l-oħra, ifakkar li biex insalvaw hemm bżonn li nsegwu ‘s-sinjal ta’ Ġona’, jiġifieri l-ħniena tal-Mulej. Dan hu fis-sustanza s-sens tar-riflessjoni proposta mill-Papa Franġisku waqt il-quddiesa ċcelebrata dalgħodu, it-Tnejn 14 ta’ Ottubru 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Waqt li kkummenta l-qari tal-liturġija meħud mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani  (1, 1-7) u mill-Evanġelju ta’ Luqa (11, 29-32), il-Papa beda proprju minn dik il-kelma qawwija li biha Ġesù jindika grupp ta’ persuni li jsejħilhom ‘generazzjoni kattiva’. Huwa nnota li din hija ‘kelma’ li kważi donnha tidher insult: din il-ġenerazzjoni hija ġenerazzjoni kattiva. Hija qawwija ħafna! Ġesù hekk twajjeb, hekk umli, hekk manswet, imma jgħid din il-kelma. Madankollu, spjega l-Papa, bla dubju huwa ma kienx qed jirreferi għan-nies li kienu jsegwuh; kien pjuttost qed jirreferi għad-dutturi tal-liġi, għal dawk li kienu jdaħħluh fil-prova, li jwaqqgħuh fin-nassa. Kienu nies li kienu jitolbuh xi sinjali, xi provi. U Ġesù kien iwieġeb li l-uniku sinjal li kellu jingħatalhom kellu jkun ‘is-sinjal ta’ Ġona’.  X’inhu s-sinjal ta’ Gona?

Il-ġimgħa l-oħra, fakkar il-Papa, il-liturġija gegħlitna nirriflettu dwar Ġona. U issa Ġesù jwiegħed is-sinjal ta’ Ġona. Qabel ma spjega dan is-sinjal, il-Papa Franġisku stieden biex nirriflettu fuq partikular ieħor li joħroġ mir-rakkont evanġeliku: is-‘sindrome ta’ Ġona’, dik li l-profeta kellu f’qalbu. Il-Qdusija Tiegħu spjega li Ġona ma riedx imur Niniveh u ħarab lejn Spanja. Ħaseb li kellu l-ideat ċari: ‘Id-duttrina hija din, hemm bżonn li temmen dan. La darba huma midinbin, jirranġaw huma; jien m’għandix x’naqsam!’ Din hija s-sindrome ta’ Ġona. U Ġesù jikkundannaha. Per eżempju, fil-kapitolu tlieta u għoxrin ta’ San Mattew, dawk li jemmnu f’din is-sindrome jiġu msejħa ipokriti:  ma jridux is-salvazzjoni ta’ dawk l-imsejkna nies. Alla jgħid lil Ġona: ‘Imsejkna nies, ma jiddistingwux il-lemin mix-xellug, huma injoranti, midinbin.’ Imma Ġona jkompli jinsisti: ‘Huma jridu ġustizzja! Jien nosserva l-kmandamenti kollha: jirranġaw huma.’

Hemm hi s-sindrome ta’ Ġona, li tolqot lil dawk li m’għandhomx żelu għall-konverżjoni tan-nies, li jfittxu qdusija – ippermettuli l-kelma – tal-għajn tal-ħasselin, jiġifieri kollha sabiħa, kollha magħmula sewwa mingħajr ebda żelu li jwassalna biex nippritkaw lill-Mulej. Il-Papa fakkar li l-Mulej, quddiem din il-ġenerazzjoni marida bis-sindrome ta’ Ġona, iwiegħed is-sinjal ta’ Ġona. U żied li, fil-verżjoni l-oħra, dik ta’ Mattew, jgħid: ‘Imma Ġona dam f’żaqq il-balena tlett iljieli u tlett ijiem…’  Ir-riferiment huwa għal Ġesù fil-qabar, għall-mewt u l-qawmien tiegħu. Huwa dan is-sinjal li Ġesù jwiegħed: kontra l-ipokresija, kontra dan l-atteġġjament ta’ reliġjożità perfetta, kontra dan l-atteġġjament ta’ grupp ta’ Fariżej.

Biex jirrendi l-kunċett ċar, l-Isqof ta’ Ruma rrefera għal parabbola oħra tal-Evanġelju li tirrappreżenta tajjeb dak li jrid jgħid Ġesù. Din hija l-parabbola tal-Fariżew u l-pubblikan li jitolbu fit-tempju  (Luqa 14, 10-14). Il-Fariżew huwa hekk sikur quddiem l-altar, li jasal jgħid: ‘Niżżik ħajr Alla li m’iniex bħal dawk in-nies kollha ta’ Niniveh u lanqas ma jien bħal dak li jinsab hemm!’ U dak li kien jinsab hemm kien il-pubblikan, li kien qed jgħid biss:  ‘Mulej ikollok ħniena minni li jiena midneb.’

Is-sinjal li Ġesù jwiegħed huwa l-maħfra tiegħu, ippreċiża l-Papa Franġisku, permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu. Is-sinjal li Ġesù jwiegħed huwa l-ħniena tiegħu, dik li diġà kien talab Alla minn żmien qabel: ‘Ħniena rrid u mhux sagrifiċċju.’  Mela l-veru sinjal ta’ Ġona huwa dak li jtina fiduċja li nkunu salvati mid-demm ta’ Kristu. Hemm tant Insara li jaħsbu li jkunu salvati biss b’dak li jagħmlu, bl-opri tagħhom. L-opri huma meħtieġa imma huma konsegwenza waħda, tweġiba għal dik l-imħabba ħanina li ssalvana. L-opri waħedhom, mingħajr din l-imħabba ħanina, mhumiex biżżejjed.

Mela s-sindrome ta’ Ġona jolqot lil dawk li għandhom fiduċja biss fil-ġustizzja tagħhom personali, fl-opri tagħhom. U meta Ġesù jgħid ‘din il-ġenerazzjoni kattiva’, ikun qed jirreferi għal dawk kollha li għandhom fihom is-sindrome ta’ Ġona. Imma hemm iktar: is-sindrome ta’ Ġona, sostna l-Papa, iwassalna għall-ipokresija, għal dik is-suffiċjenza li naħsbu li rridu nilħqu għaliex aħna Nsara puliti, perfetti, għaliex inwettqu dawn l-opri, nosservaw il-kmandamenti, kollox. Marda qawwija, is-sindrome ta’ Ġona!  Waqt li s-sinjal ta’ Ġona huwa l-ħniena ta’ Alla f’Ġesù Kristu mejjet u mqajjem għalina, għas-salvazzjoni tagħna.

Hemm żewġ kelmiet fl-ewwel qari, żied jgħid Franġisku, li jingħaqdu ma’ dan. Pawlu jgħid, fuqu nnifsu, li huwa appostlu, mhux għaliex studja, imma għaliex imsejjaħ. U lill-Insara jgħidilhom:  ‘Intom imsejħin minn Ġesù Kristu.’ Is-sinjal ta’ Ġona qed isejħilna. Il-liturġija tallum, ikkonkluda l-Papa, tgħinna biex nifhmu u nagħmlu għażla: Irridu nsegwu s-sindrome ta’ Ġona jew is-sinjal ta’ Ġona?

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb