Il-Papa f’Santa Marta: Kif tegħleb lid-demonju

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 11 ta’ Ottubru 2013: ‘Jekk jogħġobkom ma nagħmlux affari mad-demonju, u nieħdu bis-serjetà l-perikli mill-fatt tal-preżenza tiegħu fid-dinja.’ Dan irrakkomandah il-Papa Franġisku dalgħodu, il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru 2013, fl-omelija tal-quddiesa fid-Dar Santa Marta.  Il-preżenza tad-demonju, fakkar il-Papa,  tinsab fl-ewwel paġna tal-Bibbja u l-Bibbja tispiċċa wkoll bil-preżenza tad-demonju, bir-rebħa ta’ Alla fuq id-demonju. Imma dan, wissa, jerġa’ lura dejjem bit-tentazzjonijiet tiegħu. U jmiss lilna li ma nkunux boloh.

Il-Papa kkummenta l-episodju li fih Luqa (11, 15-26) jirrakkonta dwar Ġesù li jkeċċi x-xjaten. L-evanġelista jirreferi wkoll għal xi kummenti ta’ dawk li kienu preżenti mgħaġġba u jakkużaw lil Ġesù bis-sħarijiet jew, l-iktar l-iktar, jagħrfuh biss bħala fejjieq ta’ persuni maħkuma mill-epilessija. Illum ukoll, innota l-Papa, hawn qassisin li wara li jaqraw din is-silta u siltiet oħra tal-Evanġelju, jgħidu: ‘Ġesù fejjaq persuna minn marda psikika.’ Bla ebda dubju ta’ xejn, huwa ammetta li huwa minnu li f’dak iż-żmien wieħed seta’ jħawwad l-epilessija mal-pussess tad-demonju, imma huwa veru wkoll li kien hemm id-demonju. U aħna m’għandniex id-dritt li nirrendu l-affarijiet hekk sempliċi billi nillikwidaw l-affari bħallikieku kienet biċċa ta’ morda psikiċi u mhux indemonjati.

Waqt li reġa’ dar fuq l-Evanġelju, il-Papa nnota li Ġesù joffrilna xi kriterji biex nifhmu din il-preżenza u nirreaġixxu.  Kif nibqgħu għaddejjin għal riħna nisrani waqt li hemm it-tentazzjonijiet, meta jidħol id-demonju biex itellifna?, huwa staqsa. L-ewwel fost il-kriterji ssuġġeriti mis-silta evanġelika huwa li ma tistax tikseb ir-rebħa ta’ Ġesù fuq il-ħażin, fuq id-demonju, bin-nofs. Biex jispjega dan, il-Qdusija Tiegħu kkwota l-kliem ta’ Ġesù riferiti minn Luqa: ‘Jew int miegħi jew kontra tiegħi; min mhux miegħi huwa kontra tiegħi u min ma jiġborx miegħi jxerred.’ U waqt li rrifera għall-azzjoni ta’ Ġesù fir-rigward tal-posseduti mid-demonju, qal li din kienet biss parti żgħira minn dak li huwa kien ġie biex iwettaq għall-umanità kollha: jeqred l-opra tad-demonju biex jeħlisna mill-iskjavitù tiegħu.

Ma nistgħux inkomplu nemmnu li din hija esaġerazzjoni: jew int ma’ Ġesù jew int kontra Ġesù. U dwar dan il-punt ma hemm ebda sfumatura. Hemm ġlieda: ġlieda li fiha hemm fin-nofs is-salvazzjoni eterna tagħna lkoll. U m’hemmx alternattivi, ukoll jekk kultant inħossu xi proposti pastorali li jkunu donnhom iktar akkomodanti. Le! Jew int ma’ Ġesù, reġà tenna l-Isqof ta’ Ruma, jew int kontra. Dan huwa hekk. U dan huwa wieħed mill-kriterji.

L-aħħar kriterju huwa dak tal-viġilanza. Hemm bżonn li ngħassu dejjem, ngħassu kontra l-qerq, kontra s-seduzzjoni tal-ħażen, ħeġġeġ il-Papa. U reġa’ lura jikkwota l-Evanġelju: ‘Meta bniedem qawwi u armat sa snienu jagħmel l-għassa mal-palazz tiegħu, dak li jippossjedi jinsab fiż-żgur.’ U aħna nistgħu nagħmlu lilna nfusna d-domanda: Jien ngħasses fuqi nnifsi: Fuq qalbi? Fuq is-sentimenti tiegħi? Fuq ħsibijieti? Ngħasses it-teżor tal-grazzja? Ngħasses il-preżenza tal-Ispirtu Santu fija? Jekk ma ngħassisx, żied il-Qdusija Tiegħu, waqt li reġa’ rrefera għall-Evanġelju, jasal wieħed li hu iktar qawwi, jirbaħni, jeħodli l-armi kollha li fuqhom kont nafda, u jqassam dak kollu li jkun ħadli.

Dawn huma, mela, il-kriterji biex inwieġbu għall-isfidi maħluqa mill-preżenza tad-demonju fid-dinja: iċ-ċertezza li Ġesù jissielet kontra d-demonju.  Min mhux ma’ Ġesù huwa kontra tiegħu. Irridu nżommu quddiem għajnejna, kompla jgħid il-Papa, li d-demonju huwa makakk: qatt ma jitkeċċa għal kollox, ikun biss fl-aħħar jum li dan iseħħ. Għaliex meta l-ispirtu impur joħroġ mill-bniedem – fakkar il-Qdusija Tiegħu – jerħilha jiġġerra f’postijiet deżerti jfittex il-mistrieħ u meta dan ma jsibux, jgħid: ‘Nerga’ lura f’dari li minnha ħriġt.’ Kif jidħol lura, isibha miknusa u msebbħa; allura jmur, jieħu miegħu seba’ spirti agħar minnu, jidħlu u jgħammru hemm; u l-aħħar kundizzjoni ta’ dak il-bniedem issir agħar minn qabel.

Għalhekk hemm bżonn li ngħassu. L-istrateġija tad-demonju, wissa l-Papa Franġisku, hija din: ‘Int sirt Nisrani, kompli għaddej bil-fidi tiegħek, u jien inħallik, inħallik trankwill. Imma mbagħad, meta inti tkun drajt u ma tantx tkun attent u int tħossok sikur, jien nerga’ lura.’ L-Evanġelju tallum jibda bid-demonju mkeċċi u jintemm bid-demonju li jerga’ lura. San Pietru qalilna dan: ‘Hu qisu ljun.’

Nitolbu lill-Mulej – kienet it-talba konklużiva tal-Papa – il-grazzja li nieħdu dawn l-affarijiet bis-serjetà. Huwa ġie biex jissielet għas-salvazzjoni tagħna; Huwa rebaħ lid-demonju.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb