Il-Papa f’Santa Marta: Imħabba lejn Alla u l-proxxmu kontra idolatrija u ipokresija

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 15 ta’ Ottubru 2013: L-ipokresija u l-idolatrija huma dnubiet kbar li għandhom oriġini storika, imma li wkoll illum għadhom jirrepetu ruħhom bi frekwenza, ukoll fost l-Insara. Li tegħlibhom huwa tant diffiċli: biex nagħmluh ninħtieġu l-grazzja ta’ Alla. Din hija r-riflessjoni ssuġġerita lill-Papa Franġisku mill-qari tal-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, it-Tlieta 15 ta’ Ottubru 2013, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Il-Mulej, fetaħ il-Papa, qalilna li l-ewwel kmandament huwa ‘adura lil Alla, ħobb lil Alla’;  it-tieni huwa:  ‘ħobb lill-proxxmu bħalek innifsek.’ Il-liturġija llum tkellimna dwar żewġ vizzji kontra dawn il-kmandamenti li, fir-realtà, innota Franġisku, huma kmandament wieħed: ħobb lil Alla u lill-proxxmu. U l-vizzji li dwarhom tkellem effettivament huma dnubiet kbar: l-idolatrija u l-ipokresija. L-Appostlu Pawlu, innota l-Papa, ma jżommx lura l-kliem biex jiddeskrivi l-idolatrija. Huwa mħeġġeġ, qawwi u jgħid li r-rabja ta’ Alla tirrivela ruħha mis-sema kontra kull nuqqas ta’ ġustizzja.  Għaliex l-idolatrija hija nuqqas ta’ ġustizzja, hija nuqqas ta’ pietas. Hija nuqqas ta’ dak is-sens ta’ adorazzjoni lil Alla li lkoll kemm aħna għandna ġo fina. U r-rabja ta’ Alla kollha tirrivela ruħha kontra kull inġustizzja, kontra l-bnedmin li jifgaw il-verità fl-inġustizzja. Huma jifgaw il-verità tal-fidi, ta’ dik il-fidi li ngħatatilna f’Ġesù Kristu, li fiha tirrivela ruħha l-ġustizzja ta’ Alla. Hija bħal mixja ta’ fidi fil-fidi, kompla l-Papa, kif sikwit kien jgħid Ġwanni: ‘grazzja fuq grazzja ta’ fidi fil-fidi.’ Il-mixja tal-fidi. Imma lkoll kemm aħna ninħtieġu li naduraw, għaliex għandna t-timbru ta’ Alla ġewwa fina, u meta ma nadurawx lil Alla naduraw lill-kreaturi, u dan huwa l-passaġġ mill-fidi għall-idolatrija.

L-idolatri m’għandhom ebda motiv ta’ skuża. Allavolja saru jafu lil Alla, enfasizza l-Isqof ta’ Ruma, huma ma gglorifikawhx, lanqas ma rringrazzjawh bħala Alla. Imma liema hi t-triq tal-idolatri? Dan jgħidu b’mod l-iktar ċar San Pawl lir-Rumani:  hija triq li ġġiegħlek tintilef – ‘Intilfu fir-raġunamenti tagħhom u moħħhom imsaħħab iddallam.’  Għal dan iwassal l-egoiżmu  tal-proprju ħsieb, il-ħsieb omnipotenti li jgħid, ‘Dak li jien naħseb huwa minnu; jien naħseb il-verità, jien nagħmel il-verità bi ħsiebi.’ U proprju waqt li jiddikjaraw lilhom infushom għorrief, il-bnedmin li dwarhom jitkellem San Pawl saru idjoti:  ‘U bidlu l-glorja ta’ Alla inkorruttibbli ma’ immaġni u figura ta’ bniedem korruttibbli, ta’ għasafar, ta’ annimali b’erba’ saqajn, ta’ rettili.’

Nistgħu nitwasslu biex naħsbu, wissa l-Papa, li dan huwa atteġgjament tal-imgħoddi: illum ħadd ma jmur għal għonq it-triq jadura l-istatwi. Imma mhuwiex hekk għaliex illum ukoll, qal il-Papa, jeżistu tant idoli u llum ukoll hawn tant idolatri. Tant li jaħsbu li huma għorrief, ukoll fostna l-Insara. U dlonk żied: Jien ma nitkellimx minn dawk li mhumiex Insara; nirrispettahom. Imma fostna, fil-familja. Infatti ħafna Nsara jaħsbu li huma għorrief, jafu kollox. Imma fl-aħħar isiru idjoti u jibdlu l-glorja ta’ Alla inkorruttibbli, ma’ xbiha: il-jien innifsu, bl-ideat proprji, bil-kumdità proprja.

U din mhix ħaġa ta’ żmenijiet oħra għaliex ukoll illum, saħaq il-Papa, jinsabu l-idoli fit-toroq. Imma hemm iktar, huwa żied: ilkoll kemm aħna għandna xi idolu moħbi. U nistgħu nistaqsu quddiem Alla liema hu l-idolu moħbi tiegħi li jokkupa post il-Mulej. Kittieb Franċiż, reliġjuż ħafna, kien jirrabja faċilment u sikwit. Dan kien jgħid: ‘Min ma jitlobx lil Alla, jitlob lid-demonju. U jekk int ma tadurax lil Alla, tadura dejjem xi idolu.’ Il-bżonn tal-bniedem li jadura, il-bżonn ta’ Alla, li jitwieled mill-fatt li nġorru t-timbru tiegħu ġewwa fina, hija tali li, jekk m’hemmx Alla l-ħaj, ikun hemm dawn l-idoli. U waqt li kkonkluda, b’mod kważi provokatorju, il-Papa talab lil kulħadd biex jagħmel eżami tal-kuxjenza u li jagħmel lilu nnifsu l-mistoqsija: ‘Liema hu l-idolu tiegħi?’

Id-dnub l-ieħor kontra l-ewwel kmandament propost mil-liturġija tallum huwa l-ipokresija, kompla l-Qdusija Tiegħu. L-ispunt għal din ir-riflessjoni addizzjonali kien offrut mir-rakkont ta’ Luqa li fih jitkellem dwar dak ir-raġel li jistieden lil Ġesù għall-pranzu u jiskandalizza ruħu għaliex ma jaħsilx idejh u jaħseb li Ġesù huwa inġust minħabba li ma jwettaqx dak li jrid ikun imwettaq.

Imma, bħalma Pawlu ma joqgħodx lura mill-kliem kontra l-idolatri, innota l-Qdusija Tiegħu, hekk Ġesù ma joqgħodx lura mill-kliem kontra l-ipokriti: ‘Intom il-Fariżej tnaddfu l-estern tat-tazza u tal-platt, imma l-intern tagħkom mimli xeħħa u kattiverja.’ Huwa ċarissimu! Intom xħaħ u kattivi, idjoti. Juża l-istess kelma li Pawlu jgħid għall-idolatri: saru idjoti. Idjoti. U x’parir jagħti Ġesù? Pjuttost: ‘Agħtu bħala karità dak li hemm fil-platt u hekk hu li għalikom kollox ikun iktar pur.’

Ġesù mela jagħti l-parir li ma nħarsux lejn l-apparenzi imma li mmorru fil-qalba tal-verità. Il-platt huwa l-platt, imma huwa iktar importanti dak li hemm fil-platt: l-ikel. Imma jekk inti vanituż, jekk int karrerista, jekk int ambizzjuż, jekk int persuna li dejjem titkabbar bik innifsek, jew li jogħġbok titkabbar, għax taħseb li int perfett, agħmel daqsxejn karità u dik tfejjaq l-ipokresija tiegħek.

Hekk hi, temm jgħid il-Papa, it-triq tal-Mulej: adura lil Alla, ħobb lil Alla fuq kollox, u ħobb lill-proxxmu. Hija tant sempliċi, imma tant diffiċli. Din tista’ ssir bil-grazzja. Nitolbu l-grazzja.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: